The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President tar-Repubblika ta’ Malta fl-okkażjoni tal-Premju Anzjanità Attiva 2020

MUŻA, Berġa ta’ Aragona, il-Belt Valletta 30 ta’ Ottubru 2020

L-ewwel nett, il-lejla t-tajba lil kulħadd u nirringrazzjakom illi stedintuni, lili u lil Miriam, biex inkunu hawnhekk magħkom għal din iċ-ċerimonja tant sabiħa u sinifikattiva.

Però rrid qabelxejn nibda billi nsellem ovvjament lill-Onorevoli Silvio Parnis, insellem lil kull min qiegħed hawnhekk, il-Profs. Borg, Dr Degabriele u Dr Vella u fuq kollox l-organizzaturi ta’ dan il-premju li bħalma semma l-Onorevoli Parnis ilu jsir u wieħed jittama li dan ikompli jsir minn sena għall-oħra.

Irrid ukoll nirringrazzja lill-Bord tal-Għażla li diġà smajniehom jagħtu l-opinjonijiet tagħhom, speċjalment il-Profs. Borg li spjega kif issir l-għażla u nifhem li ħafna drabi probabbilment ma tkunx għażla faċli imma wieħed b’xi mod irid jieħu deċiżjoni u jagħżel min ikun ir-rebbieħ.

Irrid ukoll insellem lill-anzjani kollha, li wara kollox qegħdin hawnhekk biex aħna niċċelebraw l-anzjanità, niċċelebraw l-anzjani li għadhom igawdu saħħithom, li għadhom igawdu l-fakultajiet mentali tagħhom u li għadhom

jagħtu eżempju lil ħaddieħor kif jgħixu l-ħajja ladarba l-ħallieq ikun għoġbu jżommhom f’saħħithom.

Irrid ukoll, bla dubju ta’ xejn, insellem lil dawk l-anzjani kollha li ħallewna u nagħmel enfasi ovvjament fuq dawk tal-COVID, però ma ninsewx illi ħafna anzjani matul dal-perjodu ħallewna għal ħafna kawżi oħra u nista’ ngħid illi kull anzjan li jitlaq ovvjament iħalli l-vojt u jħalli l-pwieni fil-familja tiegħu. Minn hawnhekk irrid insellem u nagħti l-għomor lil dawk kollha illi tilfu lil xi ħadd għażiż anzjan tagħhom.

Imbagħad fuq kollox nifraħ ukoll lin-nominati kollha li kienu nnominati għal dawn il-premjijiet li kien hawn hawnhekk, għaliex kif dejjem ngħidu, mhux importanti biss li tirbaħ imma anki l-fatt li tkun magħżul biex tiġi kkunsidrat hija diġà xi ħaġa illi jkun hemm bilfors xi ħaġa li ġġiegħel lil xi ħadd jinnominak u jpoġġi ismek ’il quddiem.

Ovvjament imbagħad nifraħ ħafna lir-rebbieħa għaliex, bħalma rajna anki mir-reazzjonijiet ta’ min rebaħ, hija xi ħaġa sabiħa li wieħed jiġi rikonoxxut u jiġi magħżul għal dawn il-premjijiet differenti illi tkellimna fuqhom. U għalhekk ma nistax ma ngħidx kemm hu verament pjaċir għalija li qegħdin hawnhekk illum.

Kif semma is-Segretarju Parlamentari, ir-restrizzjonijiet marbuta mal-COVID setgħu b’xi mod qatgħu qalb lil min jorganizza però, kif qegħdin naraw, qegħdin hawnhekk f’ċirkostanzi mhux tas-soltu, qegħdin numru limitat ħafna biex insegwu l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa però fl-istess ħin, imbagħad bit-teknoloġija, qegħdin nittrażmettu dan kollu għal kull min irid jarana u anki nagħmlu kuntatt ma’ min kien hemm bżonn li nagħmlu kuntatt miegħu. Però dan huwa prova ta’ kemm hemm rieda soda li dal-premjijiet jibqgħu jingħataw xorta u bix-xieraq għaliex dawn in-nies kollha li ġew innominati u li ħadu l-premjijiet uħud minnhom, huma nies li kien jixirqilhom li jiġu rikonoxxuti u bir-rikonoxximent li wieħed qed jagħtihom qiegħed jaġevolahom, qiegħed jagħmlilhom il-kuraġġ ħalli kemm huma u kemm oħrajn jipprovaw jagħmlu dak li għamlu huma.

