The President of Malta

Search
Close this search box.

Speech by E.T. George Vella, President of Malta, for the National Award in the Field of Dementia, 5 November 2022, (Speech in MT)

Jiena, bħall-Ministru, wara li jkunu tkellmu nies ta’ ċertu kalibru u ċertu nies li qegħdin il-ħin kollu fuq dan il-qasam tad-dimensja, insibha diffiċli x’naqbad ngħid. Żgur li mhux se ngħidilkom x’inhi d-dimensja. Mhux se ngħidilkom li din m’għandhiex rispett, tattakka lil kulħadd, min f’każijiet soċjali…

Sfortunatament qed naraw każijiet jibdew iktar kmieni u tafu, bħalma diġà ntqal, is-sofferenzi li jgħaddu minnhom il-familjari, it-tbatijiet li jgħaddu minnhom, is-sagrifiċċji li jkollhom jagħmlu, u kif titħarbat il-ħajja tal-familja meta jkollok persuna illi tibda għaddejja minn dan il-proċess. Dan tafuh kollu.

Jiena, l-ewwel nett, ridt qabelxejn nirringrazzja lil min organizza din is-serata. U nirringrazzja fis-sens illi jekk aħna ma jkunx hemm serati bħal dawn, ħafna drabi forsi ma jkunx hemm dik l-importanza u ma nagħtux dik il-viżjoni ħalli dak li jkun anki iktar ikun infurmat u jagħmel kuraġġ.

Però m’hemmx dubju li xtaqt li nagħmel ukoll riflessjoni – issa wkoll bħalma qal il-Ministru – bħala tabib. Illi forsi minħabba l-età li għandi, meta nħares lura nista’ nara illi dan il-fenomenu ta’ din il-kundizzjoni qiegħed jiżdied u qed jiżdied b’mod allarmanti. Tletin sena ilu, erbgħin sena ilu ma kellniex dan l-ammont ta’ każi. Hemm min jgħidlek għax ma kienx hawn daqshekk nies li jgħixu fit-tul. Le, kien hawn.

Statistikament ma kienx, u jiena nemmen li meta, kif qal il-Ministru, issir ir-riċerka, ir-riċerka għandha tara proprju x’inhu li qed iġib li għandu x’jaqsam mal-iżvilupp soċjali u l-iżvilupp tal-ambjent ta’ madwarna li forsi jista’ jwassal għal din il-kundizzjoni li sal-lum qegħdin nibdew nifhmu mil-letteratura medika x’jista’ jkun qed iwassal għaliha, x’inhi l-kwistjoni proprja, patoloġika. Però x’iġib jew xi jġiegħel dan il-proċess isir, huwa iktar diffiċli.

U allura bla dubju ta’ xejn, u dan ngħidu anki mill-esperjenza li kelli sal-aħħar snin qabel waqaft milli nipprattika, anki l-mediċini li kien ikollna u li għad hawn sal-lum, ngħidu b’rispett, sfortunatament mhumiex xi mediċini li tista’ tgħid tara riżultati immedjati bihom. Jgħinu dejjem, bl-ebda mod mhu qed ngħid li m’għandux ikun hemm, però hemm definitely xi ħaġa li ma nafuhiex u li rridu għada pitgħada niskopruha.

Il-fatt jibqa’ illi minn mindu bdejna nkunu konxji ta’ x’inhu għaddej, u dan issa ilu għoxrin, tletin sena żgur, jiena rrid minn hawnhekk nirringrazzja lill-awtoritajiet tas-saħħa ta’ pajjiżna illi mqabbla ma’ awtoritajiet oħra f’pajjiżi oħra, qed jagħmlu dak kollu possibbli li wieħed jista’ jagħmel. Għandna l-intervention teams, għandna l-helplines, għandna ċentri fejn wieħed jista’ jgħaddi l-ġurnata u anki hemm ħafna, kif rajna diġà, nies illi qegħdin jistudjaw proprju fuq din il-kwistjoni għaliex qed inħossu l-bżonn illi jkun hemm min hu speċjalizzat biex ikun jista’ jagħti l-għajnuna li jista’ jagħti.

Jiena dan qed ngħidu għaliex hija xi ħaġa li tkiddek meta inti tara li fil-qasam mediku tibda tagħmel avvanzi enormi bħalma sar fil-kardjoloġija pereżempju, fil-qasam tal-qalb, u f’mard ieħor, ċertu operazzjonijiet u ċertu interventi, imbagħad tara li għandek xi ħaġa oħra li qiegħda teħodlok, taffettwalek il-mortalità, taffettwalek l-imwiet tan-nies b’xi ħaġa oħra. Il-kiefer ta’ din il-kundizzjoni, u forsi se nkun daqsxejn blunt hawnhekk, mhux il-mewt, imma li l-għeżież tagħna tarahom quddiem għajnejk qishom jisparixxu mill-identità tagħhom.

