The President of Malta

Search
Close this search box.

Speech by E.T. George Vella, President of Malta, for the Public Service Week, Verdala Palace, 5 May 2022, (Speech in MT)

Sur Mario Cutajar, Segretarju Permanenti Ewlieni,

Segretarji Permanenti,

Mistednin Distinti,

Bi pjaċir nilqagħkom għal din l-okkażjoni marbuta mal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, li kif rajna lkoll, kienet waħda ta’ suċċess, u mimlija attivitajiet li jressqu lis-Servizz dejjem eqreb lejn il-poplu.

Bħas-snin ta’ qabel, għandi s-sodisfazzjon li qed niltaqgħu f’wieħed mill-Palazzi tal-Presidenza, biex nagħtu ġieħ u radd il-ħajr xieraq lil kull min jifforma parti minn dan is-Servizz Pubbliku.

Jien ser nibda billi nagħti merħba lil dawk ġodda fostkom, u nsellem bl-istess mod, lill-oħrajn li baqgħu bl-istess responsabbiltajiet jew inkella inbidlulhom, u nawguralkom ilkoll ħidma sfiqa u riżultati mill-aqwa.

Kif forsi drajtuni nagħmel, apparti milli ovvjament nifraħ lil min jiġi ppremjat illum, nixtieq ukoll insemmi fuq fuq, dawk l-elementi ta’ ħidmietkom li nħoss li l-aktar huma rilevanti għax-xenarju, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, li qegħdin ngħixu fih illum.

Mill-aħħar darba li ltqajna f’dan l-istess kuntest is-sena l-oħra, konna diġà qed inħabbtu wiċċna mal-pandemija u tkellimna dwar kif b’dixxiplina u għaqal, u fuq kollox ix-xogħol li wettaqtu intom, konna qegħdin negħlbu, bil-mod il-mod, l-isfidi li ġabet magħha din l-imxija.

Kif tiftakru, kont ukoll stedint u ltqajt ma’ bosta fostkom, flimkien mal-uffiċjali tagħkom, sabiex personalment inroddilkom ħajr f’isem il-Poplu Malti u Għawdxi kollu, talli ħadtu ħsieb saħħitna, u żammejtu r-rota tal-ekonomija ddur. Dawn kienu laqgħat ġewwa Sant’Anton fejn konna qed nittamaw li l-affarijiet kienu ser jibdew iċedu, u mbagħad l-affarijiet reġgħu telgħu. Imma kien żmien u kienu laqgħat interessanti fejn personalment esprimejt bl-akbar sinċerità l-apprezzament tiegħi għal dak kollu li qegħdin jagħmlu ċerti dipartimenti.

Din is-sena, grazzi għad-dixxiplina li imponejna fuqna, ninsabu pass sew ’il quddiem, rigward il-pandemija, hekk kif ġew rilaxxati kważi kważi l-miżuri kollha biex aħna nosservawhom b’anqas strettezza u nkunu anki aktar liberi fl-aġir tagħna.

Kif tafu, erġajna bdejna niltaqgħu b’anqas xkiel, anki f’avvenimenti pubbliċi – m’aħniex bil-maskri pereżempju llum – li tant konna qed inkunu mixteqin għalihom. Qed nistennew li l-figuri tat-turiżmu jiżdiedu bir-riżultati pożittivi kollha li dan iġib miegħu fuq il-kummerċ ta’ pajjiżna, fuq is-setturi tal-akkomodazzjoni u tal-catering u tal-ekonomija kollha kemm hi.

Dan kollu jqawwilna qalbna u jagħmlilna kuraġġ.

Iżda filwaqt li minn dan l-aspett qed nieħdu żvolta tajba ħafna, mil-lat internazzjonali ħadna ħasda kbira meta bdiet il-gwerra tal-Ukrajna fl-24 ta’ Frar ta’ din is-sena.

Din il-ħasda mhix biss waħda ta’ natura politika għall-Ewropa u għall-paċi fil-bqija tad-dinja, iżda wkoll għandha aspett qawwi umanitarju.

Kif tafu, qed naraw xeni xokkanti, li ma jitwemmnux.

Diffiċli wieħed jifhem, u jemmen, li dan it-tip ta’ ħruxija u aġir atroċi għad fadal postu fid-dinja tal-lum u b’mod partikolari ġewwa l-Ewropa.

