The President of Malta

Search
Close this search box.

Closing Speech by His Excellency George Vella, President of Malta, during the Hate Speech Conference titled: Hate Speech: Challenged in Schools. 17th March 2023, Verdala Palace. (Speech in MT)

Sinjuri,

Ngħid grazzi għall-opportunità li nerġa’ niġi hawnhekk ħalli nirriflettu ftit fuq dak li ntqal.

Jiena naħseb li lkoll taqblu miegħi li kellna ħafna x’nisimgħu u ħafna x’nixtarru fuq dak li ntqal. Kulħadd ġab il-perspettiva tiegħu f’diskussjoni wiesgħa u li serrħet ħafna fuq ir-riċerka u l-esperjenzi personali u rrid ngħid li kienu kollha interventi ta’ livell għoli ħafna.

Filwaqt li bosta minnkom huma diġà involuti fil-ħidma kontra l-hate speech, speċjalment fl-iskejjel, kif smajna mill-esperjenzi li għandkom, għal bosta oħrajn – inqis lili nnifsi magħhom, għax jien m’iniex qiegħed f’dan is-settur imma ovvjament narah min-naħa ta’ barra – illum tgħallimna ħafna. Min irid jitgħallem tgħallimna ħafna affarijiet speċjalment fit-tieni sezzjoni ta’ din il-Konferenza fejn ħarġu opinjonijiet li, bħalma anki ġie indikat, wieħed jista’ jiġborhom, jiftaħhom iktar u anki jesponihom jew jiddiskutihom iktar imbagħad mhux biss fi ħdan din il-komunità tal-għalliema jew kapijiet ta’ skejjel imma anki mal-ġenituri u setturi oħra tas-soċjetà.

Irrid inrodd ħajr lill-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta, b’mod partikolari lil Dr Francois Mifsud u Dr Jonathan Borg, tal-appoġġ li taw lill-Uffiċċju tiegħi biex tittella’ din il-Konferenza.

Niftakar tajjeb l-entużjażmu tagħhom mill-bidu malli tkellimna fuq din l-inizjattiva. Kif ġiet ġo moħħi u bdejna nitkellmu fuqha, mill-ewwel ħatfu l-idea u wiegħdu li se jaħdmu fuqha.

Jiena nsellem ukoll lill-kelliema kollha li taw sehemhom illum, u qasmu magħna l-għarfien u l-esperjenza vasta tagħhom f’dan il-qasam. Tassew ħadt pjaċir nisma’ kemm għandna esperti ppreparati sew li forsi ma jippoppawx sidirhom bil-mod li jgħidu li huma esperti fis-suġġett imma mill-kliem u d-diskussjoni jibda ħiereġ l-għarfien u jibdew ħerġin l-esperjenzi li għandhom u anki tibda tinduna kif jibdew joqorbu lejn xulxin u anki jagħtu kummenti li huma kumplimentari u li jingħaqdu waħda mal-oħra. Dan għamilnieh fi ftit sigħat, u naħseb li kien hemm ħafna effiċjenza f’dawn l-interventi u anki fix-xejriet li tkellimna fuqhom.

Ħafna drabi jkollna biss bżonn ta’ ftit ta’ imbuttatura biex, kif jgħid l-Ingliż, ‘we join the dots’.Jiġifieri kieku konferenza bħal din ma tkunx saret, ħafna minn dan l-għarfien, forsi ma kienx jinġabar flimkien, u bħalma għidt diġà, nemmen li jista’ jinġieb iktar flimkien billi jiġi mniżżel, għaliex le, ħalli minn hemmhekk anki, kif issuġġerixxa l-Prof., ikun hemm charter dwar kif għandhom jaġixxu ċerti għalliema jew mexxejja tal-iskejjel rigward dawk li huma t-tolleranza jew nuqqas ta’ tolleranza rigward hate speech u anki sa fejn jista’ jasal jew ma jistax jasal; ikun hemm, biex ngħid hekk, bħal rules of procedure.

Kien dan l-għan li wassalni fil-bidu għax-xewqa li nlaqqagħkom hawn illum biex f’okkażjoni waħda jinġabru l-ħsibijiet, l-ideat u r-rakkomandazzjonijiet li jistgħu jiġu implimentati kemm mill-awtoritajiet tal-iskejjel, għada pitgħada, kif ukoll mill-politiċi, biex ngħid hekk.

