The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors tal-Għeluq mill-President ta’ Malta George Vella, Konferenza dwar l-Istat tan-Nazzjon, 2 ta’ Ġunju 2023

On. Prim Ministru,

On. Ministri,

On. Kap tal-Oppożizzjoni,

Sinjura Kummissarju,

Mistednin Distinti,

L-ewwel nett, ippermettuli li wara sigħat twal ta’ diskussjoni – kemm interessanti kif ukoll rispettuża – naqsam xi ħsibijiet li ġewni f’moħħi hekk kif bdiet tiżvolġi l-ġurnata.

L-ewwel punt li ser nagħmel huwa dwar ir-rilevanza ta’ dan l-eżerċizzju tal-lum.

Bl-attendenza numeruża tagħkom, jidher ċar, li kollha għaraftu u apprezzajtu din ir-rilevanza.

Hemm interess kbir li naraw x’aħna u min aħna u, fl-istess ħin, ilkoll qed inħossu l-bżonn ta’ diskussjoni inklussiva, kalma u rispettuża kif appellajt fil-bidu ta’ din il-Konferenza.

Bħala soċjetà li tixtieq tkompli tħares l-interessi taċ-ċittadini tagħha, huwa tajjeb li nużaw dawn is-sigħat li għaddew bħala pawża ta’ riflessjoni u li nassorbu sew dak li twasslilna.

Dalgħodu smajt frażi li laqtitni ħafna: li qegħdin ngħixu f’soċjetà elastika li għaddejja minn tranżizzjoni.

Din id-deskrizzjoni żammejtha f’moħħi tul il-proċess tad-diskussjoni għax għalkemm sempliċi, hija waħda preċiża, u fissret il-kuntest preżenti b’mod tajjeb ħafna.

Ħa nsemmi eżempju wieħed biss tat-tranżizzjoni li għaddej minnha pajjiżna, jiġifieri, li ġie ripetut kemm-il darba, li 22% tat-twelidijiet f’Malta huma ta’ persuni barranin.

L-isfidi, bħalma ġie spjegat ċar matul id-dibattiti, kulma jmur jiżdiedu u r-realtajiet ġodda lokali u internazzjonali jitolbu minna ħsieb u ppjanar mirqum, kemm jista’ jkun fuq bażi xjentifika. Mhux fuq opinjonijiet jew oġġetti suġġettivi, imma fuq bażi xjentifika.

Fuq uħud mit-temi li ddiskutejna llum, inħoss li s’issa għadu ma nibitx dibattitu matur u mifrux fuq livell nazzjonali.

Jew inkella, meta ppruvajna, ħafna drabi naqgħu fin-nasba ta’ diskors politiku partiġġjan.

Hemm bżonn negħlbu dawn il-parametri restrittivi li għadhom ixekkluna u nħarsu sew lejn l-evidenza, li tpoġġiet quddiemna, bla passjoni u anki mingħajr preġudizzju.

L-għan ewlieni ta’ din il-Konferenza kien u għadu appuntu dan – li naraw iċ-ċittadin Malti kif qed jara l-preżent tiegħu, bla tidwir u bla tiżjin, iżda minn lenti xjentifika.

Ix-xjenza, bħalma anki għidna matul il-ġurnata, ma jista’ jmeriha ħadd.

B’dak li għamilna llum, qisna ħadnaritratt tas-soċjetà kif inhi, u kif qed tħossha, bis-sabiħ u l-ikrah tagħha.

Tul dawn l-aħħar sigħat, smajna u tkellimna ħafna u kulma ntqal jagħtina fuq xiex nirriflettu.

L-istampa hija dik li hi u nkunu qed niddieħku bina nfusna jekk nipprovaw inpinġu kollox tajjeb, jew kollox ħażin, kif jaqblilna.

Jiena, bħalkom, ħa nislet l-aspetti li l-aktar laqtuni u dawk oħrajn li jinkwetawni xi ftit.

Dak li ħareġ mis-sondaġġ juri sew kemm ilfamilja għadha tgawdi minn importanza u rwol fundamentali fis-soċjetà tagħna u li din għadha fil-qalb ta’ deċiżjonijiet li nieħdu aħna bħala individwi.

