Sur Martin Vella, Chairman,
Sinjuri Diretturi,
Membri tal-istaff,
Impjegati,
Jiena nibda l-ewwel nett billi nirringrazzja lid-diriġenti u l-istaff kollu għall-istedina li għoġobhom jagħmlulna biex niġi hawnhekk u nara x-xogħol fil-fabbrika u għadna kemm spiċċajna minn tour veru informattiv ħafna dwar l-istabbiliment u x-xogħlijiet ta’ ġo fih.
Irrid ngħid li tassew interessani li nara l-proċess li bih jinħadmu prodotti li drajna naraw fid-djar u l-postijiet tax-xogħol tagħna u li forsi ftit naħsbu kemm xogħol u sengħa hemm bżonn jiġu implimentati biex dawn isiru.
Meta tara dan il-proċess dettaljat u mirqum sabiex isir il-prodott finali, tifhem sew kemm ir-rwol ta’ kulħadd huwa importanti, mill-kbir saż-żgħir. Dan iġegħelna nirriflettu li f’kumpaniji bħal dawn kulħadd huwa importanti, katina sħiħa, kif diġà għidt, minn fuq s’isfel, mill-kbir saż-żgħir.
Is-sehem li tagħtu kull wieħed minnkom u d-dedikazzjoni tagħkom ilkoll, bla distinzjoni, jistħoqqilhom ġieħ u anki tifħir. Huwa dan it-teamwork li jwassal għar-riżultati.
Ninnota bi pjaċir kif l-operat tagħkom kompla jevolvi matul is-snin, biex tul dawn l-aħħar ħamsa u sittin sena, kif għadu kemm qal il-kelliem ta’ qabli, bqajtu żżommu ruħkom aġġornati mat-talbiet tas-suq, u fuq kollox tal-individwu u l-ħtiġijiet ta’ ħajja moderna u komda. Bit-tibdil kollu li jinvolvi u t-tibdil kontinwu tal-moda u l-iżviluppi fl-estetika u dehra ta’ djarna u l-binjiet il-kbar f’pajjiżna.
Huwa dan l-ispirtu ta’ innovazzjoni li jżommkom kemm popolari max-xerrejja, kif ukoll, aktar u aktar importanti, kompetittivi fis-suq. Mhux biss tridu taġġornaw, imma tridu wkoll tibqgħu vijabbli għax, wara kollox, azjenda kummerċjali trid tagħmel il-qligħ tagħha.
L-importanza tal-manifattura fis-settur ekonomiku ta’ pajjiżna, minkejja l-ftuħ ta’ ħafna oqsma ġodda f’dawn l-aħħar snin, speċjalment fil-qasam tas-servizzi, għadu importanti u meta naraw azjendi bħal dawn nifhmu kemm il-manifattura għad għandna bżonnha u tikkontribwixxi mhux ftit lejn l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Dan iġegħelni wkoll nirrifletti fuq l-importanza tat-tagħlim tas-snajja’. Huwa tajjeb li wieħed jagħmel enfasi fuq l-edukazzjoni akkademika, però ma rridux ninsew illi għandna bżonn ħafna nies li jidħlu fit-teknika, li jidħlu fl-industrija ħalli jagħmlu, kif ngħidu bil-Malti, ix-xogħol tal-idejn. Dan huwa xogħol nobbli daqs kwalunkwe xogħol ieħor.
Huwa importanti li mhux biss ikollna min hu dilettant, imma min hu kkwalifikat u llum, jgħallmuni d-direttur, li anki fil-qasam industrijali, fix-xogħol manwali, hemm studji u hemm żvilupppi kbar fejn il-ħaddiem jista’ anki jakkwista ċertu rikonoxximent.
Barra t-tagħlim tas-snajja’, jiena nemmen li dawn il-ħaddiema huma assolutament ma tistax tgħaddi mingħajrhom għaliex fabbrika mingħajr ħaddiema mhix se timxi. Però mbagħad ukoll dan jeħodni biex nitkellem fuq li wieħed jara li l-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiem jiġu rispettati. U barra hekk ukoll, meta wieħed jagħmel hekk, apparti li jkollu ħaddiema kuntenti, ukoll qed jassigura li jkollu l-paċi industrijali.
Jiena m’hemmx għalfejn ngħidilkom li din kienet sena diffiċli għal kulħadd. Iżda nieħu pjaċir nara kif, bħal kumpaniji oħra hawn Malta, bqajtu sejrin ’l quddiem u mexxejtu proġetti prominenti fil-Belt, il-Furjana, ir-Rabat u l-Imrieħel fost oħrajn.
Sabiex inħarsu ’l quddiem b’mod pożittiv, jien nawguralkom kull suċċess għall-proġetti li dħaltu għalihom għas-sena d-dieħla, bħalma diġà ssemmew, dawk li huma l-Mużew tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-Mużew ta’ Għawdex.
Jien f’din l-okkażjoni rrid nagħmel ukoll referenza, kif saret diġà, u dan nagħmlu b’apprezzament kbir għas-sostenn tagħkom li dejjem tajtu lill-Malta Community Chest Fund.
Ippermettuli nagħmel rimarki u ngħid li bħal bosta organizzazzjonijiet oħra, din ukoll għaddiet minn perjodu ikrah fejn id-dħul tagħha naqas drastikament minħabba li kważi l-avvenimenti kollha tal-ġbir ta’ fondi kellhom jitħassru jew inkella jsiru fuq skala iċken.
Issa li qegħdin naraw xaqq dawl lejn in-normalità u qegħdin nippjanaw attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi ġodda bl-intenzjoni li l-fondi ma jonqsux u nkunu dejjem nistgħu nlaħħqu mat-talbiet li jkollna fil-Malta Community Chest Fund.
Kif forsi tafu wkoll, dan l-aħħar inawgurajna partijiet ġodda tal-Kitchen Garden u jiena nistedinkom iżżuru mal-familji tagħkom, speċjalment it-tfal ħalli tgawdu l-ambjent il-ġdid li hemm hemmhekk.
Id-dħul kollu mill-bejgħ li jsir f’dal-Kitchen Garden imur għall-Malta Community Chest Fund – hekk filwaqt li tkunu qegħdin tgawdu ikel tajjeb u bnin u l-ġnien innifsu, tkunu wkoll qegħdin tgħinu lil min hu fil-bżonn.
Komplejna nadattaw ukoll aħna għaċ-ċirkostanzi u issa qed inħejju biex ikollna dik li kienet magħrufa bħala l-Fun Run, illum ħa ngħidula l-Fun Walk, fuq skala iżgħar minn tas-snin li għaddew minħabba n-numru limitat ta’ nies li jistgħu jieħdu parti flimkien f’post wieħed, minħabba r-regolamenti tal-COVID. U l-istess għaddejjin taħdidiet biex intellgħu verżjoni ta’ Rockestra li tkun kompatibbli mar-regolamenti tal-COVID-19. Dawn l-attivitajiet huma over and above d-donazzjonijiet li jingħataw minn individwi u kumpaniji li huma l-qalba tas-saħħa tal-Malta Community Chest Fund.
Jiena għalhekk mill-ġdid nirringrazzjakom tal-istedina li għamiltulna, prosit tal-kwalità u l-professjonalità tax-xogħol tagħkom u nixtiqilkom ilkoll saħħa, hena u l-ħidma t-tajba.
Nirringrazzjakom.