The President of Malta

Search
Close this search box.

Speech by E.T. President George Vella, Public Service Day 2022, St. Anton’s Palace, 23 June 2022, (Speech in MT)

Segretarju Permanenti Ewlieni, Sur Sultana,

Segretarji Permanenti,

Bi pjaċir għal darb’oħra nilqagħkom fil-Palazz ta’ Sant’Anton, din id-darba biex infakkru l-Jum Dinji tas-Servizz Pubbliku.

Nibda billi nilqa’ lilek, Sur Tony Sultana, bħala Segretarju Permanenti Ewlieni għall-ewwel darba f’dan il-format.

Inrodd ħajr ukoll lilkom Segretarji Permanenti talli għoġobkom ukoll tingħaqdu magħna f’din l-okkażjoni.

Kif drajtuni ngħidilkom, huwa dejjem gost u pjaċir tiegħi li niltaqa’ magħkom u nisma’ mingħandkom stess dwar il-ħidma li intom u l-kollegi tagħkom qegħdin twettqu fid-dipartimenti rispettivi tagħkom.

Jien nixtieq minn hawnhekk nibda billi, permezz tal-preżenza tagħkom, inwassal ir-radd il-ħajr tiegħi, f’isem il-poplu Malti, lill-impjegati u l-ħaddiema kollha tas-Servizz Pubbliku, li għandhom rwol tant siewi – kruċjali – biex pajjiżna jibqa’ jmur għall-aħjar u jiġu mħarsa, l-ewwel u qabel kollox, l-interessi taċ-ċittadin.

Kif għadu kif ġie spjegat, il-kuntatt bejn l-uffiċjal pubbliku u ċ-ċittadin għandu sehem importanti ħafna li wieħed tassew japprezzah meta jiġi bżonnu, speċjalment f’mumenti ta’ diffikultà, fejn forsi l-proċeduri ma jkunux daqshekk ċari, jew inkella fejn iċ-ċittadin ma jkunx familjari mas-sistemi diġitali u jsib lil min jgħinu u jagħmillu t-triq iktar faċli.

Il-funzjoni tal-uffiċjal hija għaldaqstant waħda li tmexxi jew tiggwida lill-individwu f’kull fażi ta’ ħajtu. Is-Servizz Ċivili qiegħed hemm għaċ-ċittadin u mhux il-kontra.

Huwa proprju dan ir-rwol kruċjali tal-uffiċjal pubbliku li jinsab wara l-inizjattiva li ħadu n-Nazzjonijiet Magħquda f’Diċembru 2002 – għoxrin sena ilu – meta iddedikaw il-ġurnata tat-23 ta’ Ġunju lis-Servizz Pubbliku permezz ta’ Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali.

Bħalma tafu, Malta hija membru attiv ħafna tal-komunità internazzjonali, u allura nħoss li huwa tassew xieraq li llum qed ningħaqdu f’dan l-eżerċizzju globali sabiex nagħrfu x-xogħol tal-uffiċjali pubbliċi kif ukoll ir-rwol fundamentali li l-istituzzjonijiet għandhom fit-tisħiħ u fit-tkabbir ta’ kull pajjiż.

Mill-esperjenzi tagħna kollha – kull wieħed mill-qasam speċifiku tiegħu – nafu sew kemm huma bżonjużi inizjattivi maħsuba biex ikomplu jibnu l-kapaċitajiet istituzzjonali, mhux biss fir-riżorsi umani, iżda anki fit-tisħiħ tal-management finanzjarju u llum il-ġurnata daqs qatt qabel, kif għadu kif spjega s-Sur Sultana, fit-tkabbir tar-riżorsi diġitali.

Dan it-tisħiħ kontinwu huwa l-għan komuni tagħkom kollha u nemmen li b’rieda soda u determinazzjoni ser tkomplu tagħmlu minn kollox biex ittejbu l-effiċjenza tas-Servizz Pubbliku għall-benefiċċju tal-poplu.

Sinjuri,

Tajjeb li f’dan il-kuntest internazzjonali ta’ ‘Jum Dinji’ li qed niltaqgħu fih illum, inħarsu ftit lil hinn minn xtutna, u naraw ukoll il-valur tal-kontribut enormi li jagħti s-Servizz Pubbliku biex jintlaħqu miri maqbula fl-ogħla livelli tal-politika globali.

