Inġbarna llum biex nagħtu ġieħ lill-ulied Għawdex.
Din iċ-ċerimonja annwali tal-għoti ta’ Ġieħ hija marbuta mad-data tat-28 t’Ottubru 1798, meta l-Franċiżi, li kienu qegħdin jokkupaw il-gżira Għawdxija, ċedew għall-Assedju li għamlulhom l-antenati tagħna, meta taħt it-tmexxija tal-Arċipriet Saverio Cassar, l-Għawdxin qamu kontra l-Franċiżi, għaliex derilhom illi l-Franċiżi kienu qegħdin ikasbru lilhom u lill-artna.
Għalina, kif jgħidilna l-poeta u patrijott Għawdxi Ġorġ Pisani, fil-poeżija tiegħu, Innu lill-Għawdex, Għawdex hija ‘art sabiħa, art ħanina u art maħbuba’ iżda fuq kollox, il-ġrajja tat-tkeċċija tal-Franċiżi u l-mod kif ġiet pjanata mill-Għawdxin f’dawk iż-żminijiet, turi illi l-antenati tagħna kienu reżiljenti, kurraġġjużi, kapaċi jingħaqdu u kapaċi wkoll immexxu lilhom infushom, kif filfatt għamlu għall-141 jum.
Meta l-Għawdxin dehrilhom illi għandu jeħilsu mill-madmad Franċiż, huma wrew illi kienu sodi fir-rabta profonda u partikolari li jħossu lejn Għawdex għaliex aħna l-Għawdxin, ċittadini tar-Repubblika ta’ Malta, iżda Għawdex hija l-art li twelidna fiha.
Din ir-rabta tagħmilna kważi kważi ġens ġo ġens, u immissuha b’idejna f’dan l-avveniment, fejn inħossu l-bżonn illi nirrikonoxxu r-riżultati u l-ħidma ta’ Għawdxin bħalna illi jkunu taw kontribut fi sferi nazzjonali, kultant anke internazzjonali, f’oqsma diversi tal-ħajja, illi bihom jidrilna illi għollew ’il fuq l-isem t’Għawdex tagħna.
Dan nagħmluh ukoll għaliex kull min twieled u trabba fuq din il-gżira t’Għawdex, jaf u konxju illi l-feles baħar li jifridna minn Malta, jagħmilha dejjem aktar diffiċli għalina biex nirnexxu.
Minn natura iżolata tiegħu, minħabba l-insularita’ doppja[1], Għawdex dejjem kien differenti fil-bżonnijiet tiegħu minn Malta. Filwaqt li l-gżira Maltija gawdiet minn progress mgħaġġel fl-aħħar sittin sena, kważi fis-setturi kollha, Għawdex jidher li ħa żmienu biex il-progress jassimilah fis-sistema tiegħu.
Hemm min jgħid illi l-ħajja f’Għawdex hija kajmana, aktar rilassata; Jien ma tantx naqbel ma’ din it-teżi. Il-fatt illi il-progress li f’ċerta oqsma issarraf f’rigress f’Malta, dam ma laħaq lil Għawdex, kien biex ngħidu hekk ta’ barka, iżda, b’saqajja mal-art ngħid illi huma f’dawn l-aħħar tletin sena illi l-Għawdxin ingħaqdu u lill-Amministrazzjonijiet diversi, bl-għaqdiet Għawdxin, bdew jirsistu illi anke Għawdex jieħu sehmu mill-ġid nazzjonali minħabba n-natura ta’ gżira maqtugħha u kellu, ikun hemm trattament speċjali u viżjoni li tkun partikolari għalih.
Nista’ ngħid li mindu kellna l-ewwel ministru għal Għawdex, l-Onorevoli Anton Tabone, u wara kellna ministri oħra, kollha kellhom ċertu viżjoni partikolari għal Għawdex u l-bżonnijiet tiegħu, u għamlu ħilithom biex ifehmu dan.
Dan iżda jirrikjedi illi aħna l-Għawdxin inkunu dejjem viġilanti biex il-progress ekonomiku li jasal fi gżiritna ma tkunx ta’ detriment, ta’ ħsara kbira għall-quddiem. Nirreferi b’mod partikolari għal wirt naturali illi kultant jiġi mwarrab għax nagħmew u ma nqisux illi dan il-wirt naturali huwa sinsla u pedament tal-futur ta’ Għawdex tagħna.
F’dan ir-rigward ninnota b’sodisfazzjon illi is-Sur Pawlu Buttigieg, sindku tal-Qala ser jingħata Ġieħ Għawdex illejla. L-Għawdxin ħutu se jkunu qegħdin jirrikonoxxu li l-inizjattivi tiegħu favur il-protezzjoni tal-ambjenti naturali tagħna, partikularment il-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien, fil-lokalita’ tiegħu tal-Qala. Il-ħidma tiegħu għall-protezzjoni tal-preġji naturali ta’ Għawdex, li jsawwru l-identità idillika tal-gżira tat-tlett għoljiet, tkompli timbotta lill-Pawlu biex jsemma’ leħnu u dak li beda jkomplieh ħalli fl-aħħar mill-aħħar ikun ta’ eżempju għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.
Pawlu, Ġieħ Għawdex, u anke l-unur għall-Qadi tar-Repubblika s-sena l-oħra, huma biss ringrazzjament għall-kontribut li tajt u għadek tagħti għall-Għawdex u nħeġġek tibqa’ tagħmlu anke fil-ġejjieni.
Illejla qegħdin ukoll nuru l-apprezzament tagħna għall-qasam sportiv u għal dawk li jimmilitaw fih. L-Otters Aquatic Club huwa storja ta’ suċċess anke minħabba li tul is-snin, dan il-club provda opportunitajiet lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna li jirrapreżentaw lill-pajjiżna fl-ogħla kompetizzjonijiet Ewropej fejn inkisbu unuri sew individwali kif ukoll kollettivi. Is-sens ta’ komunità u l-valuri li kibru bihom tfal u żgħażagħ li kienu u għadhom jattendu dan il-klabb akwatiku huma evidenti u l-club qiegħed jgħin biex jiġu ffurmati l-irġiel u n-nisa ta’ għada.
Minn qalbi nerġa nifraħ lil Pawlu Buttigieg u lill-Otters Aquatic Sports Club tal-kontribut siewi li ta lill-gżirietna kif ukoll liċ-Circolo Gozitano tal-organizzazzjoni ta’ din l-attività, bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex u Ippjanar.