M’hemmx għalfejn wieħed jirrepeti l-fatt illi l-anzjanità attiva hija tassew xi ħaġa għal qalb kulħadd. Kulħadd jieħu pjaċir jara anzjan jikber fl-età però jibqa’ b’saħħtu, jibqa’ mentalment attiv u anki jbati mill-inqas kemm jista’ jkun kundizzjonijiet li ġġib magħha x-xjuħija. Dan mhux biss għax nagħmel parti minn din il-kategorija tas-soċjetà jien, imma għax, kif semmejt dakinhar stess li nħtart President, huwa suġġett li nixtieq li jiġi diskuss aktar spiss, speċjalment fejn tidħol is-solitudni fost l-anzjani. Jiena kien wieħed mill-ewwel affarijiet li tkellimt fuqu fejn tkellimt mhux biss fuq is-solitudni imma l-iżolament, apparti mill-mard tal-COVID, li jistgħu jiġu suġġetti għalih ċertu anzjani li

sfortunatament, u rrid ngħid hawnhekk, ġieli jiġu abbandunati mit-tfal tagħhom u tarahom illi jkunu fid-djar tal-anzjani jgħaddu ġranet u ġimgħat bil-pwieni illi mhux qed ikun hemm min imur jarahom.

U qed nibda fuq dan il-punt negattiv għax din hija ferita kbira li f’pajjiż żgħir bħal tagħna m’għandhiex tkun. Fejn hemm pajjiżi kbar, fejn forsi skuża tad-distanzi u skuża ta’ min qiegħed f’pajjiż ieħor, mod, imma f’din in-naqra ta’ qoxra, f’din in-naqra ta’ ħolqa ma jistax ikollna iktar u mhux sew li jkollna anzjani illi jgergru mat-tobba, magħna meta kont għadni nipprattika, jgħidulek “Uliedi ma jiġux jarawni”. Din hija xi ħaġa ta’ wġigħ u qed insemmiha ħalli kemm jista’ jkun inġibu kuxjenza fuqha u forsi min qiegħed ’il bogħod mill-ġenituri tiegħu jew inkella mill-qraba tiegħu, iħoss li din wara kollox m’għandhiex tkun.

Ukoll, din il-pandemija, li mhix se tħallina ngħixu n-normalità li konna nafu qabel, mill-inqas sa ftit xhur oħra żgur, urietna biċ-ċar kemm hi kiefra s-solitudni. Din laqtet lil kulħadd. U kif qal l-Onorevoli Parnis, il-fatt li inti tkun qiegħed f’dar tal-anzjani jew fir-residenza tiegħek, li inti ma tistax tagħmel kuntatt mal-qraba tiegħek, man-neputijiet tiegħek hija xi ħaġa li hija tant ta’ wġigħ u li kellha u għandha ħafna effetti negattivi fuq is-saħħa mentali tal-anzjani. Għaliex wara kollox nafu, u se nitkellem anki mill-esperjenza, li

meta tikber fil-ħajja ma jibqagħlek xejn ħlief il-familja u li tistenna li dak l-affett, dak il-kuntatt mal-familja tiegħek jibqa’ hemmhekk u tibqa’ tgawdih.

