The President of Malta

Points for a speech by His Excellency George Vella, President of Malta, on the occasion of the 25th Anniversary of the establishment of Our Lady of Doctrine Social Association – Tarxien as well as the inauguration of the club building, Misrah Ir-Repubblika, Tarxien, 24 June 2022, (Speech in MT)

Rispettabbli Sindku,

Onorevoli Membri,

Sur Kappillan,

Grazzi ħafna, l-ewwel nett, tal-istedina biex niġu magħkom hawn illejla u napprezzaw kunċert verament sabiħ, u ngħid prosit lill-banda, lis-surmast, l-għażla tal-mużika li smajna u anki lill-kor, ovvjament bis-solisti b’kollox.

Però ma rridx indum u rrid nagħmel ftit riflessjonijiet żgħar.

Illum bdejna l-ġurnata, jiena u Miriam, billi organizzajna, flimkien mal-Patri Dijonisju Mintoff, il-Premju tat-Tjubija. Tfajla, li fl-iskola tagħha qiegħda tagħmel xi ħaġa li tħoss li hija naturali għaliha, li tgħin lil ħaddieħor li għandha bżonnijiet, u din qiegħda sservi ta’ forċina għaliha. Hemmhekk qed naraw it-tjubija.

Iktar tard, assistejna mbagħad għall-gradwazzjoni taż-żgħażagħ, irġiel, nisa, San Blas. Traġedja, però fl-istess ħin, imbagħad, wirja tal-imħabba, tad-dedikazzjoni, tar-rieda ta’ min ħa ħsiebhom biex ħariġhom minn dak li kienu, tahom għodda ġdida biex jibdew ħajja ġdida barra minn hemmhekk.

Tgħiduli, dan kollu x’għandu x’jaqsam?

Għandu x’jaqsam għax imbagħad niġu hawnhekk u b’mod rilassat qegħdin nisimgħu kunċert sabiħ li huwa parti minn kif inhi l-kultura Maltija. Ġo pjazza ta’ raħal antik, bil-knisja tiddomina kullimkien u l-banda tas-soċjetajiet li għandna bħalhom imxerrdin ma’ Malta kollha.

Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed: dan huwa l-poplu Malti.

Barra hekk, irrid insemmi wkoll x’kien qed jgħidli Patri Dijonisju, rigward in-nies li hemm jieħu ħsiebhom, bla karti, bla passaporti, però huma wkoll parti mis-soċjetà Maltija.

U qed nitkellem hekk għax bħala President inħoss illi dan kollu trid tarah, trid tapprezzah, u trid anki timbuttah. U s-sabiħ tal-lejla huwa li tara għaqda ta’ ħamsa u għoxrin sena, qed tifraħ b’każin, u sewwa tagħmel, u tiċċelebra.

Però ejjew ma ninsewx il-kelma għaqda. Din hija għaqda fejn żgħażagħ, min kien hemm fil-bidu, probabbilment illum, jgħidli l-President, xiħ, imma dejjem ġejjin oħrajn. U dawn huma l-importanza u x-xogħol li għandhom dawn l-għaqdiet, illi ma jkunux biss għaqdiet tal-piki, imma għaqdiet fejn verament ikun hemm il-promozzjoni tal-imħabba, il-promozzjoni tat-tjubija u anki tal-valuri li jagħmluna Maltin.

Il-festi tagħna huma parti mill-kultura tagħna. Kull reliġjon iffurmat il-biċċa l-kbira mill-kultura u dawn huma l-valuri tajbin – jiena nawguralkom – li mill-każin tagħkom ixxerrdu. Xerrduhom, l-ewwel u qabel kollox, biex nippruvaw inżommu, dik li jiena dejjem nipprietka fuqha, l-għaqda bejnietna.

Il-pika sabiħa, pika kostruttiva, però ejjew ma nkunux strument ta’ diviżjoni. Ejjew inkunu strument ta’ għaqda ħalli min ikun qiegħed jattendi dawn il-każini tagħna joħroġ minn hemmhekk jiftaħar, għada pitgħada, bħalma għandi esperjenzi jien mid-Domus, ngħidulu d-Domus, taż-Żejtun, li ħarġu kulħadd minn hemmhekk b’valuri li bqajna dejjem niftaħru bihom.

Jiena nawguralkom li x-xogħol li qegħdin tagħmlu jissarraf f’dawn il-kwalitajiet tajbin għaliex b’hekk biss nistgħu nsaħħu pajjiżna. Jekk aħna ma nibżgħux għall-għaqda ta’ bejnietna, ninqasmu.

Ma ninsewx, fl-istess ħin ukoll, illi filwaqt li qegħdin niċċelebraw din il-libertà li wara sentejn għall-inqas qegħdin niltaqgħu mingħajr maskri, mingħajr biża’, għalkemm m’għaddiex għalkollox, oqogħdu attenti wkoll, però fl-istess ħin ukoll ma nistgħux ninsew illi din hija grazzja li għandna aħna li qegħdin fuq dan il-pajjiż żgħir ngħixu din il-kumdità filwaqt li ma ninsewx li hemm popli sħaħ li qegħdin jiġru ’l bogħod mill-gwerra – qed nirreferi għall-Ukrajna – li anki qed nospitaw nies minnhom li waslu għandna hawnhekk biex jieħdu ħsiebhom ukoll. U din hija wkoll parti mid-doveri tagħna, parti mit-twemmin tagħna u mill-kultura tagħna: li nilqgħu lil ħaddieħor meta dan ikollu bżonn.

U qed nagħmel dan mhux biex inkun qiegħed nipprietka, imma għaliex meta nitkellmu fuq dawn l-għaqdiet, fuq dawn il-każini, li għandhom għan għalihom, semmejt statut għalihom inti, ma’ dawn wieħed irid ikun lest biex jużahom ħalli minnhom isawwar Maltin ta’ karattru, Maltin li jħobbu verament lil pajjiżhom, u jġeddu dak li lilna jagħmilna Maltin.

Nawguralkom ħafna snin ta’ ħidma.

Grazzi ħafna.

Skip to content