The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President ta’ Malta fl- Okkażjoni tal-Jum Internazzjonali kontra l-Ġlieda tal-Kanċer waqt il- Konferenza Diġitali – Pazjenti bil-Kanċer f’Ċirkostanzi Straordinarji – Organizzata min-National Cancer Platform

Jum Internazzjonali kontra l-glieda tal-Kancer - Pazjenti bil-kancer f'cirkostanzi straordinarji - National Cancer platform

Professur Galea, Ċermen tan-National Cancer Platform Sinjuri,

Meta pazjent jingħata l-aħbar li nstablu xi forma ta’ kanċer, minn hemm ’l quddiem ħajtu u dik ta’ dawk madwaru ma tibqax l-istess.

Minn hemm ’il quddiem il-pazjent jibda jgħix ħajja li kif ngħidu bil-Malti “ma tkunx bħal ma kienet is-soltu”. Jibda jgħix ċirkostanzi straordinarji.

Testijiet, il-kura b’pilloli li jagħmlulu ħafna ħsara f’sistemi oħra biex jattakkaw iċ-ċelloli tal-kanċer, it-trattament bir-raġġi, l-operazzjonijiet meħtieġa, il- possibilità li wieħed ikollu jsiefer barra minn pajjiżna biex jieħu kura aħjar, it- thewdin dwar kemm hu aggressiv il-kanċer li jkun instab. Dawn huma kollha fatturi li jiddeterminaw moħħ il-pazjent.

Dawn huma ftit mill-fatturi li immedjatament jibdew igerfxu moħħ il-pazjent malli ssir id-djanjosi.

Ma’ dawn jiddependi mill-età, u fatturi oħra, jiżdied it-thewdin dwar il-futur tal- familja tal-pazjent u kif se tkampa skont kif tiżviluppa l-marda.

F’dawk ta’ età relattivament żgħira, ħafna drabi dan l-inkwiet ikun akbar minn dak li jikkonċerna lill-pazjent stess.

Fejn hemm it-tfal morda bil-kanċer, id-dinja tinqaleb ta’ taħt fuq. Ħafna, bħali, jħossu li f’dawn il-każi n-natura qiegħda tkun inġusta mat-tfal li ġew fid-dinja biex jikbru u jkollhom futur, u mhux ibatu u jmutu ħalib ommhom fi snienhom.

Dan hu kontra n-natura.

Nafu li t-tfal li jgħaddu minn dawn l-esperjenzi, jixjieħu qabel iż-żmien, u meta tirbħilhom il-marda, kif jiġri f’xi każi, jħallu ġerħa f’qalb dawk kollha li ħabbewhom, li ma titfejjaq qatt.

Dan kollu li qiegħed ngħid mhu xejn ġdid għal dawk li jaħdmu, jipprattikaw, u huma f’kuntatt kontinwu mal-pazjenti li għaddejjin minn din it-tbatija fiżika, u tbatija daqstant ieħor kbira – jekk mhux aktar! Dik mentali.

Irid jingħad li bil-kunsiderazzjonijiet li għadni kif semmejt il-ħajja għal dawk il- pazjenti u min jieħu ħsiebhom ma’ hi faċli xejn.

Is-sena l-oħra fejn jidħol mard, kienet waħda eċċezzjonali minħabba t-tixrid tal- Coronavirus li spiċċa xtered ma’ kullimkien u mela d-dinja bil-Covid-19.

Minkejja l-miżuri ta’ prevenzjoni kollha li ħadna u li ġew irrakomandati mill- Awtoritajiet tas-Saħħa, il-virus xorta għamel ħerba minn nies vulnerabbli.

Fost dawn insibu l-anzjani, nies b’ċerti kundizzjonijiet ta’ saħħa li jagħmluhom vulnerabbli u oħrajn li qiegħdin jirċievu kura li tista’ tbaxxilhom ir-reżistenza immunitarja tagħhom.

Irid jingħad li l-istatistika tagħtina l-impressjoni li sfortunatament huma l-anzjani minn sebgħin sena ’l fuq li huma l-aktar milquta. Iżda għadu kmieni biex inkunu nafu eżatt x’inhuma l-konsegwenzi fuq pazjenti oħra li ġew infettati u żviluppaw il-Covid-19, imma li għaddewha u rritornaw għall-ħajja ‘normali’.

Għad irridu naraw dak ‘in-normali’ xi jfisser.

Għal dawk li qiegħdin jiġġieldu mal-kanċer, din il-pandemija kellha ħafna sfidi, mhux biss mill-lat mediku. Il-kura li kienet tingħata s-soltu ma ġietx affettwata.

Tbiddel biss l-aspett uman ta’ din il-kura.

Minħabba l-Covid-19, waħda mill-ewwel miżuri li laqtu l-pazjenti tal-kanċer kienet dik li ma setgħux jibqgħu jkollhom żjarat mill-qraba u ħbieb tagħhom bħal ma’ kien isir qabel. Dan biex jitnaqqas iċ-ċans ta’ tixrid ta’ infezzjonijiet.

Din il-miżura hija, bla dubju ta’ xejn, fl-interess tal-pazjent, iżda wieħed jifhem x’impatt negattiv dan seta’ ħalla fuq l-istat mentali, u l-‘wellbeing’ tal-pazjenti.

