The President of Malta

Search
Close this search box.

Closing speech by H.E. George Vella, President of Malta, during an evening in memory of Joe Borg, the first Mayor of Mellieħa, 20 March 2022 , (Speech in MT)

Onorevoli Ministru Bartolo,

Onorevoli Robert Cutajar,

Arnold Hoffmann – Bürgermeister Adenau

Sinjuri,

L-ewwel nett nixtieq nirringrazzjakom u nixtieq nirringrazzja b’mod partikolari lill-Onorevoli Cutajar għax kien hu, kif qal, li stedinni biex inkun preżenti llejla għal din l-okkażjoni. U rrid ngħid li okkażjoni bħal din tispikka għaliex hija xi ħaġa li hija differenti mis-soltu.

Differenti mis-soltu għaliex wieħed japprezza li għandek komunità li qiegħda tiċċelebra u tfaħħar u tqim il-memorja ta’ persuna, li kif spjegaw tant tajjeb – jiena ma kellix l-okkażjoni li niltaqa’ mas-Sur Joe Borg fil-passat, ma nistax ngħid li nafu, però milli smajt –, bniedem ta’ sens ċiviku qawwi u kien tant tajjeb li din il-komunità tiċċelebra u tfaħħar dak kollu li kien, kif jgħidu bl-Ingliż, what he stood for. Huwa kien jgħix u jemmen f’dawn l-affarijiet.

Jiena rrid nirrifletti wkoll fuq il-fatt li okkażjonijiet bħal dawn jinżlu għasel fil-komunità tagħna, fis-soċjetà tagħna, fejn sfortunatament għad għandna tant differenzi u tant affarijiet li jbegħduna minn xulxin. Okkażjonijiet bħal dawn juruna kemm għandna fuqiex ningħaqdu, u kemm għandna nies li jispiraw l-għaqda f’pajjiżna. Jiena matul it-tliet snin Presidenza, din ix-xewqa tal-għaqda naraha u ngħidha u nitkellem fuqha l-ħin kollu, għaliex hemm fejn issir din l-għaqda.

Qatt m’għidt li nneħħu d-differenzi kollha. Bħalma semma l-Onorevoli Cutajar ġejja l-elezzjoni, jalla jkun hemm id-differenzi, jalla jkun hemm opinjonijiet differenti, jalla jkun hemm diskussjoni sana, intelliġenti, infurmata, u jalla d-demokrazija taħdem b’dan il-mod. Però ma jfissirx dan li, għandna nies bħas-Sur Joe Borg, m’għandniex inħarsu lejhom bħala xi ħadd li jispira, xi ħadd li jiġbed warajh l-opinjonijiet differenti – anke politiċi, għaliex le? – jekk kemm-il darba fix-xogħol u fil-ħidma tiegħu, kif ġie spjegat tajjeb, ikun qiegħed jagħmel dak li aħna dejjem nirreferu għalih “il-ġid komuni”: il-ġid għal kulħadd.

Hija ħasra jekk forsi f’ħajtu s-Sur Joe Borg ma kienx iħoss li għandu dan ir-rispett u din it-turija ta’ mħabba li ntweriet illejla. Għaliex ħafna drabi, sfortunatament, ngħidu ħafna affarijiet wara li dak li jkun ikun telaq, però waqt li jkun ħaj qisna nistħu ngħidulu f’wiċċu jew inkella nagħtuh dak it-tifħir li jkun ħaqqu.

Jiena smajt lil ħuh jitkellem fuq il-karriera tiegħu. Irrealizzajt li t-tnejn twelidna ġo xelter fil-gwerra, u rrealizzajt ukoll li probabbilment, meta kont tabib tat-Tarza għal seba’ snin, kien qed jaħdem hemmhekk ukoll. U mingħajr ma ngħaġġibha, irrid ngħid li ħafna mill-kwalitajiet li smajtu jitkellem fuqhom, ma niskantax li ħadhom minn ġot-Tarzna, minn ġot-triq u mill-kuntatt man-nies. Ma jistax ikollok politiku tajjeb jekk ikun jgħix bil-kotba, jekk ikun jgħix biss f’dak li qara u jkun jgħix biss magħluq fl-uffiċċju tiegħu.

Ħareġ ċar li s-Sur Borg kien kontinwament jaqsam, jerfa’, jiddeċiedi, jgħin, jimbotta u jaħdem biex iwettaq dak li kien jemmen fih. U l-bniedem ikun rispettat għal dak li jemmen, anki jekk ma taqbilx miegħu. Xi ħadd qal, Segretarju jekk m’iniex sejjer żball, qal: “Dejjem għid il-verità”. Għaliex dik hija dak li temmen, dik ma titbiddilx għalik, ma tridx toqgħod tħokk rasek biex tiftakar x’għidt l-aħħar darba, għax il-verità tibqa’ dejjem l-istess.

U għalhekk huwa sabiħ, u nerġa’ ngħid, ma kontx qed nistenna lejla bħal din. U nerġa’ ngħidlek prosit Onorevoli Cutajar għal din l-inizjattiva għaliex verament wieħed jixtieq li affarijiet bħal dawn jiġru, mhux ġol-Mellieħa biss, imma jiġru f’ħafna lokalitajiet. Li l-Kunsilli jorganizzaw, jaħdmu bejniethom, ħalli dan it-tip ta’ sentiment, ta’ gratitudni, ta’ rispett u ta’ mħabba lejn min ikun għamel il-ġid tas-soċjetà u l-komunità jkun qiegħed jiġi muri – kemm jista’ jkun, bħalma għidt, mhux wara li jmut, imma anki qabel imut.

Ovvjament hawnhekk hawn il-familjari tiegħu u jiena nsellmilkom. Jiena m’għandix dubju li tħossukom kburin li taraw lil missierkom jiġi mfaħħar b’dan il-mod, u dan huwa xi ħaġa li kull missier jieħu gost għaliex, bħalma ssemma ħafna, fuq nett fuq l-aġenda tiegħu kien hemm il-familja. U l-familja hija dik ix-xi ħaġa li rridu nirrispettaw għaliex, veru klixè, li l-familja hija ċ-ċellola tas-soċjetà, imma veru li jekk aħna m’aħniex se nirrispettaw il-familji tagħna u naħdmu għall-familji tagħna u nibżgħu għalihom, is-soċjetà tagħna nibża’ li tista’ tibda tinħall bil-mod il-mod.

Ma rridx intawwal. Nirringrazzjakom ta’ din l-istedina, nawguralkom, lilkom, lill-familja tiegħu. Nirringrazzja ħafna lill-mużiċisti u l-kantanti li offrewlna programm bħal dan, lil min organizza, mill-ġdid, u lilkom kollha li bil-preżenza tagħkom hawnhekk urejtu li tridu dan it-tip ta’ politika ġewwa pajjiżna. Din hija politika – bil-“p” żgħira imma.

Din mhix il-politika partiġjana, din hi l-politika li dan il-poplu Malti kapaċi jwettaq, kapaċi jgħix u hija l-iktar sistema politika li tagħtih il-kuntentizza għaliex tagħtih l-għaqda.

Nirringrazzjakom.

Skip to content