Għeżież membri tal-Akkademja tal-Malti, Mistednin distinti,
Hija okkażjoni tassew sabiħa għalija li nerġa’ nilqagħkom fil-Palazz ta’ Sant’Anton għal serata oħra li fiha se nkunu qegħdin mhux biss nonoraw persuna li ħadmet b’impenn tul ħajjitha kollha b’risq il-malti imma wkoll infakkru d-99 sena mit- twaqqif tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti – illum magħrufa bħala l-Akkademja tal- Malti.
L-Akkademja tal-Malti llum se tonora b’midalja tad-deheb lil dik il-persuna li tul ħajjitha ħadmet bis-sħiħ u tat kontribut eċċezzjonali biex jiżdied l-interess kemm akkademiku kif ukoll letterarju f’ilsienna. Kontribut li – fil-fehma tagħkom stess għax intom bħala membri ressaqtu isimha quddiem il-ġurija – kompla jsaħħaħ l- identità tagħna bħala poplu, nissel fina mħabba lejn art twelidna u fittex fl-għeruq tagħna dak li jagħmilna Maltin.
Victor Fenech jirrappreżenta dan kollu. Sa’ minn ċkunitu u anke tul il-karriera tiegħu bħala għalliem, is-Sur Fenech minn dejjem wera interess fil-lingwa, speċjalment fil- forma tal-poeżija li tant hu magħruf għaliha. Victor Fenech huwa magħruf bħala l- poeta tal-protesta. Huwa propju għal dan li għandu jiġi imsemmi llum ukoll. Qatt ma beża’ jikteb fuq oqsma li jolqtu lill-poplu tagħna b’mod dirett. Il-ħarsien tal- ambjent naturali, il-familja u s-soċjetà fost oħrajn, huma marbuta ma’ kitbietu tul is- snin. Għaldaqstant, nistgħu ngħidu, li Victor Fenech huwa wieħed mill-pilastri tal- lingwa Maltija. Huwa jfakkarna wkoll f’dawk il-valuri li kienu mħaddna mill-
Maltin u li fil-mixja mal-progress intilfu jew intnesew, u li bis-saħħa ta’ kitbitu, il- qarrej jiftakar l-għaliex u l-għalfejn ta’ dak li qed iseħħ madwaru.
Din l-okkażjoni tkompli ssaħħaħ l-ħidma li diġà tnediet mill-presidenza biex titqajjem kuxjenza akbar dwar il-Malti u l-użu tajjeb tal-Malti.
Hu ta’ gost u pjaċir tiegħi li spiss niltaqa’ ma’ awturi veterani tal-lingwa Maltija li naqqxu isimhom fil-kamp tal-letteratura. Dan nixtiequ li nsostnuħ matul il- presidenza tiegħi mhux biss bħala mezz biex jinżamm kuntatt mal-poplu, iżda wkoll sabiex nirrikonoxxu l-kontribut li dawn il-veterani taw lil ilsien pajjiżna.
Inħarsu wkoll l-quddiem lejn l-isfidi li għandu l-ilsien malti hekk kif flimkien mal- għaqdiet tal-Malti ser nkunu qegħdin inħabbru kampanja għall-użu tajjeb ta’ ilsienna bil-ħsieb li noħolqu kuxxjenza qalb il-poplu u fl-istess ħin nixtarru l-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom ilsienna. Din il-kampanja qed titfassal bi sħab mal-għaqdiet u l-entitajiet tal-Malti bil-patroċinju ta’ dan l-Uffiċċju.
Din hija r-raba’ sena li qed tingħata l-midalja tad-deheb lil min sostna l-ilsien Malti b’ħidmietu għall-iżvilupp tal-lingwa u tal-letteratura maltija.
tajjeb li hawnhekk nerġgħu nfakkru u nsellmu lil dawk li ngħataw dan l-unur u rikonoxximent fis-snin li għaddew: il-Prof. Oliver Friggieri, il-Mons. Lawrenz Cachia u Trevor Żahra.
Mill-ġdid nifraħ lil Victor Fenech għal dan il-premju l-prestiġjuż. Nirringrazzjak f’isem il-poplu Malti tal-ħidma tiegħek favur l-ilsien tagħna u nawguralek li tkompli bil-kitbiet tiegħek fis-snin li ġejjin.