Dan għaliex is-Servizz Pubbliku mhuwiex biss dak li jipprovdi servizzi liċ-ċittadin u r-residenti fuq livell nazzjonali biss.

Fil-fehma tiegħi, inkunu qed innaqqsu ħafna mill-valur tas-Servizz jekk inħarsu lejh biss mil-lat lokali u ninsew il-kontribut li dan jagħti għall-ġid tal-komunità internazzjonali b’mod iktar ġenerali.

In-Nazzjonijiet Magħquda għarfuh sew dan il-kunċett, u llum il-ġurnata jorbtu b’mod dirett is-Servizz Pubbliku mal-kisba tas-Sbatax-il Mira għall-Iżvilupp Sostenibbli.

Din is-sena, b’mod partikolari, in-Nazzjonijiet Magħquda qegħdin iħarsu lejn kif l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali pubbliċi għandhom sehem ewlieni x’jagħtu wara l-pandemija tal-COVID-19 sabiex jintlaħqu dawn il-miri sas-sena 2030.

Dawn il-miri, bħalma tafu, mhumiex ftit, u jvarjaw sew bejniethom fuq setturi totalment differenti – mit-tnaqqis tal-faqar, għall-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tkabbir ekonomiku ġust, il-ħarsien tal-ambjent u l-effetti tat-tibdil tal-klima.

Meta wieħed iqis li għad fadal biss tmien snin, nindunaw kemm qegħdin tard, kemm qegħdin lura u kemm għad hemm bżonn li jsir ħafna iktar xogħol biex inlaħħqu ma’ dak li ftehemna fuqu numru ta’ snin ilu.

Il-pandemija kompliet tagħti daqqa ’l isfel sew lill-progress f’dan l-ambitu hekk kif inħolqu prijoritajiet oħra li qatt ma bsarna li ser jinbtu, li kellna niffaċċjawhom u fejn ħafna mir-riżorsi ġew indirizzati biex jiġu megħluba dawn ir-realtajiet ġodda li la kienu ppjanati u lanqas mistennija.

Dan jgħodd ukoll għas-Servizz Pubbliku, mhux f’pajjiżna biss iżda madwar id-dinja kollha.

Il-funzjonijiet ‘normali’ ġew imgerfxa hekk kif kien hemm bżonn it-tfassil ta’ politika ġdida, il-provvista ta’ servizzi ġodda, it-tagħlim lill-poplu u saħansitra n-natura tax-xogħol kellha titbiddel minħabba restrizzjonijiet ta’ kuntatt fiżiku mal-pubbliku u anki bejn il-ħaddiema stess.

Naħseb li għaż-żmien immedjat il-prijorità ser tibqa’ dik li jittaffa l-impatt tal-pandemija, speċjalment fuq is-setturi l-iktar vulnerabbli.

Ma’ dan kollu nżid ukoll it-taqlib fil-prezzijiet, fil-ħażniet u fit-trasport internazzjonali li ġabet magħha l-gwerra fl-Ukrajna.

Irid però li jintlaħaq bilanċ bejn dawn il-prijoritajiet immedjati u l-miri li għadni kemm semmejt sabiex il-ħidma li ilha għaddejja snin fuq din il-viżjoni globali għat-tul tal-SDGs, sal-2030, ma tintilifx jew titħarbat b’mod irreparabbli.

Din hija dilemma li qiegħda tikkonfondi lil bosta pajjiżi, gvernijiet, istituzzjonijiet u aġenziji internazzjonali u waħda li titlob ħafna għaqal u ppjanar serju.

Hawnhekk tidħlu intom – rappreżentanti tas-Servizz Pubbliku – li fil-karigi tagħkom tistgħu tagħtu eżempju ta’ kif dan il-bilanċ jista’ jintlaħaq.

Wieħed mill-kontributi tanġibbli li jista’ jagħmel is-Servizz Pubbliku f’dan ir-rigward huwa li jirrifletti u jinkorpora l-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli fil-viżjoni u fil-ħidma tiegħu ta’ kuljum bħal pereżempju kif għandha titqajjem iktar kuxjenza fost l-uffiċjali pubbliċi stess, sessjonijiet ta’ taħriġ, għal tagħrif ieħor dwar kif il-metodi ta’ procurement u komunikazzjoni jistgħu wkoll ikunu fl-interess ta’ dawn il-miri.

