Waqt serata annwali li tikkommemora l-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila, l-E.T. il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono appellat għal sens ta’ patrijottiżmu kritiku Malti li jibni fuq il-passat u l-preżent, fl-istess waqt li jħares lejn il-futur.
Hija qalet li dan għandu jkollu l-għan ewlieni “li nkunu poplu aħjar, kburi bil-kisbiet, ġejjin minn fejn ġejjin u għamilhom min għamilhom u li nħarsu b’fiduċja u impenn lejn il-ġejjieni li għandu jkun verament tagħna lkoll.”
Il-President saħqet li l-iskrutinju, il-kritika u azzjoni kontinwa huma neċessarji “jekk verament nemmnu f’Malta aħjar, li tmur ‘lil hinn miż-żewġ kampijiet ta’ aħna u huma”. Qalet li dan għandu jixpruna “Malta li tfittex li tgħaqqad lil uliedha naturali u dawk adottivi f’ponn wieħed.”
F’dan is-sens, u fl-isfond taċ-ċelebrazzjonijiet tas-sittin sena mill-indipendenza u l-ħamsin sena ta’ Malta Repubblika, il-President ta’ Malta enfasizzat il-bżonn li “nerġgħu nħarsu mill-qrib lejn dak kollu li jgħaqqadna, lejn dak kollu li jiddistingwina u li jagħmilna min aħna.”
Is-serata mużiko-letterarja kienet organizzata minn Festivals Malta, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, u ħadet is-sura ta’ intervista ma’ Dun Karm Psaila b’qari wkoll ta’ siltiet minn poeżiji u b’mużika.
Attendew is-serata mistiedna distinti li kkontribwixxew għall-iżvilupp tal-qasam letterarju u lingwistiku Malti.