Permezz ta’ dawn il-kelmtejn naraw fuq fuq x’nistgħu nsarrfu mill-eżerċizzju tal-lum. U se nirreferi l-iktar għal dak li ġara dalgħodu, fuq l-interventi li saru. Nanalizzawhom ftit u tippermettuli li ndurhom ftit.

Nibda bil-Professur Colin Calleja li spjega ċar il-hate speech u l-impatt li għandu fuq il-komunità, li wassal għal kif il-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta ilha żmien tindirizza dan is-suġġett kumpless u multidimensjonali.

Il-mistoqsija kienet: “Fejn jidħlu l-iskejjel f’dan kollu?”

Jidħlu u kif, għax għandhom il-fakultà kollha li jagħmlu differenza, fil-pożittiv, fil-ħajja tal-istudenti, meta kkonfrontati bil-hate speech. Huma parti intrinsika minn kwalunkwe eżerċizzju li jista’ joffri soluzzjonijiet u strateġiji f’dan ir-rigward. Huma l-iskejjel li jagħtu l-ħiliet biex jintgħaraf u jiġi miġġieled il-hate speech.

Il-ħsieb kritiku huwa importanti ħafna, u nistqarr magħkom li jien inħoss li għad fadal ħafna x’isir f’Malta fuq dan il-punt.

Apparti mid-diskors akkademiku li qed imexxi d-diskussjoni tagħna llum, hemm bżonn li nżommu sew quddiem għajnejna l-effetti ta’ ħsara kbira tal-hate speech fuq numru ta’ ħajjiet, u li ħafna drabi jirriżulta wkoll f’karattri vjolenti u karattri li anki mbagħad sfortunatament nibdew naraw ismijiethom fil-kronoloġija tal-qrati.

Għalhekk l-iskejjel iridu kulma jmur isiru spazju importanti għar-rispett tad-diversità, tar-reliġjon u, kif semmejna ripetutament, anki tal-kulturi.

Id-diversità tista’ tiġi ċċelebrata fl-iskejjel billi titrawwem l-empatija u jissawwar ambjent ta’ tagħlim, appoġġ u rispett.

Għoġbitni ħafna l-enfasi li għamel il-Professur Calleja dwar il-valur tal-empatija fil-kuntest tal-lum.

Naħseb li bħali taqblu mal-Professur Calleja li l-iskejjel huma għodda għall-bidla pożittiva li tintlaħaq f’kooperazzjoni mal-familji u l-membri tal-komunità.

Il-Ministru Clifton Grima semma s-sistema edukattiva u qal li trid timxi u tagħti direzzjoni dwar kif is-soċjetà tagħna għandha tevolvi. Illum il-ġurnata, dan il-hate speech huwa fenomenu iktar viżibbli – minħabba l-għarfien li dejjem qed jiżdied u l-mezzi tal-komunikazzjoni li sfortunatament, bħalma semma, ħafna drabi jkunu huma l-mezz li bih jitwassal il-hate speech, għaliex joffru paraventu li warajh normalment min ma jkollux il-kuraġġ jgħid dak li għandu jgħid f’wiċċ dak li jkun, jgħidu minn wara l-mobile jew it-tablet. Il-Ministru saħaq fuq l-importanza tat-terminoloġija u l-kwistjoni li semmejna fil-bidu tal-‘hate speech’. U naqbel miegħu li dan huwa terminu internazzjonali li biex niftiehmu ma’ pajjiżi oħra u jkollna leġiżlazzjoni li tkun konformi ma’ pajjiżi oħra, irridu ovvjament nużaw l-istess terminoloġija. Però, kemm jiena u kemm il-Prof. Calleja għamilna enfasi fuq it-tifsira eżatta tal-hate speech biex nifhmu li din fiha nfisha hija xi ħaġa li tifred, xi ħaġa li timbotta lil wieħed mill-ieħor.

Semma wkoll kif, bħala pajjiż, aħna qegħdin ngħixu f’villaġġ globali, u pajjiżna mhux eskluż minn dan il-fenomenu.

Fil-kuntest lokali, ninsab ikkonfortat bis-sħiħ dwar kif l-Università ta’ Malta hija ddeterminata li tkompli tieħu inizjattivi diretti biex jingħeleb il-hate speech.