Mid-diskussjoni smajna li għad fadal x’isir biex jintlaħaq il-bilanċ bejn il-ħin fil-familja, l-impenji tax-xogħol, l-ispejjeż, l-impenji u r-ritmu mgħaġġel tal-ħajja. Element ieħor li ħareġ huwa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, speċjalment fejn jidħlu responsabbiltajiet marbuta mat-trobbija tat-tfal żgħar.

Fuq iż-żgħażagħ smajna ħafna. Smajna fatturi u raġunijiet differenti li jħajruhom ifittxu esperjenzi ta’ studju u ħajja lil hinn minn xtutna.

Kulħadd donnu jaqbel li l-kuntentizza ma tintlaħaqx bil-flus.

Jidher ukoll li s-sens ta’ appartenenza magħna nfusna bħala poplu Malti iżda wkoll bħala Ewropej qiegħed hemm, filwaqt li l-ilsien Malti għadu utilizzat bħala l-ewwel lingwa. 

Ma nafx kemm ser jieħdu gost b’din il-politiċi preżenti hawn illum, iżda għal raġuni jew oħra, rajna xi ċaqliq ’l isfel f’dak li jikkonċerna l-importanza li jagħtu n-nies lill-politika f’ħajjitna – dan ħareġ mis-sondaġġ – almenu fil-preżent.

Fuq suġġett ieħor, smajna kif bħas-snin l-oħrajn, ilkultura u t-tradizzjonijiet Maltin, speċjalment il-festi tal-ibliet u l-irħula, għadhom għal qalbna ħafna.  

Waqt din is-sessjoni tkellimna ħafna iktar dwar festi milli dwar il-kultura inġenerali.

Bħala kumment min-naħa tiegħi nixtieq inżid li l-kultura hija dak kollu li hu maħluq u li hu kkultivat mill-bniedem, u mhux dak li huwa biss naturali u essenzjali. Meta nitkellmu dwar kultura, ħassejt li ma kellniex nillimitaw irwieħna biss għall-festi tradizzjonali tagħna.

Hemm festi wkoll li mhumiex reliġjużi.

Il-kultura, bħalma jafu ħafna, tinkludi l-arti, tinkludi espressjoni bħall-pittura, baned, letteratura, użanzi, l-ikel tradizzjonali, l-ilbies u anki l-lingwa.

Il-kultura hija ħajja u ma tistax tibqa’ sterjotipata.

Fuq il-festi semmejna kif dawn huma espressjoni tal-kultura tagħna u tal-identità Maltija. Fil-fatt, qsamna l-ideat tagħna dwar xi jsawwar din l-identità, bejn dak li writna, u dak li qed niżviluppaw aħna fil-preżent.

Kien interessanti nisimgħu dwar kif, mil-lat ekonomiku, il-kultura ssaħħaħ il-kapital uman ta’ kull pajjiż.

Rigward il-festi staqsejna u ngħatajna tweġibiet differenti dwar jekk dawn isirux b’daqstant parteċipazzjoni, minħabba l-aspett reliġjuż jew inkella sempliċiment dak ta’ divertiment u dak soċjali.

Waqt id-diskussjoni, bi pjaċir ħadt nota ta’ kif iż-żgħażagħ għandhom ħeġġa kbira li jagħtu l-ħin, l-enerġija u l-ideat kreattivi tagħhom. 

Iktar tard waranofsinhar, waqt id-diskussjoni dwar l-ugwaljanza, it-tolleranza u d-drittijiet ċivili, smajna kemm is-soċjetà qed tinbidel anki f’termini ta’ anzjanità u fertilità u kemm hu diffiċli li nżommu l-pass mat-tibdil kbir li għaddiet minnu l-popolazzjoni Maltija f’dawn l-aħħar snin f’dik li hija l-ekonomija tagħha.

Punt li lili jħassibni sew f’dan il-kuntest, huwa l-persentaġġ ta’ Maltin – issemma terz tal-popolazzjoni Maltija – li ma jħossuhomx komdi bil-multikulturaliżmu. Imbagħad hemm terz ieħor li jgħidlek “m’aħna komdi xejn”. Xejra inkwetanti speċjalment meta wieħed iqis li l-barranin fostna żdiedu minn 4% għal 22% f’dawn l-aħħar għaxar snin.

Hawnhekk iż-żgħażagħ għandhom ħafna x’jgħallmuna, u jservu ta’ eżempju u mudell ta’ min lest jiftaħ idejh għall-barrani.

