The President of Malta

Closing Speech of H.E. President George Vella during the Conference for National Unity Verdala Palace (Speech in MT)

Diskors tal-għeluq - Konferenza għaqda Nazzjonali

Kuntent ħafna wara li qrobna qrib l-aħħar ta’ din is-sessjoni għaliex ejja nammettu, kienet gamble. Meta ddeċidejna, ħa ngħid iddeċidejna għax ma kontx waħdi, ħadt opinjonijiet, tkellimt, pariri, li nvaraw il-konferenza, bħalm’għidt fil-bidu, kien hemm min kien negattiv, kien hemm min beda jaqtagħlna qalbna u sa dalgħodu ma kontx naf kif se noħorġu minn hawn u jekk hux kuntenti jew inkella diżappuntati li għamilna eżerċizzju illi forsi kabbar il-firda pjuttost milli ġab il-firda.

Però ngħidilkom grazzi. Grazzi għall-mod tajjeb ħafna kif irreaġixxejna dalgħodu. Grazzi l-ewwel nett lill-panellists li kienu preparattissimi u l-fatt, u ħa ngħidu, li bla ma kkoordinajna, kulħadd minnhom ħa aspett differenti tas-suġġett. Prosit u grazzi.

Però fl-istess ħin ukoll prosit ħafna lil kull min għamel l-interventi tiegħu għall-mod pakat, għall-mod demokratiku, għall-mod informattiv u għall-mod rispettuż. Tkellimna, kulħadd qal dak li għandu jgħid, u dan hu l-mod kif irridu nimxu minn hawn ’il quddiem. Ħadd, u għidtha fil-bidu, ħadd mhu se jgħid lil xi ħadd titkellimx fuq hekk jew titkellimx fuq hekk. Għaliex ma kien hemm l-ebda suġġett li kien tabù, imma l-iktar ħaġa importanti kienet illi nitkellmu ma’ xulxin. Il-kelma djalogu ssemmiet kemm-il darba dalgħodu. U dan hu djalogu. Naqblu li ma naqblux. Nitgħallmu m’għand ħaddieħor. Inwasslu l- messaġġi tagħna.

Jiena ma għandix iċ-ċans hawnhekk li noqgħod nirrispondi jew li nirreġixxi għal dak kollu illi ntqal dalgħodu. Ħadt in-noti kollha nista’ nassigurakom u nista’ nassigura lil min qed jistaqsi x’se jiġri wara illi m’iniex se nagħmel dikjarazzjonijiet immedjati. Ovvjament, hemm ħafna x’nixtarru. Irridu ovvjament naraw eżatt xi ntqal, irridu nanalizzaw ir-riżultati. Però nwiegħed minn hawn, illi dan mhux proċess li se jibda u jispiċċa llum, għax inkun qed immur kontra dak li għidt fil-bidu li dan mhux proċess li tistenna riżultat f’sessjoni waħda. Jiena konvint u nixtieq, illi minn dan l-inkoraġġiment li qed nara dalgħodu, u ngħidu bi gratitudni, sinċerament, nagħmel kuraġġ ħalli nkomplu mmexxu dan il-proċess. Kif u taħt liema forma, ħudu paċenzja tuna ċans niddeċiedu naqra x’se nagħmlu u ma nagħmlux. Però m’hemmx dubju illi għandi l-ħsieb illi dan inkomplu għaddejjin bih taħt forma jew oħra.

Jiena kif għidtilkom diġà, mhux se noqgħod nidħol… issemmew il-midja, issemmew l-inklużjoni, il- Maltin, il-governanza, il-kruha tal-bini… semmejna kollox. Imma dan kien dak li fl-ambjent jgħidulu ‘a scoping exercise’. Inti qed tipprova tagħmel studju ħa tara x’inhu li qiegħed idejjaq lill-Maltin, tara x’inhu li qiegħed jifred. Tgħiduli: “Kellek għalfejn toqgħod…?” Imma meta wieħed jista’ jesterjorizzah, aħna nafu iktar liema huma l-oqsma l-iktar importanti li wieħed jitkellem fuqhom.

Xi ħadd saqsa wkoll u għamel kumment rigward il-partiti politiċi. Issa forsi tifhmu għaliex fil-bidu d- deċiżjoni tagħna kienet illi ma nistednux formalment il-partiti politiċi. Jiena ma ridtx illi hawnhekk noqogħdu nisimgħu x’se jgħidulna l-politiċi. Jiena hawnhekk għamilna eżerċizzju biex jisimgħuna l- politiċi. Biex dak kollu li ntqal, kien ovvjament trażmess, nafu li kollox jiġi rreġistrat, u jiena nemmen u nittama illi ħafna minn dak li ntqal hawn, jasal għand il-politiċi.