L-inizjattivi kollha li ttieħdu u ser ikomplu jittieħdu għandhom punt speċifiku li jgħaqqadhom, jiġifieri li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta lejn dawn is-soluzzjonijiet.

Fl-aħħar mill-aħħar, fil-klassi, ta’ kuljum, is-sistema edukattiva trid tgħin lill-edukatur u l-istudent biex jagħrfu s-sinjali tal-hate speech u jindirizzawhom, fil-forom differenti kollha tiegħu. U llum smajna ruxmata sfumaturi differenti ta’ kif oġġett, anki jekk ma tkunx qed tinduna, imma li fih innifsu jkun hate speech.

Jiena ningħaqad mar-ringrazzjament li għamel il-Ministru lilkom, lill-għalliema u l-edukaturi għall-ħidma tagħkom, għax-xogħol li twettqu b’ħafna dedikazzjoni, u li għandu konsegwenzi diretti fuq il-ħajjiet tal-istudenti tagħkom.

Kellna mbagħad lil Dr Francois Mifsud, li semma kif l-edukatur għandu jingħata l-għodda meħtieġa biex jaħdem.

Intom ilkoll aġenti tal-bidla, u minn kif smajt fl-interventi ta’ waranofsinhar, kollha anzjużi li timplimentaw u li tkomplu żżommu għajnejkom miftuħin biex tagħrfu dawn il-każijiet ta’ hate speech li qegħdin nitkellmu fuqhom u anki oltre l-hate speech, imma tafu tużaw anki l-ħiliet biex intom tidentifikaw fejn dak li jkun qed imur oltre dak li huwa permess.

Laqtitni l-ispjegazzjoni ta’ kif l-edukazzjoni, fil-proċessi tagħha, dejjem tinkludi inkontru mad-diversità, il-punt tad-diversità sar ripetutament illi l-edukazzjoni hija l-konteniment tad-diversità, fejn aspetti differenti, fehmiet differenti, karattri differenti jitgħallmu jgħixu flimkien fid-diversità tagħhom – ma’ studenti oħra, mal-għalliema, saħansitra anki ma’ xi suġġett, li xi drabi taf twassal għall-mibegħda.

Mil-lat storiku smajna kif l-avvenimenti xokkanti tal-Olokawst wasslu għall-kuxjenza inizjali dwar il-hate speech – dan kien ovvjament l-estrem, però l-preżentazzjoni kienet li inti bdejt mill-estrem biex tifhem fejn jista’ jwassal il-hate speech u dak kollu li jmur miegħu jekk kemm-il darba jibqa’ mhux ikkontrollat, anzi jekk ikun immexxi, ikkontrollat b’mod differenti, minn awtoritajiet politiċi li jkollhom il-kontroll assolut tal-pajjiż. Dan huwa l-Olokawst li sfortunatament huwa l-iktar post baxx li fih il-bniedem wasal biex għamel dak li għamel. Però minn hemm għal-livelli li nafuhom jew nesperjenzawhom ta’ hate speech hemm din il-firxa kollha. L-Olokawst wassal għall-kuxjenza inizjali dwar il-hate speech u iktar u iktar mhux tant l-Olokawst, imma dak kollu li ġie żvelat imbagħad fil-proċessi ta’ Nuremburg magħrufin u anki l-proċessi tat-tobba li kienu involuti, preċiżament wara li nstab dan kollu, wara l-1945.

Sibtha interessanti ħafna r-rabta tal-istorja tal-passat mal-istudju ta’ fenomenu kurrenti.

Ingħatajna ħafna eżempji ta’ atti u lingwaġġ ta’ deumanizzazzjoni li permezz tagħhom stajna naraw kemm hu kumpless dan il-fenomenu. Smajna frażijiet li sfortunatament għadna sal-lum nisimgħuhom ta’ spiss:

‘Intom in-nisa kollha l-istess’, ‘tas-South, ħamalli’ jew inkella ‘dawn x’qed jagħmlu hawn?’ għall-immigranti.

Jiġifieri għalkemm, ħa nkun onest, jiena lanqas nattribwixxi daqshekk sens negattiv ta’ hate meta nisimgħuhom dawn, dawn saru sfortunatament stock phrases li nużawhom, ħafna drabi, anki mhux b’malinjità jew inkella b’intenzjoni verament ta’ offiża, imma sempliċiment għax drajna nisimgħuhom – li hu ħażin.