Fil-play li kien hawn hawnhekk, u nsellmilhom, ħarġu proprju l-essenza tal-kwistjoni kollha. Jiena dejjem ngħidha u nibqa’ nsemmiha: meta kont nispiċċa qiegħed nara xi pazjenta fid-djar tal-anzjani, u t-tifla tgħidilha: “Ma, Marija jien”, u tibqa’ tħares lejha; “Marija jien”. Issa bħalma nafu, jekk hemm xi ħaġa li l-omm żgur li ma tinsiex hija lill-uliedha. Imbagħad hemmhekk tasal. U dik hija kiefra immens. Għax jiena li tgħidli: “Ħa mmur nagħmillu l-ħobż ir-raġel għax sejjer għax-xogħol”, u jkun ilu mejjet xi għoxrin sena, tgħid: “Ok, ħalliha”.

U hawnhekk ukoll importanti, illum il-ġurnata, li wieħed, anki f’dawn iċ-ċentri, ikun jaf li hemm tagħlim u hemm anki klassijiet biex il-familjari jitgħallmu jirreaġixxu, jitgħallmu kif jimxu mal-pazjenti. Affarijiet żgħar li fil-bidu kienu jgħidulek: “Għax toqgħod tmerihom…”. Illum hemm ħafna affarijiet u min huwa milqut minn din il-kwistjoni, nappellalu biex javviċina ċ-ċentri, javviċina l-ispeċjalisti, ħalli l-pazjenti tagħna, il-qraba tagħna, li jkunu minsusin minn din il-kundizzjoni ma nagħmlulhomx iktar ħsara bla ma nkunu qegħdin nafu, għax forsi ma nkunux nafu kif għandna nimxu magħhom. U allura huwa importanti li wieħed jitgħallem, li wieħed jikkonsulta, li wieħed jieħu l-pariri ħalli jkun jaf kif ħa jimxi ma’ dawn l-għeżież tagħna.

Din hija xi ħaġa li assolutament qegħdin niffaċċjawha. Ngħid, b’għafsa ta’ qalb, illi bir-rata, u semma anki l-Ministru, li qegħdin jiżdiedu, sfortunatament, ħa jkollna iktar minnhom. Però nitolbu u nisperaw li kif instabu soluzzjonijiet oħra ta’ mediċini oħra u ta’ kuri oħra fil-passat fuq kundizzjonijiet oħra, forsi hawnhekk insibu breakthrough illi jkun jista’ anki għada pitgħada jgħin ħalli jew nevitaw jew inkella anki nibdew infejqu dawn il-każijiet. Qed inkun ottimist iżżejjed, però erbgħin, ħamsin sena ilu ħadd ma kien jemmen li tiftaħ il-qalb u tbiddel l-arterji u tagħmel l-affarijiet kollha li nagħmlu llum u lanqas fil-qasam tal-onkoloġija, tal-kanċer, li hemm mediċini, għall-grazzja t’Alla, li llum jagħtuk il-ħajja u jagħtuk anki ritorn għan-normalità. Qed nitkellem iktar bħala tabib milli bħala President.

U bħala President irrid nagħmel l-enfasi li ġejt hawn bil-qalb ħalli nippatronizza dan l-avveniment fuq it-talba ta’ min organizza u biex inwassal il-messaġġ ukoll illi l-poplu Malti għandu ħafna għal qalbu l-pazjenti li jkunu milqutin b’din il-kundizzjoni, bħalma għandu l-pazjenti l-oħra kollha. Imma din hija xi ħaġa illi, kif għedt u nagħlaq fuq dan il-punt, mhux li tgħid ġara inċident u ħa tibki l-qraba tiegħek għax mietu jew ħallew din id-dinja, imma li qiegħed tarahom hemmhekk quddiemek jgħixu u mhux jgħixu fl-istess ħin. Jiddispjaċini, ma rridx inkun negattiv, imma naf żgur li qed inwassal is-sentimenti ta’ min jgħix ma’ dawn in-nies u li għandu qsim ta’ qalb. Jgħidlek: “Jiena qiegħed hemm, imma nagħmel miegħu dak kollu li nista’”.

U nagħlaq fuq dan il-punt, każ li jiġbor kollox. Wieħed lil raġel ta’ sinjura bid-dimensja qallu: “Imma la qed tagħrfek, la taf min inti, la qiegħda tikkonoxxi x’qed tgħidilha. Tibqa’ ddur biha u lanqas taf.” Ir-risposta tiegħu kienet: “Imma jiena naf min hi”.

-Tmiem-

Skip to content