Però meta, kif rajna, sibna fost l-anzjani tagħna, kemm min qiegħed fir-residenzi u kemm min qiegħed fid-djar privati, min baqa’ magħluq minħabba l-kwarantina jew inkella miżmum ġewwa għax vulnerabbli u qagħad attent, u, bħalma t-tobba jafu daqsi, kien hemm min anki daħal f’tant ossessjoni li qed jibża’ li lanqas irid joħroġ minkejja li kienu jgħidulu “Isma’ mur agħmel ġiex passi, mur sal-ħanut tal-qrib” jew hekk, imma baqgħu hemm ġew magħluqin u għaddew minn martirju kbir. Dawn l-anzjani li sabu ruħhom waħedhom, u li kienu maqtugħin mill-preżenza ta’ dawk kollha li b’xi mod jew b’ieħor kienu jżommulhom kumpanija.

U hawnhekk irrid insellem lil dawk kollha li jaħdmu fid-djar tal-anzjani, il-helpers kollha illi taw xhieda ta’ kif ikun id-dedikazzjoni għax-xogħol tagħhom speċjalment fl-ewwel xhur meta rajna lil dawn il-helpers li ddeċiedew li jorqdu ġewwa d-djar tal-anzjani, jibqgħu magħhom, ma jmorrux id-dar ħalli jkunu jistgħu ma jdaħħlux ċans ta’ tniġġis jew infezzjoni ġewwa l-home. Hemm min jgħidli forsi xorta ma rnexxiex. Veru, kien hemm żmien fejn kien hemm problemi, illi għall-grazzja t’Alla wieħed jista’ jgħid issa li huma kkontrollati. Mhux imneħħija għalkollox, imma kkontrollati. Fejn kien hemm żmien illi minħabba li dan il-virus huwa ġdid u ftit li xejn wieħed kien jaf fuqu, allura

wieħed kellu jiffaċċja dawk il-kumplikazzjonijiet li tfaċċaw u jagħmel dak li jista’.

Però hawnhekk ma nistax ma nsellimx lil dawn il-carers u ovvjament in-nurses u t-tobba illi kif għidt anki f’dikjarazzjonijiet li għamilt, kontinwament qegħdin fil-periklu, iħarsu lejn min qed jippruvaw ma jħalluhx f’ħalq il-mewt u jiġbduh lura, u fl-istess ħin qegħdin jipperikolaw saħħithom huma. U waqt li qegħdin nitkellmu fuq l-anzjani ma nistgħux ma nsemmux lil dawn il-frontliners u nirringrazzjawhom ta’ dak kollu li għamlu u għadhom qegħdin jagħmlu.

Jiena nħoss li dawn il-premjijiet li ngħataw, ingħataw f’mument f’waqtu ħafna, fejn aħna qed inroddu ħajr lill-anzjani u l-ħidma tagħhom fit-tisħiħ tal-ġid komuni. Kif qed ngħid, din forsi tagħmel daqsxejn balzmu fuq it-tbatijiet u fuq id-dwejjaq u s-solitudni li l-anzjani għaddew minnhom u nsellem lil kull min qed jarana, dawk li qegħdin fid-djar tal-anzjani u dawk li huma anzjani illi m’hemmx dubju li qed iħossuhom iktar kuntenti li għall-inqas hemm spotlight fuqhom, hemm attenzjoni għalihom, għall-inqas f’dal-mument li qed nitkellmu u allura jħossuhom li huma utli u anki parti importanti ħafna mis-soċjetà tagħna.

L-oqsma tal-premjijiet li ġew imqassma llejla huma riflessjoni tas-soċjetà tagħna. Li persuna tikber fl-età hija grazzja li ma tingħatax lil kulħadd. Għaldaqstant, li ssir anzjan hu diġà premju minnu nnifsu. B’dan il-ħsieb,