Smajna kliem ċar kristall li forsi kien ta’ sorpriża lil uħud minna.

Il-hate speech ma jfissirx dejjem abbuż verbali jew kliem ħażin, imma ħafna drabi jaf ikun ħafna iktar sottili minn hekk.

Isimgħu ftit kemm huma b’saħħithom dawn il-kelmiet bil-hate speech, li rrefera għalihom Dr Francois Mifsud: il-fatt li jitneħħa l-wiċċ (meta inti lill-individwu qed tneħħi wiċċu), meta tneħħilu l-identità, meta tneżżgħu mill-umanità tiegħu – dak kien ovvjament dak li ġara fl-era Nażista, li bena bil-mod il-mod biex wassal fejn wassal. Bil-hate speech tkun qiegħed telimina wkoll lill-individwu u mhux biss tbiegħed. Għamel il-punt biex anki jiftaħ iktar fuq l-interpretazzjoni bil-Malti tal-kelma li inti mhux biss tkun qiegħed tbiegħdu lill-individwu imma tkun qiegħed assolutament teliminah.

Kienet interessanti ħafna l-ispjegazzjoni dwar kif il-hate speech għandu effett dirett fuq id-demokrazija.

U hawnhekk naqbel mal-interpretazzjoni tiegħu li l-hate speech imur direttament kontra l-libertà tal-kelma u mhux isostniha, joħnoq id-dinamiżmu demokratiku. Il-frażi li rrepeta kemm-il darba li d-demokrazija kompliet toħloq iktar demokrazija għaliex tisfida iktar argumenti hija interessanti u friska ħafna fl-opinjoni tiegħi.

Dr Phyllisienne Vassallo Gauci wrietna x’inhuma x-xejriet u l-manifestazzjonijiet mhux bilfors offiża, fejn anki ċajta jew botta taf tkun hate speech.

Rajna flimkien u tkellmet tajjeb fuq il-ksenofobija u l-omofobija.

Stajna naraw kemm ħafna minn dawn is-sinjali huma madwarna ta’ kuljum, speċjalment bħala kummenti fuq il-mezzi soċjali.

Wieħed jallarma ruħu meta jirrealizza li kważi kważi, dawn il-manifestazzjonijiet la jixxukjawna u lanqas idejquna, għaliex neħduhom b’superfiċjalità u ġieli bħala ċajta.

Iżda meta wieħed jixtarr sew dawn il-każijiet, jifhem id-dannu kbir li fil-fatt ikunu qegħdin jagħmlu fuq il-psikoloġija tal-individwu u anki fuq l-attitudni li wieħed jidra dawn l-affarijiet: ‘dan mhu xejn’, ‘dan jibqa’ għaddej’, ‘dan qisu mhu qed jagħmel l-ebda effett’.

Fl-istudju tal-hate communication, smajna kif 7% biss mill-komunikazzjoni hija verbali filwaqt li hemm persentaġġi iktar għolja ta’ natura paraverbali, nonverbali u anki l-viżwali – l-attitudni tagħna, il-mod kif nirreaġixxu, il-body language tagħna u dawn l-affarijiet kollha.

Eżempju ċar u li żgur kollha kemm aħna xi darba jew oħra ġarrabna huwa, kif ġie indikat, li inti żżomm ċerta distanza minn ċertu individwu li bla ma trid qed turi li inti qiegħed tipprova tbiegħed kemm jista’ jkun lil dak li jkun. Apparti mbagħad ċerti espressjonijiet fil-wiċċ u affarijiet bħal dawn.

