The President of Malta

Search
Close this search box.

Conference Opening Points for The State of the Nation by E.T. President George Vella, 9 June 2022, (Speech in MT)

Sinjuri,

Nilqagħkom fil-Palazz Verdala għal din it-Tieni Konferenza fuq L-iStat tan-Nazzjon.

Xtaqt li ngħid kelmtejn tal-bidu mhux biex nidħol f’ xi dettall jew sustanza tad-diskussjoni għalissa– dak ser nagħmluh ilkoll flimkien matul il-ġurnata.

Nieħu allura din l-opportunità  biex nagħtikom merħba u nkompli billi nirringrazzja lil Dr. Vincent Marmara u s-Sur Lou Bondi għal din l-inizjattiva għal Konferenza dwar l-iStat tan-Nazzjon, li qegħdin jieħdu għat-tieni sena konsekuttiva.

Inrodd ħajr ukoll lill-President tal-Parlament Ewropew Dr Roberta Metsola tal-messaġġ li wasslitilna, u lill-kelliema u l-esperti li ser jaqsmu ħsibijiethom magħna llum.

Din is-sena għandna l-opportunità li niltaqgħu f’numru ikbar minħabba li r-restrizzjonijiet tal-COVID tista’ tgħid tneħħew, u nieħu gost nara l-attendenza ta’ membri tal-pubbliku preżenti hawn.

Insellem ukoll lil dawk kollha li għażlu li jsegwuna permezz ta’ mezzi virtwali, li issa drajnihom sew.

Sinjuri,

Kif forsi tiftakru, fl-egħluq tal-ewwel Konferenza, kont esprimejt ix-xewqa biex dan it-tip ta’ eżerċizzju ma jkunx okkażjoni ta’ darba biss.

Il-ħsieb tiegħi mill-bidu kien li dan ix-xogħol jibqa’ jissarraf f’ appuntament annwali.

Meta rajna l-entusjażmu li bih intlaqgħat l-ewwel Konferenza – u iktar u iktar il-punti ta’ diskussjoni li ħarġu fil-pubbliku in ġenerali mhux fil-media biss – iktar komplejna inħabirku lejn dan il-għan li nerġgħu niltaqgħu f’temp ta’ sena.

Nilqa’ għalhekk b’sodisfazzjon il-fatt li qed nerġgħu niltaqgħu fl-istess kuntest, u ntenni r-ringrazzjament lill-organizzaturi li kollha b’xi mod jew ieħor taw sehemhom.

L-akbar ‘grazzi’ għandha tmur lejn dawk il-membri tal-pubbliku li rrispondew għad-domandi tal-istħarriġ, li kif ġara fl-2021 ser ikun il-qofol tad-diskissjonijiet li ser ikollna llum.

It-taħriġ ta’ din is-sena, ma jwarrabx dak li sirna nafu s-sena li għaddiet.

Bil-maqlub anzi.

It-temi u s-suġġetti li ser jiġu diskussi tul dawn il-ftit siegħat, huma maħsuba li jibnu fuq dak li sirna nafu dwarna nfusna is-sena li għaddiet, sabiex ikollna stampa dejjem iktar ċara u kompluta.

Naħseb li ser ikun interessanti ħafna naraw jekk dawn l-iżviluppi  li għadni kemm semmejt, fost numru ta’ oħrajn, hux ser ikollhom impatt fuq kif jaħsbuha                ċ-ċittadini, u jekk hux ser ikun hemm xi ċaqliq minn dak li rajna fl-istħarriġ tal-2021.

Kif semmejt fl-2021, aktar milli ‘min aħna’, il-valur miżjud ta’ din l-inizjattiva huwa li niddiskutu ‘min sirna’; peress li kif inhu naturali, is-socjetà li fiha ngħixu mhix waħda statika, iżda waħda li kompliet tinbidel u tadatta għal ċirkostanzi ġodda.

Tajjeb ukoll li nżommu f’moħħna li mhux qed inħarsu biss lejn kif jaħsibha il-Malti fuq diversi temi, iżda ir-raġuni għala jaħsibha hekk.

Dan l-eżerċizzju huwa għalhekk validu ħafna, mhux għalina biss li qed ngħixu dawn iż-żminijiet u ċirkostanzi, iżda iktar u iktar għal min ġej warajna.

Inħares lejh bħala ritratt, ‘snapshot’, tal-Malti tas-seklu wieħed u għoxrin li żgur li ser tkun riżorsa prezzjuża għall-ġenerazzjonijiet futuri, anki permezz tal-publikazzjonji li ser tinħareġ wara din il-Konferenza.

Jekk inħarsu lejn it-temi li ser jiġu diskussi llum, naraw kif dawn huma kurrenti u anki xi ftit provokattivi għax jolqtu direttament il-ħajja ta’ kuljum tagħna bħala kemm bħala ċittadini individwali iżda anki bħala poplu b’mod kollettiv.

Dawn huma kollha materji li nsemmu lkoll kemm aħna fid-diskursati ta’ bejnitena fil-familja, fil-post tax-xogħol, fil-medja tradizzjonali u soċjai, ħafna drabi ukoll b’mod imqanqal.

Temi bħall-ambjent, il-media, il-materjaliżmu, il-politika, l-istituzzjonijiet, il-fisi u r-reliġjon,  il-kontabilita’, u l-għaqda – jew in-nuqqas tagħha bejnietna.

Fuq dan il-punt tal-aħħar ser nieħu spunt biex insemmi l-proġett l-ieħor tal-Presidenza li jindirizza l-Għaqda Nazzjonali.

L-intenzjoni tiegħi hija li permezz tal-istħarriġ jiġu identifikati dawk l-oqsma li għad fadlilna x’nagħmlu iktar dwarhom b’mod kollettiv, sabiex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja, u dan mhux mill-lat ekonomiku biss.

B’din il-konverġenza bejn inizjattivi distinti – iżda marbuta b’għan komuni –  nixtieq li l-Presidenza tkun qed tagħti is-sehem sħiħ tagħha lejn l-għaqda.

Ser nagħlaq billi intenni r-ringrazzjament u l-apprezzament tiegħi lilkom kollha, u nagħmel appell għal diskussjoni ħajja u interattiva, imqanqla iżda fl-istess ħin inklussiva u rispettuża.

Grazzi.

Skip to content