persuna li ssir anzjana ma tiqafx tagħmel parti mill-komunità, tibqa’ parti sħiħa u parti importanti, u m’għandhiex tħossha li għandha tieqaf tagħti kontribut b’mod attiv. Jiena laqatni l-iktar il-Premju tal-Kooperazzjoni Interġenerazzjonali għaliex nemmen illi l-anzjani tagħna mhux talli m’għandhomx ikunu mwarrbin, talli għandhom jiġu utilizzati ħafna biex jgħaddu kemm l-għerf, kemm l-esperjenza, kemm it-twissijiet tagħhom u dak kollu li jafu lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar. Għaliex b’hekk biss ħafna mill-għerf u ħafna mill-kultura tal-pajjiż jista’ jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Jiena nemmen li soċjetà li ma tweġġaħx lill-anzjani, hija tassew waħda fqira. Ma ninsewx li l-anzjani tal-lum kienu ż-żgħażagħ tal-passat mhux daqstant ’il bogħod. Huma l-istess nies li ħaddnu u li eventwalment għaddew il-valuri ta’ missirijiethom lit-tfal u n-neputijiet tagħhom tul is-snin. Huma l-anzjani tal-lum li fi żmienhom għenu jkomplu jsawru l-identità ta’ pajjiżna. Bis-saħħa tagħhom aħna lkoll ninsabu hawn, ingawdu frott ħidmiethom.

Ħafna drabi, sfortunatament, inqisu l-anzjani, speċjalment in-nanniet bħala sempliċi “baby sitters”. Filwaqt li dan huwa kontribut siewi ħafna lejn il-familja u s-soċjetà, u naf biċ-ċert li hu rwol li ħafna minna użaw u anki jkunu ħerqana li jwettqu, nemmen ukoll li l-anzjani huma ħafna aktar minn hekk. Jien ukoll fi tfuliti qattajt ħafna ħin man-nanniet, nista’ ngħid li trabbejt għand in-nanniet, u

għadni ngħożż ħafna dawk il-memorji u dawk iċ-ċirkostanzi kollha li gawdejt man-nanniet tiegħi.

L-anzjani huma l-aqwa esperti li qatt jista’ jkollu pajjiżna, kemm jekk hux mgħallmin f’xi sengħa partikolari, professjoni jew vokazzjoni. U huma wkoll iċ-ċavetta sabiex ħafna mill-għarfien ma jispiċċax magħhom iżda jkompli jiġi mgħallem lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar. Dan jista’ jsir kemm b’mod formali fuq il-postijiet tax-xogħol, forsi anki f’workshops organizzati, u kemm b’mod informali bis-saħħa tal-volontarjat. U hawnhekk jien nappella illi l-Kunsilli Lokali jistgħu jieħdu ideat minn dawn u anki jipprovdu l-postijiet fejn jista’ jkun hemm dan it-tip ta’ tlaqqigħ bejn anzjani attivi li għandhom x’jagħtu lis-soċjetà, liż-żgħażagħ tagħna, u żgħażagħ li jkunu interessati li jużufruwixxu mill-esperjenza u dan il-fonti kbir ta’ għerf u esperjenza.

Il-benefiċċji ta’ dan huma ħafna, m’hemmx għalfejn noqogħdu nispjegaw. L-anzjan li jibqa’ attiv, jibqa’ jħossu b’saħħtu fuq livell fiżiku u psikoloġiku. U dan joħroġ anki mill-esperjenza medika fejn hemm anzjan illi jintefa’ f’home, ħafna drabi, u ma jkollux fiżjoterapija jew inkella ma jgħallmuhx u ma jgħidulux kif jagħmel ċertu xogħol ħa jedha, tispiċċa tarah illi fi tliet xhur, jibda jintefagħlek fuq is-sufan bilqiegħda fil-kuritur, jongħos, ma jagħmel xejn, u jibda jħossu li mhuwiex utli. Huwa importanti li fid-djar tal-anzjani jkun hemm l-occupational therapy, ikun hemm il-mod kif dawn jinvolvuhom, mhux biss

f’eżerċizzji fiżiċi biex anki jżommu saħħithom imma fl-istess ħin iżommuhom attivi biex jagħmlu xi ħaġa ħalli jżommu moħħhom għaddej. U nafu li ħafna drabi, l-iktar biża’ u l-iktar oġġett li nibżgħu minnu llum huwa d-dimensja, huwa n-nuqqas tal-fakultajiet tal-moħħ u allura wieħed jipprova kemm jista’ jkun li jġegħelhom lill-anzjani jġeddu l-fakultajiet mentali tagħhom anki b’affarijiet sempliċi bħal jigsaw puzzles u affarijiet bħal dawn u eżerċizzji jew tinvolvihom biex jagħmlu hobbies ħalli kemm jista’ jkun jibqgħu attivi.