B’mod mill-iktar perikoluż, speċjalment fejn jidħlu t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, rajna kif saħansitra l-video games, u ħa nitkellem ċar u tond, dik il-video game li wrejtuni hemmhekk jien ixxukjatni, fejn inti qed tara lil xi ħadd li qiegħed jinċita letteralment. U fakkarni f’meta konna żgħar, meta konna naraw il-films tal-cowboys u nċapċpu iktar ma l-cowboys joqtlu Indjani. Kienet xi ħaġa li inti teħodha, tiblagħha, issir parti minnek u lanqas tirrealizza li inti qegħdin jgħallmuk il-ġenoċidju, għax dan kien ġenoċidju li toqtol kull Indjan b’erba’ rixiet fuq rasu – dak sparalu u oqtlu. U niftakar jien fit-tokis lin-nies iċapċpu. Jiġifieri din hija xi ħaġa kif wieħed jinfiltra fl-imħuħ u l-psikoloġija tan-nies. Hija sottili ħafna u ħafna drabi tkun xi ħaġa hekk, bħal meta qed niltaqgħu u nitkellmu ma’ nies li huma intiżi li jibdew ħerġin dawn l-ideat u tibda tgħid: ‘ara, qas qed ninduna’. Jiena, pereżempju, dik il-video game li wrejtu hemm għalija hija xi ħaġa assolutament xokkanti, bla dubju ta’ xejn. Il-video games jaf ikunu aġenti tal-mibegħda meta l-għan aħħari huwa li jiġu eliminati dawk l-‘oħrajn’. U l-‘oħrajn’ mhux kunċett ġdid, l-‘oħrajn’ huwa kunċett li anki Edward Said, il-famuż Palestinjan, kiteb fil-ktieb tiegħu ‘Orientalism’, fejn l-oħrajn huma dawk tan-naħa l-oħra, huma l-Iżlamiċi, huma n-nies ta’ reliġjon differenti, huma nies li ma jemmnux, li mhumiex Kristjani – huwa ktieb li nirrakkomandalkom taqrawh għaliex hemm ħafna minn dan fih li joħroġ mill-kunċett tal-‘oħrajn’, li huma sterjotipati b’mod negattiv.

Żgur li taqblu miegħi meta ngħid li dak li smajna u rajna għandu jibgħatna lura d-dar b’ħafna iktar ħsibijiet milli ġejna bihom hawn dalgħodu.

Prof. Stavros Assimakopoulos qalilna li ħafna drabi niddiskutu l-hate speech mingħajr ma forsi nafu eżatt x’ifisser. Il-Konferenza tal-lum l-iskop tagħha huwa proprju biex nippruvaw nifhmu aħjar x’inhu hate speech. Spjegalna b’mod riċerkat sew kif dan imur ferm lil hinn mit-terminoloġija legali, u kif fin-natura tiegħu jfittex il-kuntest pubbliku. 

Ingħatajna spjegazzjoni tal-livelli differenti ta’ severità ta’ hate speech, bl-eżempju konkret ta’ lingwaġġ li jiġi użat fil-konfront tal-minoranzi. 

Laqatni kif fin-naħa inqas estrema tal-ispettru, smajna t-terminu ‘soft hate speech’, li fil-ħajja ta’ kuljum huwa l-iktar wieħed sottili u li kultant juża l-metafori, is-sarkażmu, l-implikazzjoni u anki l-umoriżmu.

Peress li huwa dan l-aspett inqas ovvju, naħseb li għandu element perikoluż ferm għax filwaqt li aħna mdawrin bih, lanqas aħna konxji tal-effetti detrimentali li jwassal għalihom mas-soċjetà kollha, għax bil-mod il-mod ikun qed jidħol fil-psike tagħna u għalina jkun xi ħaġa li lanqas biss nirreaġixxu għaliha.

M’hemmx xi soluzzjonijiet awtomatiċi għal dan kollu li qegħdin ngħidu, jew xi liġi li tista’ tirregola xi ħaġa daqshekk kumplessa.

Iżda hemm l-għodod.

Issemmew fost oħrajn il-ħsieb kritiku u l-kapaċitajiet tal-komunikazzjoni li għandhom ikomplu jkunu l-qofol tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

Prof. Josianne Cutajar ħaditna fl-aspett soċjoloġiku u tatna rendikont mirqum ħafna, imżejjen b’anedotti reali, ta’ kif il-lingwa li taf tkun sessista, omofobika, razzista, u ħafna iktar, tista’ tillimita u tikkundizzjona l-imġiba tagħna.

Fil-każ tagħna – Malti u l-Ingliż – il-lingwa qed timblokka flok taġevola, minħabba ċerti sterjotipi, anki bejnietna stess Maltin u Għawdxin, għal raġunijiet politiċi fost bosta oħrajn.

Jekk nieħdu l-eżempju tal-klassi, il-lingwa ma tfissirx biss il-kliem li nużaw biex nikkomunikaw, iżda anki x’letteratura, kotba, stampi u eżempji li nirreferu għalihom.