Għaliex wara kollox, bħalma xi ħadd qalli fil-bidu, qalli: “Mhux kollox politika?” Iva dażgur, kollox politika. Imma hemm differenza bejn id-djaletta ta’ politika, id-differenza bejn il-partiġjaniżmu politiku u l-mod kif tinżamm id-diskussjoni fuq il-politika inġenerali. Il-politika, kulma missejna, missejna aħna l-bini, missejna s-sitwazzjoni soċjali, semmejna l-bżonn tal-edukazzjoni, dan kollu hu deċiżjonijiet politiċi u hemmhekk irridu mmorru biex aħna lill-politiċi nwasslu l-messaġġ ta’ x’nixtiequ li naraw biex kemm jista’ jkun innaqqsu minn din il-firda.

U hawnhekk ħa nerġa’ nagħmel enfasi fuqha. Forsi meta nitkellmu dwar għaqda nazzjonali nkunu ottimisti żżejjed u nisperaw iżżejjed. Aħjar nitkellmu fuq it-tnaqqis tal-firda ħalli iktar bil-mod il-mod, gradwalment, twassalna iktar u iktar għal aktar għaqda. Għaliex li tgħid għaqda nazzjonali b’mod assolut hija xi ħaġa utopika u ċert li m’aħniex se naslu għaliha f’ħakka t’għajn bla dubju ta’ xejn. Però definittivament illi kif intqal u kif issemmew, il-ħafna differenzi li għandna, qed nifhem il-ħafna affarijiet illi qed iġibu firdiet kemm żgħar u kemm kbar, wieħed jista’ jibda jattakkahom, wieħed wieħed, bħall-famuża leġġenda jew inkella… taz-zkuk. Mhux naqbdu l-faxxu kollu, il-qatgħa kollha biex niksruhom kollha f’daqqa, imma nippruvaw, wieħed wieħed, nippruvaw illi neħilsu minnhom.

Jiena mhux se ntawwal għaliex tawwalna biżżejjed. Tawwalna biżżejjed fis-sens li dak kollu kien utilizzat b’mod eċċellenti. Nirringrazzjakom tal-fatt illi kif semmejna ħlejna kważi 5 sigħat hawnhekk illum mis-Sibt meta kulħadd ikun jixtieq jistrieħ xi ftit. Però nista’ nassigurakom li dan li għidtu kollu ħadna nota tiegħu. Dan li għidtu kollu kien ħafna, ħafna, ħafna minnu fil-linja ta’ ħsibijiet tagħna, jiġifieri ma smajniex, ħa ngħidu kollox, ma smajniex affarijiet barra minn lokhom hawnhekk. Qegħdin inpoġġu subgħajna fuq is-sintomi, fuq l-affarijiet li qegħdin jidhru u li, jew nippruvaw inwarrbuhom fil- ġenb, jew inkella ma nagħtux kashom, jew inkella ngħidu: “M’hemmx x’tagħmel għax hekk writniehom”.

Jiena m’iniex xi bniedem li ngħid: “Isma’, trid taċċetta dawn l-affarijiet”. It-training tiegħi ta’ tabib kien dejjem li tmur mingħajr preġudizzju fuq il-każ, tara s-sintomi li għandek u s-sinjali li għandek, u tanalizzahom. Dak li tista’ tirranġah, tirranġah. Dak li ma tistax tirranġah, tara kif se tagħmel. Però importanti wkoll imbagħad li inti taqbad l-assjem ta’ kollox, tagħmilhom flimkien, u tiddeċiedi x’ħa tkun id-deċiżjoni li se tagħmel.

Jiġifieri biex nagħlaq, filwaqt li nerġa’ mill-ġdid nirringrazzja lil kulħadd ta’ dawn is-sigħat li għamilna dalgħodu li nista’ nassigurakom li ħiereġ minn hawnhekk sodisfatt, u ngħidu minn qalbi, sodisfatt u kuntent illi l-iktar ħaġa importanti li kellna, kellna djalogu ta’ nies ċivilizzati bejnietna, ta’ nies illi konvint li kollha kemm aħna nħobbu ’l pajjiżna. Kollha nixtiequ naraw lil pajjiżna aħjar milli hu llum u kollha nixtiequ li jekk jista’ jkun, naqbdu l-bakketta maġika, nagħmlu hekk u nġibuh l-aħjar li jista’ jkun minn għada. Ma jistax isir, bħalma nafu.

Però jekk se nkomplu naħdmu flimkien u jien nitlobkom u nistedinkom biex inkomplu naħdmu flimkien, jien konvint illi nistgħu nagħmlu pajjiżna aħjar milli huwa llum u ta’ dan nirringrazzjakom u nispera li nikkoperaw flimkien iktar ’il quddiem fl-inizjattivi li beħsiebna nagħmlu f’dan is-sens.

Grazzi ħafna.

Skip to content