Kif qed ngħid, il-benefiċċji ta’ dawn huma ħafna, ma jfissirx li kulħadd jintlaqat l-istess. Ovvjament kulħadd jirrispondi bil-mod tiegħu, però anzjan li jibqa’ attiv, jibqa’ jħossu b’saħħtu anki mil-lat mentali u psikoloġiku. Dawk li jibqgħu jaħdmu ma jsirux finanzjarjament dipendenti, speċjalment fejn il-pensjoni tagħmel restrizzjonijiet fuq il-kwalità tal-ħajja li jgħixu l-anzjani rtirati. U ovvjament mhux kulħadd ikollu dik is-saħħa li jkompli jaħdem. Meta ngħidu anzjan attiv ma jfissirx li tibqa’ kapaċi tmur fil-barriera u taqta’ l-ġebel, imma tkun kapaċi li għall-inqas tieħu ħsieb ruħek.

Fl-istess ħin, imma, dawk li kapaċi anki jżommu xi job, part-time job jew xi ħaġa, ma jagħmilx ħażin illi wieħed jara li jkun qiegħed anki jkollu s-sodisfazzjon li jgħin lilu nnifsu finanzjarjament biex anki jżid mal-pensjoni li jkollu. Ovvjament imbagħad hemm il-qasam tal-volontarjat, li ħafna anzjani nħeġġuhom li jekk kemm-il darba jkunu għadhom f’saħħithom, jistgħu jieħdu

parti f’dan is-settur tal-volontarjat li f’pajjiżna hu wieħed kbir u b’saħħtu. U l-anzjan b’daqshekk mhux talli jibqa’ indipendenti, iżda wkoll isir ta’ għajnuna lil ħaddieħor. U jibqa’ produttiv. Bħalma rajna anki f’xi wħud minn dawn li kellna nominati llejla.

Napprezza ferm għalhekk kull inizjattiva sabiex l-anzjani tagħna jkunu jistgħu jibqgħu jagħtu kontribut sħiħ fis-soċjetà. Eżempju ta’ dan huma ċ-ċentri tal-anzjanità attiva fl-irħula tagħna.

Nemmen ukoll li hemm bżonn ta’ aktar kuxjenza fost il-poplu fuq dan. Veru li llum il-ħajja hija mgħaġġla, veru li kulħadd għandu l-ħinijiet tax-xogħol tiegħu estiżi kemm jista’ jkun, però l-kuxjenza dwar ir-rispett lejn l-anzjani, u anki kif nistgħu nżommu lill-anzjani tagħna attivi u integrati fis-soċjetà huma importanti ħafna. U nemmen li dan irid jibda jiġi mgħallem u jiġi ppritkat liż-żgħażagħ tagħna, lit-tfal tagħna mill-iskejjel għaliex minn hemmhekk jidħlu l-ideat, li jsiru minquxin f’moħħ it-tfal li mbagħad iġorruhom magħhom meta jikbru. Jien nemmen li għandu jkollna qafas politiku li huwa tajjeb biex dan iseħħ, però jiena nemmen li bħalissa ma naħsibx li qiegħed isir biżżejjed. Hemm bżonn ta’ bidla soċjokulturali li tagħraf u tħobb iktar u taċċetta iktar il-kunċett ta’ anzjanità attiva.

Jiena nagħlaq billi nawgura mill-ġdid lil dawk kollha li ġew innominati, kif ukoll il-mijiet ta’ anzjani f’pajjiżna li ta’ kuljum, bil-mod tagħhom, jagħtu kontribut kif jistgħu. Intom kollha rebbieħa u f’isem il-poplu Malti nirringrazzjakom ta’ dak kollu li wettaqtu u li għad trid twettqu għall-ġid ta’ pajjiżna.

Nirringrazzjakom.

Skip to content