L-impatt fuq il-komunità globali huwa wieħed serju. Qegħdin naraw tibdil drastiku fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali, fil-prezzijiiet tal-importazzjoni, tal-ġarr tal-merkanzija, tal-enerġija, kif ukoll fir-rotot tat-trasport internazzjonali, li aħna bħala gżira tant niddependu u nserrħu fuqhom.

Però mhux biss żidiet fil-prezzijiet, imma anki inċertezzi fil-provvisti.

Dan it-taqlib jitlob minnkom kollha fis-Servizz Pubbliku, kulħadd skont il-qasam u r-responsabbiltajiet tagħkom, ippjanar u viżjoni sodi, biex kemm jista’ jkun jiġi evitat jew jitnaqqas kemm jista’ l-piż minn fuq l-individwu u l-familji.

Jien ninsab ċert li ser jittieħdu l-miżuri kollha possibbli f’dan ir-rigward u li ser inlaħħqu sew ma’ pajjiżi ferm akbar u prominenti minna. Però ċ-ċokon tagħna u s-sitwazzjoni tagħna bħala gżira huma fatturi li ma nistgħux ninjoraw jew ma nikkunsidrawhomx.

Għandna ħafna eżempji, ta’ kif, permezz tal-‘infrastruttura’ – biex insejħilha hekk – tas-Servizz Pubbliku, pajjiżna dejjem laħaq l-għanijiet tiegħu lokali u anki sab postu fix-xena globali, minkejja ċ-ċokon tagħna.

Meta stinkajna, dejjem irnexxejna. Kieku ma kienx hekk, kieku ma lħaqniex il-livell ta’ kwalità ta’ ħajja li ngawdu llum.

Ser insemmi eżempju riċenti – kif għadu frisk f’moħħna – l-eżempju taż-Żjara tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fit-2 u t-3 ta’ April.

Għaliex ser insemmiha? Mhux talli ż-żjara kienet waħda ta’ suċċess mil-lat organizzattiv, talli min segwiha minn madwar id-dinja seta’ jgawdi r-reqqa u d-dettall li bihom is-Servizz Pubbliku, u l-uffiċjali kollha tiegħu involuti mill-kbir saż-żgħir, daħlu għal din l-isfida mhux żgħira.

Irrid ngħid li kien ta’ unur, ta’ pjaċir, u ta’ sodisfazzjon għalija li nirċievi messaġġi ta’ ringrazzjament u tifħir, fosthom mill-Qdusija Tiegħu l-Papa stess, għas-serjetà li ħdimtu biha.

Ir-riżultat kien jidher.

Ġibtu ġieħ lil Malta. Għajnejn id-dinja, bħalma tafu, f’dawk il-ġranet, kienu fuq Malta. Ta’ dan ħaqqkom ‘prosit’ kbira.

Dan li għadni kemm semmejt huwa eżempju li jorbot ħafna mat-tema tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, li tiffoka u tisħaq proprju fuq il-kwalità tas-servizz.

Sinjuri,

F’Novembru li għadda segwejt mill-qrib kif ġiet varata l-Istrateġija l-Ġdida b’viżjoni mifruxa fuq ħames snin, u li tħabrek biex jintlaħaq ‘Servizz ta’ Eċċellenza’, li għadu kemm spjega tant tajjeb is-Sur Cutajar qabel tkellimt jien.

Jien innotajt il-firxa wiesgħa ta’ din l-Istrateġija li għalkemm tmiss diversi oqsma li fihom ser titkompla tittejjeb l-eċċellenza, hija msejsa fuq it-tliet pilastri fundamentali ta’ kwalità, teknoloġija u sostenibbiltà. 

Jien naħseb illi dan l-aħħar punt ta’ sostenibbiltà jkompli jagħti valur miżjud lil dan id-dokument, għaliex wieħed ma jistax biss jippjana għall-immedjat, mingħajr ma jqis l-impatt fuq il-ġejjieni.

Din hija realtà li ma nistgħux ninjoraw, jekk mhux a spejjeż ta’ dawk li ġejjin warajna.

Għoġobni kif l-Istrateġija tpoġġi fil-qalba tagħha numru ta’ valuri; valuri li jien ukoll kont tkellimt dwarhom kemm-il darba magħkom tul dawn l-aħħar sentejn, bħalma huma l-integrità, in-nondiskriminazzjoni u l-imparzjalità.