Fid-dinja tat-teknoloġija li tant hija preżenti fil-ħajja tal-istudenti, żgur qed taraw kif simboli u ‘emojis’ saru parti minn din il-lingwa, fejn ħafna drabi jbiddlu kelma b’sempliċi simbolu li jaf iwassal messaġġ daqstant b’saħħtu.

Smajna wkoll eżempji ċari, u li lkoll nistgħu nirrelataw magħhom aħna lkoll fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, dwar kif il-kultura li fiha nkunu trabbejna, taf tnissel fina antipatija jew mibegħda lejn kulturi jew razez oħra.

Il-Professur Cutajar saħqet ukoll, bħalma kien hemm min semma qabilha, li l-empatija hija għodda kruċjali fil-ħidma tal-għalliema u l-edukaturi.

Ma’ Dr Mary Muscat ħarisna lejn il-lat purament legali.

Smajna kif f’Malta qed noperaw taħt żewġ estremi, jiġifieri jew reat ta’ tixwix li jġorr multa jew priġunerija, jew inkella l-insult. 

Għad m’hemmx fil-liġi Maltija artiklu fiss fuq il-hate speech.

Daħlet f’ċertu dettall legalistiku bħall-att u l-intenzjoni, u kif dak li huwa evidentement immorali mhux bilfors dejjem huwa illegali skont il-liġijiet lokali.

Wara dak li smajna minn Dr Muscat, forsi wasal iż-żmien għal diskussjoni dwar jekk hemmx bżonn tiżviluppa, b’mod organiku, sistema li tgħodd għall-kuntest lokali u li ma tistrieħx biss fuq liġijiet internazzjonali li huma barranin, li adattajniehom għal pajjiżna, però li forsi hemm il-bżonn li nagħmlu liġijiet li huma speċifikament għaċ-ċirkostanzi u l-bżonnijiet ta’ pajjiżna stess.

Ħarisna wkoll lejn l-età tar-responsabbiltà kriminali, u kunsiderazzjonijiet importanti oħra marbuta magħha, li naħseb li kien f’waqtu sew hekk kif illum qed niddiskutu t-tfal u ż-żgħażagħ u dejjem qegħdin nammettu li t-tfal jiżviluppaw ħafna iktar qabel ma kienu jiżviluppaw qabel u anki ngħabbuhom b’responsabbiltajiet, saħansitra tal-vot ta’ 16-il sena, fejn f’ċertu ċirkostanzi ngħidu li dawn huma responsabbli u kapaċi jiddeċiedu u mbagħad f’oħrajn nipproteġuhom kontra dak li jkunu għamlu li żgur ma jkunx b’innoċenza jew mingħajr ħażen.

Ta’ min iżid iktar id-diskussjonijiet dwar kif ir-realtajiet soċjali mhux dejjem jimxu id f’id mal-proviżjonijiet tal-liġi.

Sinjuri,

Apparti milli striħajtu ftit, wara nofsinhar kellkom l-okkażjoni wkoll li taqsmu l-ħsibijiet tagħkom ma’ xulxin b’mod iktar informali u b’mod interattiv. Rajna wkoll kif ħarġu rakkomandazzjonijiet u xi nuqqasijiet li għad fadlilna x’nikkunsidraw biex naħdmu fuqhom u anki biex nifformulawhom aħjar.

Il-ħsieb ta’ diskussjoni miftuħa kien li intom l-edukaturi tħossukom komdi tqajmu u tikkummentaw fuq il-punti li l-iktar laqtukom, bl-għan li dak li tgħallimna lkoll illum iwassal għal riżultati pożittivi fil-klassijiet u l-iskejjel. U dan ma jfissirx li din kienet l-ewwel u l-aħħar konferenza fuq dan is-suġġett. Jekk hemm bżonn, ikun hemm follow-up li jkun jista’ anki jimplimenta rakkomandazzjonijiet li kien hemm. Dr Cassar anki semmiet fuq ġenituri li wieħed jista’ javviċinahom, li forsi jinkludihom b’xi mod, mhux neċessarjament tistedinhom għall-ikel, imma nistgħu nġibuhom biex anki magħhom wieħed jiddiskuti x’inhuma l-problemi tagħhom.

Il-ħsieb ta’ diskussjoni miftuħa kien li intom l-edukaturi tħossukom komdi tqajmu u tikkummentaw fuq il-punti li tesperjenzaw fix-xogħol tagħkom.

