Fi ftit ġranet oħra nidħlu fix-xahar ta’ Ottubru: xahar illi fl-isfera ta’ saħħet il-poplu huwa sinonimu mal-kampanja Pink October, liema kampanja, bl-inizjattiva tal-Fondazzjoni Marigold, inbdiet fl-2014 biex tinkoraġġixxi l-prevenzjoni tal-kanċer tas-sider.
F’dawn l-aħħar snin, din il-kampanja, li baqgħet essenzjalment kampanja ta’ informazzjoni u prevenzjoni, ġiet estiża għax-xahar ta’ Novembru, dejjem bl-inizjattiva tal-istess Fondazzjoni Marigold, biex tinkorpora fiha wkoll għarfien dwar tipi oħra ta’ kanċer bħal l-kanċer tal-prostata u tat-testikoli fl-irġiel.
B’hekk, il-kampanja ta’ għaxar ġimgħat mifruxa fuq Ottubru u Novembru, qiegħda tolqot sew il-mard tal-kanċer li primarjament jaffettwa lin-nisa, kif ukoll il-mard tal-kanċer li jolqot lill-irġiel.
Il-Presidenza, filwaqt li tapprezza x-xogħol li jsir fl-organizzazzjoni ta’ din il-kampanja, sew min-naħa tal-Marigold Foundation, kif ukoll l-għajnuna bit-testijiet min-naħa tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, tħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex jirrikorri għas-servizzi ta’ screenings provduti mill-awtoritajiet, biex kemm jista’ jkun il-kanċer jinqabad mill-bidu u kmieni.
Dan essenzjalissimu. B’hekk tiżdied ir-rata ta’ suċċess fil-fejqan.
Il-kampanja ta’ prevenzjoni tissarraf f’ġid għall-poplu kollu u għall-pajjiż, kemm-il darba l-individwi, min-naħa tagħhom, ikollhom għarfien sħiħ tar-riperkussjonijiet li jistgħu jolqtu lilhom, lil familthom, lix-xogħol tagħhom, u dak kollu illi jifforma l-ħajja ta’ kuljum, jekk jinjoraw u jibqgħu ma jagħtux każ, ukoll meta jkun hemm sinjali inkwetanti.
Din l-istqarrija qiegħda ssir illum 19 ta’ Settembru 2024, fl-okkażjoni tat-tnedija tal-kampanja Pink October Movember għal din is-sena 2024, u b’apprezzament għax-xogħol li jitwettaq fl-organizzazjoni tal-Pink October Movember mill-Fondazzjoni Marigold.