The President of Malta

Search
Close this search box.

Speech by H.E. George Vella, President of Malta, during a virtual conference organized by the National Cancer Platform entitled United Under one Voice for Cancer, 4 February 2022 (Speech in MT)

Bonġu lil kulħadd.

Grazzi Profs Galea, għażiż Ray.

Qabel nibda, irrid nitlobkom tingħaqdu miegħi biex insellemu il-memorja ta’ Dr Victor Calvagna.

It-telfa tiegħu ixxukkjat lil kulħadd u r-reazzjoni tan-nies uriet bla dubju r-rispett kbir li Dr Calvagna kien igawdi u kien akkwista bil- ħidma tiegħu fil-qasam tal-kanċer fit-tfal. F’ħajtu għamel ħafna, u wara mewtu ħalla ħafna memorji sbieħ.

Issa ngħaddi insellem lill-Profs Ray Galea u nirringrazzjah tax-xogħol ta’ koordinazzjoni li jwettaq biex tinżamm ħajja in-National Cancer Platform.

Kif jaf kullħadd, taħt il-kappa tal-Pjattaforma, jinstabu miġburin numru ta’ organizzazzjonijiet voluntarji li għandhom għan komuni, dak li minn aspett jew ieħor jagħtu kontribut biex jiġu megħjuna pazjenti li sfortunatament ikunu ntlaqtu mill-marda qerrieda tal-kanċer. Tingħata wkoll attenzjoni lill-familjari tagħhom.

Sfortunatament, minkejja r-riċerka kollha li ilha għaddejja, għad ma rnexxilniex naslu biex insibu tarf dan il-flaġell. Ma rridx ngħid li m’għamilniex avvanzi.

Ilkoll naqblu li avvanzi żgħar imma importanti saru fil-prevenzjoni, fid-dijanjosi bikrija, fil-mod kif nittrattaw u nġibu ruħna mal-pazjenti milquta, u fuq kollox fuq il-kura, speċjalment fejn jidħlu mediċini għal kontra l-kanċer.

F’dan il-qasam tal-aħħar ma naqsux mediċini ġodda fuq is-suq, imma l-isfortuna hija li dawn il-mediċini qegħdin jinbiegħu bi prezzijiet esaġerati, tant li kieku ma jkunux mogħtija b’xejn mill-gvernijiet, jew issussidjati minn organizzazzjonijiet voluntarji bħall- Community Chest Fund Foundation, ma jkunux jistgħu jiġu użati. Ftit huma dawk li jifilħu jixtru dawn it-tip ta’ mediċini minn buthom.

Is-sabiħ li hemm fin-National Cancer Platform hija l-firxa wiesgħa ta’ interessi li jeżistu fir-rigward tal-pazjenti li jimirdu bil-kanċer, min iħares lejn il-pazjent minn angolu u min inħares lejħ u jipprova jgħinu minn angolu ieħor.

Għandna organizzazzjonijiet voluontarji li jagħtu sapport psikoloġiku. Oħrajn huma ‘hands- on’ u jagħtu għajnuna fiżika. Oħrajn jgħinu billi jipprovdu akkomodazzjoni barra minn pajjiżna meta l-pazjent ikun qiegħed barra għall-kura. Organizzazzjoni bħall- Malta Community Chest Fund tgħin materjalment billi tipprovdi dawk il-mediċini tal-kanċer li sal-lum il-Gvern ma jagħtix b’xejn.

Barra minn hekk, fin-National Cancer Platform għandna min jikkonċentra fuq kanċer tas-sider, min jikkonċentra fuq kanċer tal-musrana, jew tal-prostata, u għaqdiet oħra li joffru għajnuniet b’mod ġenerali.

Li f’pajjiżna għandna daqshekk għaqdiet voluntarji li jinteressahom joffru għajnuna lil ħutna milquta minn din il-marda qerrieda, huwa sinjal sabiħ ta’ kemm il-Maltin għandhom qalbhom taf tħenn.

Dan jidher ukoll fis-sapport finanzjarju li minn żmien għall- ieħor il-poplu Malti jiġi mitlub jagħti biex jibqgħu jiġu sostnuti dawn l-inizjattivi u programmi ta’ għajnuna.

Għalhekk irrid nieħu din l-okkażjoni biex minbarra li nirringrazzja lil dawk kollha li voluntarjament jaħdmu fl-’għaqdiet rispettivi tagħhom, nirringrazzja wkoll lill-poplu Malti u Għawdxi kollu kemm hu li ma joqgħodx lura li jgħin lil dawn l-istess organizzazzjonijiet, għaliex matul iż-żmien ra b’għajnejh li l-għajnuna lil dawn jagħtu, tfisser għajnuna li ħutna li għandhom bżonnha u li jiġu bżonnha.

Għall-grazzja t’Alla għandna ħafna u ħafna voluntiera, lesti li jaħdmu f’dan il-qasam. Il-parir tiegħi, li nazzarda nagħtih bla ma nnaqqas l-entużjażmu ta’ ħadd, huwa li naraw li l-organizzazzjonijiet differenti ma jirrepetux ix-xogħol ta’ xulxin.

Wieħed mill-vantaġġi tan-National Cancer Platform hu li tipprovdi forum fejn kulħadd ikun jaf x’inhu jagħmel ħaddieħor u allura aktar faċli wieħed jevita xogħol doppju jew joffri li jingħaqad fi sforzi komuni għal għan komuni.

Bla ma nagħmel referenza għal organizzazzjoni jew oħra, irrid ngħid li l-poplu Malti u Għawdxi japprezza immens il-kontribut u l-impenn li dawn il-voluntiera jagħtu.

Dalgħodu m’għandix dubju li se nisimgħu kelliema li jaqsmu magħna l-esperjenzi tagħhom minn oqsma differenti ta’ prevenzjoni u kura tal-kanċer.

Aktar ma nitkellmu fuq il-mard qerriedi, aktar mhux biss nitgħallmu, imma wkoll inwasslu l-messaġġ lil kull min huwa milqut, u lill-qraba tagħhom, li m’humiex qiegħdin waħedhom. Inkunu qegħdin inwasslu l-messaġġ li bl-għajnuna tal-professjonisti bravi u kapaċi tagħna, bil-ħsieb ta’ kemm eluf u eluf għandhom empatija mat-tbatijiet fiżiċi u psikoloġiċi li jkunu għaddejjin minnhom il-pazjenti, jibqa’ s-sens qawwi ta’ tama għal futur aħjar għal kull pazjent.

L-ebda pazjent m’għandu jaħseb li jinstab waħdu. L-isforzi ta’ għaqda bħal ma hija n-National Cancer Platform huma prova ħajja ta’ dan.

Barra minn hekk, inkunu qegħdin ngħinu biex inkomplu nkissru l-istigma, li forsi ma jitwemminx, imma li sfortunatament għad fadal fdalijiet tagħha fost il-pażzjenti u l-qraba u l-għeżież tagħhom.

Jiena nawgura li dan is-Seminar qasir jgħin biex jerġa’ jitfa’ fostna sens ta’ għaqda, u rieda ta’ ħidma konġunta, fil konfront tal-marda tal-kanċer.

Nirringrazzja bil-quddiem lill-kelliema kollha u nawgura li l-interventi tagħhom iħallu l-frott mixtieq.

Nirringrazzjakom u nawguralkom.

Skip to content