Filwaqt li s-Settur Pubbliku għandu rwol u funzjoni uniċi f’dan l-eżerċizzju, ikun siewi li dan iseħħ f’kollaborazzjoni sħiħa mas-settur privat, mal-korpi kostitwiti, l-NGOs u s-soċjetà ċivili biex b’hekk tkompli wkoll tiżdied il-fiduċja min-naħa tal-pubbliku.

Importanti wkoll li jinżammu u jkomplu jiġu msaħħa l-prinċipji u l-valuri tat-trasparenza, il-kontabilità u l-ugwaljanza fil-qadi tal-funzjonijiet f’kull livell.

Ippermettuli nieħu wkoll spunt mill-fatt li Malta ser tkun ukoll qed taqdi, kif ilkoll tafu, funzjonijiet importanti ħafna fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda minn Jannar tas-sena d-dieħla, u għalhekk nistgħu nistennew li l-profil internazzjonali ta’ pajjiżna ser ikompli jiżdied.

F’dan ir-rigward nixtieq nagħmel suġġeriment biex intom, l-ogħla rappreżentanti tas-Settur Pubbliku, ukoll tkunu parti minn dan kollu, u tkomplu tibnu l-kuntatti u n-networks tagħkom mal-kollegi barranin.

Jien naf diġà li dan huwa l-każ fl-Unjoni Ewropea u m’għandix dubju li tagħmlu l-almu tagħkom fil-bosta working groups li tattendu u anki fil-laqgħat settorjali li jkollkom matul ix-xhur.

Iżda issa għandna ċirkostanzi ideali li nħarsu ferm lil hinn u, permezz ta’ din il-kariga prestiġjuża ħafna fin-Nazzjonijiet Magħquda, nużaw din l-enerġija ġdida biex inkomplu nwessgħu l-firxa tal-kuntatti tagħna.

It-tibdil tal-informazzjoni dwar metodi ta’ ħidma (dawk li ngħidulhom best practices), proċeduri ta’ mmodernizzar u tnaqqis tal-burokrazija huma kollha ta’ benefiċċju għal kulħadd, u s-Settur Pubbliku Malti jaf ikun ta’ għajnuna lil pajjiżi oħra simili tagħna fl-iżvilupp tagħhom, speċjalment jekk qed nitkellmu fuq pajjiżi żgħar, anki fi ħdan il-Commonwealth, li jkollna ħafna kuntatt magħhom u li ħafna drabi, anki fil-passat, kienu jfittxuna biex magħna jaqsmu dawn l-esperjenzi fl-amministrazzjoni. 

Dan kien xi ħaġa li kien jeżisti fil-passat u dak iż-żmien konna nistgħu nosservaw kif uffiċjali pubbliċi Maltin dejjem ġabu ruħhom b’mod eżemplari u akkwistaw il-ġieħ u r-rispett mill-kollegi internazzjonali tagħhom. U mhux talli pajjiżna m’għandu xejn inqas minn ħaddieħor, talli kultant konna qed ninnutaw li kien qed isir xogħol ħafna iktar profond, xogħol ħafna aħjar meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra.

Sinjuri,

Minn din il-ħarsa lejn is-Servizz Pubbliku fuq livell internazzjonali, ser nagħlaq billi ntenni dak li dejjem għidt f’okkażjonijiet bħal dawn.

Filwaqt li l-istrutturi, ir-riżorsi, il-binjiet moderni u t-teknoloġija huma kollha importanti għal Servizz effiċjenti – fuq kollox jorbot l-uffiċjal.

Jekk dan ma jkunx ippreparat b’mod akkademiku jew b’taħriġ relatat max-xogħol, jekk ma jkunx motivat, ma jkunx stmat u ma jkunx leali, ftit jista’ jsir progress.

L-uffiċjal huwa l-qofol ta’ Settur Pubbliku dinamiku, effiċjenti u ġust.

Nilqa’ għalhekk bis-sħiħ l-enfasi li qed titpoġġa fuq l-individwu, l-uffiċjal mill-kbir saż-żgħir, sabiex dan ikollu kull possibilità li javvanza fil-grad u fit-taħriġ tiegħu, biex isib dejjem bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, biex iħoss li jista’ jikber mhux biss bħala professjonist, iżda fuq kollox bħala individwu komplet, rispettat u sodisfatt b’ħajtu.

Nixtieq li żżommu dan il-messaġġ quddiem għajnejkom fil-qadi ta’ dmirijietkom, u nixtiqilkom, bħal dejjem, kull suċċess.

Grazzi ħafna.

Skip to content