Li rridu huwa li nipprattikaw l-integrazzjoni. Issemmiet il-kelma, li hemm bżonn nedukaw l-integrazzjoni.

Ħa nġib eżempju li għadu frisk f’moħħi proprju wara li żorna lill-komunitajiet Maltin fl-Istati Uniti u l-Kanada l-ġimgħa l-oħra. Innutajt li filwaqt li żammew il-karatteristiċi Maltin wara dawn is-snin kollha – hemm min ilu hemm mill-1948 – daqslikieku għadhom Malta, dawn illum huma perfettament integrati fis-soċjetà Amerikana u Kanadiża. Għaliex? Għaliex ovvjament sabu l-okkażjoni u l-opportunitajiet li jiġu integrati u dawn l-opportunitajiet huma ħaduhom.

F’dan is-seminar tkellimna wkoll dwar ilkomunikazzjoni,speċjalment il-media soċjali, is-sehem li qed jagħtu lis-soċjetà u anki l-problemi ta’ natura oħra u serja li jinħolqu meta dawn il-mezzi jiġu abbużati jew mhux użati kif suppost.

Issemma wkoll il-bżonn ta’ edukazzjoni fl-iskejjel u fl-erba’ ħitan tad-djar dwar kif għandhom jitħaddmu sewwa dawn l-għodod diġitali, li rridu nammettu li ser ikollna nitgħallmu kif ngħixu bihom fil-futur għaliex dawn la ser jiġu mwaqqfa u lanqas ser jiġu injorati. Dawn ser ikunu parti minn ħajjitna.

Il-COVID uriena lkoll kemm hija kruċjali l-konnettività, anki f’termini ta’ vulnerabbiltà, solitudni u, sfortunatament, anki iżolament.

Bħala rakkomandazzjoni ntqal li t-teknoloġija għandha tiġi integrata u mhux injorata.

L-impatt fuq is-saħħa mentali huwa wkoll xi ħaġa li m’għandniex nittraskuraw. Issemma speċjalment fejn jidħlu t-tfal, li tajjeb li nżommu quddiem għajnejna l-effetti newroloġiċi u psikoloġiċi meta dawn ikollhom aċċess bla limitu għall-media soċjali.

Tkellimna wkoll dwar l-intelliġenza artifiċjali, l-impatt li din ser ikollha fuq id-dinja tax-xogħol, u kif mhux wisq ’il bogħod, ser issir biċċa waħda minn ħajjitna.  

Minn lat ieħor, kien interessanti nisimgħu dwar ir-relazzjoni bejn l-intelliġenza artifiċjali u t-tħaddim tad-demokrazija globalment, b’mod partikolari fejn jidħlu l-kampanji elettorali, elezzjonijiet politiċi u anki l-effett li l-AI jista’ jkollha fuq possibbiltà li tqarraq jew timmiżinforma lill-elettorat meta ser jieħu deċiżjonijiet daqshekk importanti.

Dan kollu wassal għall-punt finali ta’ kif it-teknoloġija għandha ssib postha fit-tfassil tal-politika u l-pjanijiet strateġiċi ekonomiċi ġodda.

Għall-ewwel darba din is-sena, żewġ ex prim ministri qasmu l-ħsibijiet validi ħafna tagħhom magħna waqt din il-konferenza tal-Istat tan-Nazzjon. 

Inrodd ħajr lil Dr Alfred Sant u lil Dr Lawrence Gonzi għall-kontributi li taw lid-diskussjoni mill-esperjenzi u l-perspettiva tagħhom fuq numru ta’ temi kurrenti u anki tant importanti.

Fost punti oħra, mingħand Dr Sant smajna kif il-modernizzazzjoni hija ċentrali għall-iżvilupp ta’ pajjiżna, imma li din trid titwettaq fuq front wiesa’ ħafna, minn ġewwa u b’impenn.

Dr Sant elenka wkoll numru ta’ proposti li permezz tagħhom jistgħu jkomplu jissaħħu l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni tal-pajjiż.

Min-naħa tiegħu, Dr Gonzi semma l-isfidi globali u reġjonali, bħall-gwerra fl-Ukrajna, it-taqlib fil-Mediterran u t-tensjonijiet bejn potenzi internazzjonali. Dr Gonzi qasam magħna l-ħsibijiet u l-evalwazzjoni tiegħu fuq domanda li dehret fis-sondaġġ dwar kif iħossuhom il-Maltin meta mistoqsija jekk jixtiqux li twieldu u trabbew f’pajjiżna.