Is-sens ta’ solitudni ta’ dawn il-pazjenti kiber, u dan wassal biex ħafna jieħdu l- impressjoni li setgħu ġew minsijin, u li ġew iżolati. Dawn il-fatturi għenu biex żdiedu s-sintomi ta’ dipressjoni f’dawn il-pazjenti.

Din il-miżura wasslet ukoll għall-frustrazzjoni f’ħafna membri tal-familja tal- pazjenti, li normalment, speċjalment pazjenti żgħar (tfal), kienu jsibu sfog jiltaqgħu ma’ ħuthom u anki jiċċelebraw kif jistgħu avvenimenti bħal għeluq sninhom etc…

Din is-sena lanqas il-Milied ma seta’ jiġi ċċelebrat u jitgawda kif suppost. Dan għen biex iżid it-tħarbit fil-familji, miżjud ma’ dak li tkun diġà ġabet magħha d- dijanjosi tal-marda.

Ir-regolamenti ta’ ħarsien tal-kwarantina, speċjalment meta wieħed iqis, kemm hu għoli r-riskju jekk wieħed imur qrib pazjent li jkun vulnerabbli, komplew iggravaw is-sitwazzjoni.

L-istess restrizzjonijiet kellhom ukoll impatt fuq dawk il-pazjenti li kellhom bżonn kura barra minn pajjiżna.

Ir-regolamenti imposti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa fl-isptarijiet barranin, it- tnaqqis fit-titjiriet lejn il-pajjiżi fejn solitu jintbagħtu l-pazjenti, u l-bżonn li pazjenti jagħmlu perjodu ta’ kwarantina kif jaslu, qabel jiddaħħlu għall-kura, kellhom effett qawwi fuq is-sistema kollha.

Il-figuri ta’ kemm intbagħtu pazjenti għall-kura barra fis-sena li għaddiet jitkellmu waħidhom.

Filwaqt li fis-sena 201 madwar ħames mija u ħdax -il pazjent (511) għamlu użu minn seba’ mija u ħamsin riferiment (750), fi sptarijiet fir-Renju Unit, u wieħed u erbgħin (41) għamlu użu ta’ ħamsa u erbgħin (45) riferiment fi sptarijiet barra mir-Renju Unit, fis-sena 2020 in-numru ta’ pazjenti riferuti fir-Renju Unit niżel għal mitejn u wieħed u tmenin (281), b’ tlett mija u tnejn u għoxrin (322) riferiment, u dawk riferuti barra mir-Renju Unit niżel għal dsatax (19) -il pazjent, b’sebgħa u għoxrin (27) riferiment. Id-differenza hija enormi.

Dan kien għaliex dawn il-każi ta’ pazjenti li kienu verament urġenti biss ġew mibgħuta għall-kura barra. Waħda mir-raġunijiet kienet anke biex tnaqqas il- possibilità li dawn il-pazjenti hekk vulnerabbli jieħdu l-infezzjoni waqt li qed jivvjaġġaw u jagħmlu kuntatti oħra.

Il-pazjenti li jintbagħtu barra għall-kura, normalment ikollhom kollox imħallas mill-Gvern ta’ Malta.

Il-Malta Commmunity Chest Fund Foundation tgħin billi tħallas passaġġi biex qarib jew ħabib jakkumpanja l-pazjent u anke tħallas kontijiet ta’ ikel u vjaġġar lejn u mill-isptar waqt li jkunu barra minn Malta.

Filwaqt li l-ispiża totali naqset, għaliex intbagħtu barra anqas pazjenti, dawk li ntbagħtu ras għal ras ġew iqumu ħafna aktar minħabba li damu aktar barra minħabba ż-żmien li kellhom jgħaddu fil-kwarantina.

Kif urejt, jidher ċar li l-effett tal-Covid-19 tefa’ fuq il-pazjent tal-kanċer komplikazzjonijiet mhux tas-soltu, kemm mil-lat mediku, dak psikoloġiku, soċjali u anke finanzjarju.

Ma’ dawk trid tiżdied ukoll il-kunsiderazzjoni tat-tilqim kontra l-Covid-19 tal- pazjenti. Minħabba l-kura li ħafna minnhom qiegħdin jieħdu, it-tilqima kontra l- Covid-19 mhux dejjem ikollha l-effett mixtieq, għaliex l-immunità ta’ dawn il- pazjenti taf tkun miżmuma baxxa u tirrispondi bil-mod, jew xejn minħabba l-kura li jkunu qegħdin jieħdu.

Din hija kunsiderazzjoni oħra li tkompli tpoġġi lil dawk il-pazjenti f’aktar żvantaġġ minħabba dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji.

Nagħlaq billi minn qalbi nappella lill-pazjenti kollha biex jagħmlu kuraġġ, għaliex wara Alla, għandna professuri, tobba, infermiera u paramediċi bl-aqwa kwalifiki, u bl-akbar rispett lejn il-marid.

Dan iż-żmien diffiċli se jgħaddi u t-tama hija li niġu lura għaċ-ċirkostanzi normali li mdorrijin fihom.

Grazzi.

Skip to content