Jiena u nsegwi n-nisġa kommemorattiva mżewqa b’numru sabiħ ta’ siltiet minn sunetti u poeżiji patrijottiċi ta’ Dun Karm, ma stajtx ma nirriflettix fuq dak li Dun Karm jixtieq jew seta’ jixtieq jgħidilna kieku kien magħna llum. X’messaġġ għandu jew jista’ jkollu għalina Dun Karm f’dawn iż-żminijiet?
Fil-versi ta’ Dun Karm, magħżula biex jiġu animati f’din is-serata, niltaqgħu ma’ diversi patrijotti Maltin, li għalkemm ta’ ħsieb filosofiku politiku u reliġjuż differenti, kollha għandhom fil komuni: il-fil patrijottiku mnebbaħ mill-imħabba għal Malta.
Dun Karm jirrikonoxxi f’dawn il-personaġġi s-sintesi tal-patrijottiżmu Malti. Iżda f’din is-sintesi wkoll għandna nilmħu ż-żerriegħa ta’ patrijottiżmu li għandu jixprunana lkoll biex immorru saħansitra kontra l-kurrent u kontra dak kollu illi joħnoq kull bidla.
Skrutinju, kritika u azzjoni huma neċessarji jekk verament nemmnu f’Malta aħjar, Malta li tmur ‘lil hinn miż-żewġ kampijiet ta’ aħna u huma. Malta li tfittex li tgħaqqad lil uliedha naturali u wkoll lil uliedha adottivi f’ponn wieħed.
Hekk kif fi ftit tal-ġimgħat oħra pajjiżna jkun qiegħed jiċċelebra l-ħamsin sena ta’ Malta repubblika, wara li ftit tal-ġimgħat ilu ċċelebrajna s-sittin anniversarju ta’ Malta indipendenti, tajjeb li dan ukoll ikun mument fejn ilkoll flimkien nerġgħu nħarsu mill-qrib lejn dak kollu li jgħaqqadna, lejn dak kollu li jiddistingwina u li jagħmilna min aħna.
Tajjeb li din is-serata ma tkunx biss kommemorazzjoni tal-poeta nazzjonali tagħna, iżda tkun ukoll serata formattiva għalina, għal dak li aħna u għal dak li naspiraw li nkunu.
Hemm bżonn li nkunu kritiċi u pragmatiċi, li nkunu kritiċi dwar min aħna llum, li nkunu kritiċi ta’ min u fejn għandna nkunu bħala ġens jew nazzjon, u xi kwalità ta’ mħabba għal pajjiżna tixprunana, li nkunu kritiċi ta’ min nistgħu nkunu fil-futur bħala Maltin, bħala poplu bi storja millenarja.
L-isfidi li għandha quddiemha l-identità Maltija mhumiex ftit. Hemm l-isfida tal-ambjent u l-pajsaġġ naturali Malti mifni mill-iżvilupp, li spiss ma jikkontribwix għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Hemm l-isfidi tal-multikulturaliżmu, id-diversità għanja, li iżda din m’għandha qatt toħnoq ilsienna; l-ilsien Malti.
Iżda biex dawn l-isfidi negħlbuhom irid ikollna sens ta’ patrijottiżmu profond u kritiku. Dak biss jista’ jgħinna, u mhux ftit, biex dawn l-isfidi nirbħuhom. Irridu nkunu viżjunarji.
Il-messaġġ jew stedina li nħoss li għandu Dun Karm għalina llum hi li nsenslu damma ta’ patrijottiżmu kritiku Malti f’kontinwità bejn il-passat, il-preżent, u nħarsu lejn il-futur b’għan wieħed u wieħed ewlieni: li nkunu poplu aħjar, kburi bil-kisbiet, ġejjin minn fejn ġejjin u għamilhom min għamilhom u li nħarsu b’fiduċja u impenn lejn il-ġejjieni li għandu jkun verament tagħna lkoll.
Għaliex din l-omm li tatna isimha ma jixirqilha xejn inqas minn dan.