Prof. Victor Axiak
Dr Stanley Zammit u Dr Daniel Micallef Sinjuri
Huwa pjaċir tiegħi li nkun magħkom biex flimkien mar-rebbieħa tal-lum, Dr Zammit u r-rappreżentanti ta’ Dr Micallef, niċċelebraw l-importanza u l-bżonn li nħarsu l-ambjent naturali u niżguraw li l-progress infrastrutturali jkun sostenibbli u jippromwovi kwalità ta’ ħajja aħjar.
Din hija t-tielet sena li qed jiġi mogħti dan il-premju u bi pjaċir nosserva li r-rebbieħa ta’ snin l- imgħoddija ġejjin minn diversi setturi u kienu strumentali biex bid-dedikazzjoni tagħhom jirriċerkaw, jiktbu u jippreservaw ġojjelli prezjużi ta’ dan il-pajjiż. Forsi ma tantx nisimgħu dwarhom, iżda studji li jikkonċentraw fuq il-flora u l-biodiversità tal-gżejjer Maltin huma strumentali biex bħala pajjiż nifhmu u ngħożżu dan il-wirt nazzjonali u niżguraw li ġenerazzjonijiet futuri jgawdu wkoll minn dawn it-teżori.
Dawn l-aħħar snin, il-bilanċ bejn il-progress, l-ispazji miftuħa u l-akwati abitati kien pjuttost diffiċli li jinżamm u sfortunatament ftit li xejn jaħseb fil-ġenerazzjonijiet futuri. Dan mhux fenomenu ta’ pajjiżna biss, iżda li jgħaddi minnu kull pajjiż li jersaq lejn il-mixja tal-progress u t-tkabbir ekonomiku.
Bħalma tkellimt fid-diskors tal-ħatra tiegħi, l-ambjent minn dejjem kien suġġett għal qalbi u ser nibqa’ nagħtih priorità anka waqt din il-Presidenza. Meta kont Ministru tal-Ambjent bejn l-1996 u l-1998 kien diġà jinħass il-bżonn li l-ambjent jingħata priorità u li anka l-poplu jibda’ japprezza u jifhem aħjar l-rwol tiegħu f’dan il-qasam. Kien għalhekk f’dak iż-żmien, li jien kont imbuttajt bis-sħiħ biex f’pajjiżna jkollna pjan u strateġija dwar ir-rimi tal-iskart, kif ukoll nedejt l-ewwel ‘Rapport fuq l-Istat tal-Ambjent’’, li kellu jibqa’ jsir kull sentejn.
Bħalma kont nisħaq dak iż-żmien u għadni nemmen sal-lum, l-osservazzjoni tar-regoli minn min għandu l-meżżi tal-iżvilupp u l-bżonn ta’ djalogu aktar miftuħ mal-poplu jwassal biex ikun hawn għarfien aħjar ta’ kif jintlaħaq dan il-bilanċ. B’mod ħolistiku, is-sostenibilità tal-ambjent u l-kwalità ta’ ħajja jimxu pari-passu flimkien. Kien f’dak iż-żmien li daħlu kunċetti bħal l-ambjent ħolistiku, environmental impact assessment u l-kunċetti tas-sostenibilità.
Għalhekk importanti li meta nsemmu lil wieħed ma ninsewx lill-ieħor u li f’kull deċiżjoni dejjem inġibu quddiem għajneja li dak li niżirgħu llum, ser jaħsduħ uliedna għada. Għalkemm faċilment nitfgħu ħarsitna biss lejn l-ambjent mibni, importanti wkoll nagħtu attenzjoni għal kwalità tal-arja, tal-ilma tal- pjan u tal-ibħra tal-madwar. Mhux biss, iżda għandna nagħtu wkoll attenzjoni għat-tip u l-kwalità ta’ djar u spazji li qed ngħixu fihom. Nemmen li dawn kollha flimkien huma strumentali biex Malta tkompli tiżviluppa f’pajjiż modern iżda ekoloġikament b’saħħtu u li jikkultiva politika ambjentalista u li tħares lejn il-kwalità tal-ħajja bħala l-epitoma ta’ kull deċiżjoni.
Mill-ġdid nifraħ lil Dr Zammit u Dr Micallef għal kontribut tagħhom u f’isem il-poplu Malti nirringrazzjahom tal-karriera twila tagħhom. Nagħlaq billi nawgura li fis-sena 2020, waħda mir- rebbieħa tkun ġejja mill-kamp femminili u b’hekk inkunu wkoll qed ngħaddu messaġġ favur bilanċ bejn is-sessi u nħajru aktar tfajliet u nisa jkunu parteċipi fil-ħarsien tal-ambjent, ir-riċerka u l-promozzjoni ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar.
-Grazzi-
-Tmiem-