Onorevoli Ministru għal Għawdex
Onorevoli Membri Parlamentari
Sur Sindku
President tal-Għaqda Mużikali San Girgor
Mistednin Distinti
Nibda billi nwassal l-apprezzament tal-E.T. George Vella li ma setax jattendi minħabba impenji uffiċjali barra minn Malta.
Fl-istess ħin huwa gost u pjaċir tiegħi ningħaqad magħkom għal dan l-avveniment speċjali, mhux biss għall-Għaqda Mużikali San Girgor, iżda anki għall-komunità kollha ta’ Kerċem.
Okkażjonijiet bħal din tal-lum mhumiex sbieħ biss għax qed ninawguraw xogħlijiet ta’ tisbiħ, jew għax qed inniedu pubblikazzjoni fuq il-ġrajjiet tal-Għaqda, iżda għax qegħdin insaħħu settur fundamentali tal-kultura u t-tradizzjoni Maltija.
Huwa proprju grazzi għalikom u għal bosta oħrajn bħalkom li dan is-settur tal-kultura Maltija jkompli jiġġedded u jisseddaq matul iż-żmien. Grazzi tal-ħin, ir-riżorsi, u l-ħidma tagħkom. Fuq kollox, nieħu pjaċir nara li huma ħafna ż-żgħażagħ li qed jersqu lejn is-soċjetà u jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħidma tal-Għaqdiet Mużikali. Nemmen li ż-żgħażagħ huma l-qofol għall-innovazzjoni u ideat ġodda li permezz tagħhom għaqdiet bħal din tagħkom jibqgħu rilevanti u jadattaw għall-gosti ta’ soċjetà moderna u dinamika, li xorta waħda għadha tgħożż u tfittex festi u riti tradizzjonali. Għaldaqstant inħoss li huwa tassew xieraq li għaqdiet bħal tagħkom jibqgħu jinvestu fiż-żgħażagħ u jressquhom eqreb lejn it-tradizzjonijiet u l-kultura Maltija.
Minbarra dan, iservu wkoll biex inisslu fihom sens akbar ta’ identità mal-patrimonju ta’ Kerċem. Nifhem li dan qed isir dejjem aktar importanti għal bosta lokalitajiet ġewwa Malta li qed jgħaddu minn tibdil demografiku u infrastrutturali b’rata mgħaġġla. Ma nistax ma nsemmix l-irwol tal-banda fis-soċjetà Maltija.
Mhux talli l-banda tferraħ permezz tal-mużika u l-briju li tqajjem, iżda hija wkoll laboratorju mużikali ħaj.
Grazzi wkoll għall-każin u l-possibilità li kulħadd jingħata aċċess għal-lezzjonijiet tal-mużika, il-banda kienet, għadha u tibqa’ ċentru strumentali biex it-tradizzjoni u l-patrimonju mużikali Malti jiġi mħares u msaħħaħ għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Hawnhekk ta’ min inroddu ħajr lill-Għaqda San Girgor li mill-ewwel snin tagħha tat bidu għat-tagħlim mużikali, bl-ewwel studenti jieħdu l-lezzjonijiet tal-mużika fil-bini taċ-Ċentru Parrokkjali.
Matul is-snin, l-Għaqda kompliet tikber u tissaħħaħ kemm mużikalment kif ukoll soċjalment. Infatti, fil-25 sena ta’ storja tagħha, il-Banda San Girgor għenet sabiex nisslet benniena mużikali fir-raħal ta’ Kerċem b’kontribut sħiħ fil-festi li jiġu ċċelebrati hawnhekk.
Illum, bi pjaċir qed infakkru l-kisbiet ewlenin ta’ dawn l-ewwel 25 sena mit-twaqqif tal-Għaqda permezz ta’ ġabra ta’ ġrajjiet li għaddiet minnhom l-Għaqda. Nifraħ lill-istoriku Kerċmi Mons. Karm Borg li flimkien ma’ membri oħra tal-Għaqda ħadu ħsieb li joħolqu pubblikazzjoni mill-isbaħ. Fl-istess okkażjoni qegħdin ninawguraw xogħol ta’ tisbiħ fis-Sala Prinċipali tal-Każin li m’għandix dubju li ser jitgawda sew mill-membri u s-soċi matul is-snin li ġejjin.
Nagħlaq billi ntenni r-radd il-ħajr tiegħi lil kull min ta sehmu biex jitħejja l-avveniment tal-lum u nawguralkom ilkoll ħidma sfiqa.
Grazzi.