Ser nisħaq fuq valur ieħor – il-lealtà. Il-lealtà lejn is-Servizz u l-lealtà lejn il-klijent.

Din ma tfissirx li tgħidu iva u taqblu ma’ kull deċiżjoni. Ħafna drabi din tfisser il-maqlub – li intom taqsmu l-opinjoni u l-ħsieb infurmat tagħkom, anki jekk tafu li dan mhux ħa jinżel għasel ma’ ta’ fuqkom jew ma’ ta’ madwarkom. Dan huwa d-dover tagħkom, bil-professjonaliżmu tagħkom, tgħidu dak li tħossu u tagħtu l-parir li jidhrilkom li għandkom tagħtu.

Dan hu li wieħed jistenna minnkom, mhux yes-men, imma nies b’formazzjoni professjonali li jagħtu l-pariri ġenwini tagħhom dejjem bil-għan li jaraw is-Servizz isir aħjar.

Tkunu qegħdin tonqsu jekk tibqgħu biss għaddejjin mal-kurrent, taqblu ma’ kollox u fejn ma taqblux, ma titkellmux!

Dawn il-valuri mhux qed insemmuhom biss għax jinstemgħu sbieħ, iżda għax għandkom iżżommuhom quddiem għajnejkom f’kull pass li tieħdu – ikun ma’ min ikun, mingħajr favoritiżmi, jew preġudizzji ta’ kull xorta.

Dan, fi kliem ieħor, huwa xogħolkom. Dan huwa d-dmir tagħkom.

Hekk biss – bil-valuri – tistgħu tilħqu t-tir kollettiv tagħkom, illi tkunu qegħdin isservu lill-Poplu bid-dinjità li tixraq lilhom bħala ċittadini, iżda wkoll lilkom bħala rappreżentanti denji tas-Servizz u professjonisti fil-linji rispettivi tal-oqsma li toperaw fihom.

Bl-istess mod, huwa kruċjali li biex jirnexxi, is-Servizz ikompli jieħu ħsieb l-impjegati tiegħu billi juri flessibbiltà fuq miżuri ta’ work-life balance, u sakemm huwa possibbli anki jħares l-interessi ta’ dawk l-impjegati li għaddejjin minn inkwiet ta’ mard fiżiku jew psikologiku, jew anki diffikultajiet ekonomiċi bla preċedent. Wara kollox l-impjegati huma ħaddiema, huma nies, bħal ħaddieħor, bil-problemi tagħhom u bil-familji tagħhom.

Kulħadd għandu l-ħajja u ċ-ċirkostanzi privati tiegħu. Nafu li l-ħajja mhux dejjem titbissem lil kulħadd. Is-saram u l-mard jinqalgħu bla ma nkunu qed nistennewhom.

Ippermettuli nirrifletti fuq vista li għamilt ftit tal-ġimgħat ilu meta żort entità tal-Gvern li fiha ġejt mogħti dawra u spjegazzjoni estensiva ta’ kif jaħdem l-impjant fil-qasam tal-enerġija.

Dan kollu laqatni b’mod pożittiv ħafna, kif wieħed jistenna mil-lat tekniku.

Però l-aktar li impressjonajt ruħi kien kif il-management iħares lejn l-impjegat. Kemm jekk diriġenti, kemm jekk impjegati tal-uffiċċju, u kemm jekk operatur tal-id, impressjonajt ruħi bl-attenzjoni li jagħtu lill-welfare tal-ħaddiem. U nħoss li dan jgħin mhux ftit għas-suċċess u anki t-tkabbir futur ta’ entitajiet bħal dawn.

Smajt, pereżempju, spjegawli kif f’każ ta’ mard fit-tul jidħol fis-seħħ mekkaniżmu li bih ma tintilifx il-paga. Spjegawli kif f’każijiet oħra, b’mod l-aktar diskret u privat, jidħlu jagħmlu tajjeb għal xi bżonnijiet, li jista’ jkollu dak l-impjegat, anki ta’ natura finanzjarja li tista’ tolqot il-ħajja ta’ xi wieħed jew waħda mill-impjegati tagħhom. Hemm l-element uman f’dan kollu.

