The President of Malta

President Myriam Spiteri Debono

Search

It-Tnejn filgħodu tnieda uffiċjalment il-kunċert ‘Kuraġġ’ b’risq il-Malta Community Chest Fund. Dan il-kun`ert huwa attività ġdida tal-Malta Community Chest Fund.

Il-kunċert jgħaqqad l-ispettaklu u l-mużika mal-esperjenzi ta’ tama u kuraġġ tal-persuni li ġġieldu u rebħu fuq l-esperjenzi diffiċli tal-mard. Hu għalhekk li l-isem tal-kunċert, Kuraġġ, jgħaqqad il-kliem ‘kura’ u ‘raġġ’ ta’ tama, għaliex huwa maħsub li jkun ċelebrazzjoni tal-ħajja bl-għan li joffri pożittività, ispirazzjoni u tama għal dawk li għaddejjin mill-isfidi tal-mard.  

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono rrikonoxxiet li l-kura onkoloġika ġġib magħha ħafna tbatijiet, imma fakkret li hemm ukoll xaqq tad-dawl u raġġ ta’ tama għall-pazjenti. “Fost l-isforzi kollha li jsiru biex tingħata l-għajnuna lill-pazjenti, għandna stejjer li jferrħuna, għaliex naraw ir-riżultati tal-kura; jiġifieri fejqan u fejn mhux fejqan sħiħ, almenu għal ċertu żmien, it-tbatija tal-mard titbiegħed.

Il-President tkellmet ukoll dwar l-importanza tal-appoġġ tal-komunità fil-vjaġġ tal-pazjent u l-familja tiegħu għall-fejqan, u kien għalhekk li l-kunċert se jsir f’teatru fil-qalba tal-komunità; it-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema.

Id-Direttur Mużikali tal-kunċert, is-Sur Daniel Cauchi spjega kif il-kunċert ser jiġbor flimkien l-aqwa talent lokali fosthom il-Big Band Brothers flimkien ma’ artisti popolari fosthom Ira Losco, Gianluca Bezzina, MARA, Pamela Bezzina, The New Victorians u aktar.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku tal-Kunċert, is-Sur Yanis Azzopardi fisser kif il-kunċert huwa ispirat minn stejjer vera u stqarr li l-ħsieb warajh huwa li nagħrfu li kull individwu għandu storja sabiħa x’jirrakkonta, anke fl-aktar mumenti mudlama ta’ ħajtu.

F’kelmtejn, is-Sinjura Sina Bugeja, Chairperson tal-Fondazzjoni appellat biex kull min jista’, jattendi għal dan l-avveniment biex ikomplu jinġabru fondi għal dawk l-aktar fil-bżonn.

Il-kunċert ser isir il-Ġimgħa 8 u l-Ħadd 10 ta’ Novembru fit-Teatru Salesjan u l-biljetti jistgħu jinxtraw minn showshappening.com.

Skip to content