Diskors mill-President Myriam Spiteri Debono fl-għeluq tal-maltabiennale.art 2024
Mess lili fil-kariga li għandi llum li nagħmel kelmtejn tal-għeluq tal-Biennale. Il-biennale beda taħt il-patroċinju tal-Predeċessur tiegħi, l-E.T. Dr George Vella. Jien għandi biss kliem ta’ tifħir u fuq kollox ringrazzjament għall-Ministru tal-Kultura, Owen Bonnici, għal Mario Cutajar, il-President tal-biennale u għal dawk kollha li b’xi mod għenu biex tittella’ l-maltabiennale għall-ewwel darba.
Ngħid grazzi minn qalbi lil 118-il artist u artista li ġejjin mill-erba’ irjieħat tad-dinja, 35 pajjiż ħadu sehem f’dan il-biennale u l-biennale għaldaqstant ma kienx biss opportunità għall-artisti tagħna, għall-artisti Maltin imma wkoll kien ta’ opportunità u fetaħ orizzonti oħra għal artisti minn madwar id-dinja.
Nifirħilkom għal mod kif irnexxielkom tinsġu mal-kultura u l-monumenti storiċi li għandna aħna l-Maltin, il-poplu indiġenu ta’ dawn il-gżejjer, il-kulturi u l-istorja tal-pajjiżi mnejn ġejtu.
Bqajt impressjonata, mhux biss mill-majestrija fit-twaħħid ta’ oriġinalità fil-materjali użati u ġeneri artistiċi oħrajn, partikularment għaliex dawn huma wkoll ħassieba. Fuq kollox apprezzajt immens l-inklużjoni ta’ temi attwali ta’ gwerra, ta’ paċi, għaliex irridu niftakru li anke l-artisti, forsi bil-messaġġ tagħhom, jilħqu aktar il-qlub u l-imħuħ tal-bnedmin l-oħra.
Dan l-isforz ta’ kulħadd ħareġ ‘il barra mill-konfini ta’ ‘baħar abjad u imsaġar taż-żebbuġ’ u mess l-Univers. U jiena ħadt gost ħafna li nismà lill-Ministru Owen Bonnici li il-maltabiennale wkoll kien taħt il-patronaġġ tal-UNESCO.
L-artist, l-artisti, dawk li joħolmu, il-moħħ tagħhom minn żminijiet imbiegħda jwassalna għall-preżent u joħodna għall-futur u jalla s-suċċess ta’ dan l-ewwel biennale ta’ Malta jkun ripetut fis-snin li ġejjin u dejjem ikun sors ta’ kif aħna l-bnedmin nilħqu lil xulxin f’dak kollu li hu tajjeb u ta’ ġid għall-umanità kollha.