Saħansitra dawn anki jieħdu ħsieb saħħet l-impjegati billi jagħtuhom appoġġ anki meta jkunu qed isegwu programmi li bihom jistgħu jingħelbu problemi ta’ saħħa bħalma huma d-dijabete jew inkella l-obeżità.

Din mhix xi utopija, imma xi ħaġa li qed tiġi implimentata. U qed insemmiha bħala eżempju li l-welfare tal-ħaddiem, li minnu qed nistennew l-eċċellenza u li jagħti l-aħjar li jista’ jagħti, trid ukoll tiġi rispettata u tiġi valutata.

Din, kif qed ngħid, hija sistema li titħaddem diġà, tiġi implimentata bil-fatti, ta’ kuljum f’pajjiżna.

Jien naf li s-Servizz Pubbliku digà jinsab mogħni b’miżuri li jixbhu dawn li semmejt. Forsi mhux daqshekk kompluti, imma naf li hemm xi ħaġa tixbah dawn l-affarijiet f’dipartimenti differenti.

Ħafna mill-attenzjoni tiġi minn min imexxi l-entità, id-Dipartimenti u l-uffiċini sabiex dak kollu li jista’ jsir f’ċirkostanzi ta’ vulnerabbiltà, isir bla sens ta’ mistħija jew inkella sudizzjoni jew sens ta’ ħtija. Dan għandna nħossuh bħala sens ta’ kooperazzjoni u ta’ dover bejn il-ħaddiema kollha.

Qabel nagħlaq ser ngħid kelma dwar il-ġejjieni – dwar it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.

Insemmi b’mod partikolari inizjattiva ħelwa daqskemm hi siewja, imnedija mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, jisimha ‘X’tixtieq issir la tikber’, li din is-sena wkoll laħqet il-qofol tagħha fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku.

Domanda li aħna l-kbar inħobbu nsaqsu ta’ sikwit lit-tfal fil-familji, li niltaqgħu magħhom, u li min jaf kemm staqsewha anki lilna wkoll meta konna żgħar.

Tajjeb li minn ċkunithom it-tfal jingħataw dan is-sens ta’ apprezzament għax-xogħol u l-orjentament fil-ħajja.

U b’dan infisser kull xogħol. Mhux tal-professjonisti biss, jew tal-uffiċċju, tal-klinika, tal-kitba, jew tal-ingravati biss! Anki x-xogħol li jħammeġ l-idejn u x-xogħol li jitlob is-saħħa fiżika tal-individwu biex jikkontribwixxi biex is-servizz għaċ-ċittadini jkun dejjem aħjar.

Qed nirreferi għal kull xogħol – mill-bidwi, għat-tabib, għall-artist, xogħol tal-idejn, xogħol tal-moħħ, min jagħżel li jieħu ħsieb il-familja u d-dar; kulħadd għandu użu u post fis-soċjetà.

Mhux biss it-tfal, iżda anki aħna lkoll irridu nedukaw ruħna f’dan ir-rigward.

Jien naħseb li inizjattivi ta’ din ix-xorta jagħmlu impatt fil-ħajjiet ta’ dawn iż-żgħar biex jagħrfu japprezzaw ir-rwol futur tagħhom f’soċjetà li tkun ta’ kulħadd. Soċjetà li tkun inklużiva.

Fl-aħħar mill-aħħar din hija l-edukazzjoni li għandna dejjem nimmiraw għaliha – mhux li nkunu kapijiet, jew li nkunu miġjuba biss meta nkunu f’pożizzjoni ta’ awtorità, iżda li nħossuna utli u stmati għall-kontribut li nagħtu ta’ kuljum għall-komunità mibnija fuq ir-rispett u d-dinjità, kien f’liema qasam jew f’liema settur kien.

Jien nappellalkom biex, bħal dawn l-uffiċjali li qed jiġu ppremjati llum, tmexxu b’eżempju għal dawk ta’ madwarkom, u tħallu impatt pożittiv kemm mil-lat professjonali kif ukoll mil-lat personali fuq il-kollegi tagħkom – kull fejn tmiddu idejkom għax-xogħol, u kull fejn l-obbligi tax-xogħol tagħkom iwasslukom biex tagħtu dak li tafu, għall-kisba tal-ġid komuni.

Nirringrazzjakom.

Skip to content