Fakkar fil-kisbiet importanti, u hawnhekk naqbel miegħu mija fil-mija, li għamel pajjiżna minkejja l-ħafna ostakli. Naqbel ma’ dan id-diskors patrijottiku. Irrid nammetti bħalu li għalkemm hemm min żgarra, ir-riżultat aħħari huwa wieħed tajjeb. 

Għalkemm din ittappnet, ksibna tul is-snin fama ta’ sigurtà u anki ta’ serjetà.

Ikkummenta wkoll Dr Gonzi dwar il-biża’ li jitħalla jiddaħħal l-abort f’Malta.

Hawnhekk inżid ngħid, min-naħa tiegħi, li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin u nesprimi l-fiduċja li jirbaħ is-sens komun.

Taqblu miegħi li r-riflessjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li għoġobhom jippreżentawlna għandhom jiġu kkunsidrati mill-Eżekuttiv b’attenzjoni.

Sinjuri,

Iktar kmieni fid-diskors tiegħi tkellimt fuq ‘ir-ritratt’ li ħadna tagħna nfusna permezz ta’ din il-Konferenza.

Issa jmiss naraw kif ser insarrfu u x’ser insarrfu minnu. Kif ser ngħaddu issa mill-kliem għall-fatti.

Naħseb taqblu miegħi li l-ammont u n-natura dettaljata tal-informazzjoni u l-opinjonijiet li ħarġu llum, u iktar u iktar is-suġġerimenti marbuta magħhom, żgur li jitolbu li tittieħed xi forma ta’ azzjoni u anki riformi, dejjem bil-ħsieb li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħajja għal kull min jinsab f’pajjiżna.

It-tisħiħ tas-soċjetà u l-ġid komuni għandhom jitgawdew minn kull min jinstab fostna u għandhom ikunu fuq nett tal-aġenda politika ta’ kull politiku.

Hawnhekk ħa ndur fuq il-mexxejja li għadhom qegħdin hawnhekk magħna, il-politiċi, l-awtoritajiet, l-akkademiċi, is-soċjetà ċivili, l-operaturi ekonomiċi u kull min iktar jista’ jagħti sehmu u ngħaddilhom din ir-responsabbiltà.

Jien nagħmel appell sinċier biex dan it-tagħrif siewi jiġi utilizzat għall-benefiċċju tas-soċjetà, u mhux jispiċċa ġo xi kexxun bħala eżerċizzju akkademiku biss.

Kif jgħid il-Malti ‘il-mazz f’idejkom’. Din l-għodda tajnihielkom, biex tiġi użata.

Titilfux l-interess, l-għarfien u l-motivazzjoni li ħarġu b’mod prominenti permezz ta’ din l-inizjattiva u l-kelliema li kellna hawnhekk matul il-ġurnata.

Nappella wkoll li l-entitajiet u l-individwi kollha li jħossu li jistgħu jagħtu sehem, jagħmlu dan fi spirtu ta’ kooperazzjoni u mhux ta’ kompetizzjoni.

L-interess kollettiv tagħna, u ta’ dawk li ġejjin warajna, jiddependi minna kollha llum u mhux għada. U dan huwa s-sentiment, dan huwa l-ħsieb, ta’ dawn il-konferenzi li għamilna biex inkunu nistgħu flimkien nagħmlu valutazzjoni ta’ fejn qiegħed pajjiżna u nagħtu l-pariri biex narawh dejjem aħjar.

Min-naħa tiegħi u tal-Presidenza, inwegħedkom li ssibu kull appoġġ u sapport meħtieġ fejn u meta jinħass il-bżonn.

Nagħlaq b’ringrazzjament mill-ġdid lill-Prim Ministru, lill-Kap tal-Oppożizzjoni, lill-Ex Prim Ministri Sant u Gonzi, lill-kelliema kollha li ħadu sehem b’mod attiv illum, lill-membri tal-pubbliku li pparteċipaw fl-istħarriġ, u lil kull min ta s-sehem tiegħu biex għal darb’oħra sseħħ din il-Konferenza b’suċċess. 

Nirringrazzjakom u nsellmilkom.

Skip to content