The President of Malta

Speech by H.E. George Vella, President of Malta, during the 2022 National Award for Volunteering, 5 December 2022, (Speech in MT)

Onor. Julia Farrugia Portelli, Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur,

Dr Noel Camilleri, Chairperson tal-Kunsill Malti tas-Settur tal-Volontarjat,

Sur Mauro Pace Parascandalo, CEO tal-Kunsill Malti tas-Settur tal-Volontarjat,

Sinjuri,

Serati bħal dawn tal-lum huma mumenti sbieħ fejn bħala poplu mhux biss ningħaqdu flimkien biex niċċelebraw is-suċċessi altruwistiċi ta’ ħaddieħor, iżda nkunu qegħdin kull darba nġeddu l-wegħda tagħna favur soċjetà aktar ħanina. Fuq kollox, soċjetà li dejjem taħseb f’dawk li l-aktar li għandhom bżonn u li forsi l-anqas li għandhom vuċi. Nieħu għalhekk l-opportunità biex nirringrazzja lill-Ministru Farrugia Portelli, lil Dr Camilleri u lis-Sur Pace Parascandalo tal-ħidma tagħhom f’dan is-settur u l-impenn tagħhom biex, iva, ikompli jiġi msaħħaħ il-volontarjat f’Malta.

Bħal xrar żgħar, dawk li jagħżlu jagħtu mill-ħin tagħhom għall-volontarjat għandhom iċ-ċans ikebbsu l-imħabba fostna permezz ta’ azzjonijiet żgħar, iżda li jġibu bidla kbira fil-ħajja ta’ dak li jkun. Huwa għalhekk ta’ min wieħed jammira d-dedikazzjoni u d-determinazzjoni li bosta individwi u gruppi juru fil-mixja tagħhom lejn soċjetà aktar ħanina, inklussiva, u li verament tirrifletti pajjiż modern, ġust u ċivilizzat. Nosserva li huma bosta dawk iż-żgħażagħ li huma attivi fil-qasam tal-volontarjat u ta’ min wieħed jinnota li l-parteċipazzjoni tagħhom mhijiex biss marbuta mas-settur taż-żgħażagħ, iżda huma attivi wkoll f’oqsma oħra bħal dawk tas-saħħa mentali, l-ambjent, id-diżabilità u l-esklużjoni soċjali.

Il-volontarjat huwa għalhekk wieħed mill-pilastri ewlenin fuq xiex iserraħ il-poplu tagħna. Mingħajr ma nidentifika grupp volontarju jew ieħor, nemmen li numru sostanzjali ta’ organizzazzjonijiet jirrifletti mhux ftit l-interess mifrux li hawn biex inkunu ta’ ġid għal ħaddieħor. Forsi dan kollu ġej mill-valuri Kristjani li jsawru lill-poplu tagħna. Iżda wisq aktar ukoll mis-sens ta’ dover lejn il-proxxmu li minn seklu għal ieħor komplejna nħaddnu fostna. Fid-dinja moderna u mgħaġġla tal-lum dan kollu ma jsirx b’kumbinazzjoni, iżda huwa mnebbaħ minn gruppi u individwi li mingħajr ma jistennew xejn lura jaħdmu qatigħ għall-ġid tal-grupp li jirrappreżentaw.

Mis-settur tas-saħħa u tal-esklużjoni soċjali, għal dak tal-ħarsien tal-ambjent, għaż-żamma tat-tradizzjonijiet reliġjużi u l-festi, il-firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet irreġistrati mal-Kunsill Malti għall-Volontarjat ikomplu jagħtu stampa ċara ta’ kemm il-qasam tal-volontarjat huwa vast u bżonjuż biex jolqot persuni u miri differenti. Bi pjaċir nosserva li l-Kunsill jaħdem b’impenn kbir biex jiġbor taħt saqaf wieħed lil dawn l-organizzazzjonijiet u permezz ta’ inizjattivi varji u fondi jkompli jagħti l-għodod neċessarji biex aktar organizzazzjonijiet jipparteċipaw fi proġetti lokali u reġjonali.

Minbarra dan, il-Kunsill jipprovdi fondi u opportunitajiet biex organizzazzjonijiet lokali jiltaqgħu u jaħdmu ma’ oħrajn bħalhom mill-Ewropa. Dan huwa importanti u jkompli jitfa’ dawl fuq il-bżonn ta’ komunikazzjoni bejn organizzazzjonijiet volontarji varji u, għaliex le, kollaborazzjoni sħiħa fejn iż-żewġ gruppi jingħaqdu taħt saqaf wieħed. Bħalma aċċennajt drabi oħra, huwa tassew ħasra meta tara organizzazzjonijiet volontarji li jaħdmu għall-istess għan jitilfu opportunitajiet sempliċiment għax ikunu qed jiġbdu l-ħabel minn kull tarf flok minn tarf wieħed. Nappella biex insaħħu d-djalogu bejn inizjattivi altruwistiċi lokali u b’hekk ma jkunx hemm telf ta’ riżorsi jew kampanji li jaħdmu għall-istess għan.  

Nagħlaq dan id-diskors billi mill-ġdid nifraħ lir-rebbieħa fil-kategoriji varji u nagħmel l-appell tiegħi biex aktar persuni u kumpaniji jagħrfu l-benefiċċji li jġib miegħu l-volontarjat u jkunu ta’ kontribut siewi għall-mixja tagħna lejn Malta aktar ġusta u ħanina.

-Tmiem-

Skip to content