Ħadt pjaċir nisma’ lilkom tagħtu l-kontribut mil-lenti tagħkom, mill-perspettiva tal-klassi u dak kollu li tiltaqgħu miegħu fil-qadi tad-dmirijiet tant nobbli u rispettati tagħkom.

Biex nikkonkludi, nittama li sibtu din il-Konferenza utli u informattiva daqs kemm sibtha jien. 

Ninsab ċert li ser tkunu qegħdin taqsmu dak kollu li smajna mal-kollegi l-oħra tagħkom biex ikompli jinxtered l-għarfien fuq dan is-suġġett.

Ir-rwol tagħkom mhux wieħed marbut biss mal-edukazzjoni akkademika, iżda tal-formazzjoni komprensiva u kompluta tal-istudenti tagħkom u mat-tgawdija sħiħa ta’ dak li suppost huwa l-isbaħ żmien ta’ ħajjithom. Laqatni punt li sar illejla li kien fejn xi ħadd kien qed jitkellem dwar jekk tagħmilx after-school, suspension, eċċ., u l-fatt li hemm tfal li lanqas għandhom il-ġenituri d-dar u allura wieħed irid joqgħod attent u jżomm f’rasu li dawn qegħdin jagħmlu ħafna iktar ħin mal-edukaturi, milli qed jagħmlu mal-ġenituri. U hawnhekk jidħol is-sens enormi ta’ responsabbiltà li f’idejkom għandkom il-formazzjoni ta’ dawn iż-żgħażagħ, ta’ dawn it-tfal, li sfortunatament iċ-ċirkostanzi soċjali tal-lum qegħdin jeħduhom ħafna inqas taħt l-attenzjoni tal-ġenituri u iktar taħt l-attenzjoni tagħkom. Din hija xi ħaġa li tridu tirriflettu fuqha u tħossu r-responsabbiltà ta’ dan kollu.

Ir-rwol tagħkom mhux marbut mal-edukazzjoni akkademika biss, bħalma għidt, imma anki l-formazzjoni tal-istudenti, u dan tridu tqisu li huwa marbut mat-tgawdija li, ejja nammettu, it-tfal tagħna suppost li jkollhom l-isbaħ żminijiet ta’ ħajjithom ta’ tgawdija meta għadhom żgħar. Illum il-ġurnata, sfortunatament, għandhom ruxmata affarijiet li qegħdin jiddevjawlhom l-attenzjoni tagħhom. Ħafna, bħalma smajna, sfortunatament, anki pornografija u affarijiet li huma aċċessibbli faċilment u dan huwa xi rridu nagħmlu biex noqogħdu attenti li jekk ma nistgħux nevitawlhom dan, imma għall-inqas nippreparawhom ħalli jkunu lesti biex dawn it-tentazzjonijiet u l-affarijiet li jiddevjawhom u jħarbtulhom moħħhom minn età tant żgħira wieħed jipprova kemm jista’ jkun jgħinhom ħalli jgħaddu minn dan iż-żmien. Dan suppost ikun l-isbaħ żmien ta’ ħajjithom imma nafu li ħafna minnhom, u tgħiduli intom li tgħallmu, ħafna tfal ibatu bid-depression, ibatu minn sitwazzjonijiet ta’ negattiviżmu u hemm elf ħaġa oħra li qiegħda tidher ċara li ġejja minn dan l-effett.

Min-naħa tiegħi ser inkompli naħdem lejn l-għarfien fuq, u l-ġlieda kontra l-hate speech fid-diversi kuntesti tas-soċjetà. U dan nagħmlu sakemm nibqa’ nsib l-għajnuna tagħkom u l-kooperazzjoni tagħkom.

Illum bdejna bl-edukazzjoni u l-iskejjel bħala l-ewwel prijorità. Fix-xhur li ġejjin nittama li nkunu qed nagħmlu eżerċizzji simili f’setturi oħrajn bħalma huma l-midja, l-operaturi tal-mezzi soċjali u anki, għaliex le, eventwalment il-politiċi.

Nirringrazzjakom mill-ġdid u nixtiqilkom kull suċċess fix-xogħol tagħkom.

Grazzi ħafna li għamiltu din il-Konferenza suċċess.

Skip to content