The President of Malta

Speech by H.E. George Vella, President of Malta, on the occasion of the World Blood Donor Day, 28th June 2023. (Speech in MT)

Għeżież donaturi tad-demm,

Ħaddiema tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm,

Sinjuri,

F’dan iż-żmien ta’ Ġunju, id-dinja tfakkar il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm. Dan huwa jum importanti li fih inqajmu kuxjenza dwar il-ħtieġa għal għoti tad-demm għas-saħħa u l-iżvilupp tal-umanità.  

F’dan iż-żmien jiġu organizzati kampanji madwar id-dinja sabiex infakkru lil xulxin dwar dan il-proċess li jsalva ħafna ħajjiet u anke eżerċizzju biex inżidu iżjed l-għarfien tagħna fuq kif b’dan il-ġest nobbli, li ngħidulu żgħir, però li fl-istess ħin nistgħu bih nagħtu tamiet ġodda ta’ fejqan u ta’ ħajja aħjar lil kull min ikollu bżonn dan it-trattament.  

Matul dan ix-xahar, ġewwa Malta u Għawdex, jinxtegħlu numru ta’ binjiet pubbliċi bil-kulur aħmar. Dan ma jsirx biss bħala simbolu għal dan il-jum, iżda anke bħala inkoraġġiment biex iktar nies isiru donaturi tad-demm b’mod regolari.

Permezz ta’ din is-serata hawnhekk fil-Palazz Verdala, ningħaqdu flimkien biex inroddu ġieħ u nagħtu ħajr lid-donaturi tad-demm billi ngħidulhom grazzi u nuru l-apprezzament tagħna lejhom għal dan l-att kbir ta’ karità li huma jwettqu lejn ħaddieħor – kien min kien!

Il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm huwa okkażjoni ferm importanti għalija, u bħala tabib, marbuta ħafna ma’ qalbi.

Jiena, fil-karriera medika twila tiegħi, rajt b’għajnejja kif bis-saħħa tad-donaturi tad-demm, il-professjonisti mediċi jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom fl-iktar mumenti kritiċi.

Id-demm huwa mediċina, huwa għodda partikolari li huwa essenzjali għat-twettiq ta’ ċertu interventi kirurġiċi u mediċi.

Iktar minn hekk, għadna kif smajna testimonjanza emozzjonanti minn nies li kienu jew għadhom jirċievu d-demm regolarment. Dawn huma ftit mill-ħafna stejjer ta’ kif bl-għoti tad-demm tista’ tagħti ħajja ġdida lil ħaddieħor.

Id-demm ma jistax jiġi prodott f’xi laboratorju. Dak li jagħmel id-demm f’ġisem il-pazjent, ma jista’ jsir minn xejn ħlief mid-demm. Għalhekk id-demm huwa imprezzabbli.

Donazzjoni waħda tad-demm għandha l-potenzjal li f’ċertu każijiet issalva mill-inqas tliet ħajjiet li jkunu fil-periklu.

Il-proċess tal-għoti tad-demm jieħu biss ftit minuti; mhux iktar minn kwarta jew għoxrin minuta biex jittieħed id-demm.

Id-donazzjoni tad-demm issir f’ambjent kalm u sabiħ, fejn il-professjonisti mediċi, speċjalment l-infermiera – u hawnhekk intom li intom involuti f’dan il-proċess tgħallmuni – jaraw li anke dawk li forsi jkunu xi ftit beżgħana li jagħtu d-demm, iħossuhom komdi, jikkalmawhom u jassigurawhom u anke jagħmlulhom il-kuraġġ.

Kburi ngħid li l-poplu Malti dejjem irrisponda bi ħġaru meta kien hawn sejħa għad-demm. Bi pjaċir inżid ngħid li f’Malta, id-donaturi dejjem għamlu l-għotja tagħhom mingħajr l-ebda pretensjoni ta’ xejn, anzi bi kburija li qegħdin jagħmlu karità ma’ min lanqas biss jafu min huwa.

Ta’ dan, f’isem il-Poplu Malti u Għawdxi, ngħidilkom grazzi mill-qalb. U għalhekk din l-okkażjoni tal-lejla li fiha qegħdin ngħidu grazzi lil dawk kollha li taw dan l-ammont kbir ta’ demm u jien ngħidilhom li lanqas biss timmaġinaw, jew jgħaddilkom minn raskom, dak id-demm kemm seta’ kien ta’ solliev u kemm kien ta’ għajnuna biex ifiqu nies minn kundizzjonijiet differenti. Nirringrazzjawkom.

Grazzi għalikom, u oħrajn bħalkom li mhumiex preżenti, dejjem hawn Malta rnexxielna nevitaw sitwazzjoni fejn ir-riserva tad-demm f’pajjiżna tkun fi stat kritiku – minkejja li dan l-aħħar, irrid nammettu, żdiedu ħafna l-emerġenzi, bħal korrimenti fuq ix-xogħol, inċidenti tat-traffiku, eċċ., u operazzjonijiet komplikati li jkollhom bżonn id-demm. Operazzjonijiet li fi żmieni lanqas biss konna nikkontemplawhom, però li llum tant kibru u tant isiru b’mod regolari li mingħajr il-provvista tad-demm, dawn lanqas jiġu biss kkontemplati, għaliex dawn huma operazzjonijiet partikolari li jkun hemm bżonn ħafna demm fihom, u mbagħad, kif smajna wkoll, anke trattamenti ta’ każi tal-kanċer li jridu trasfużjonijiet fuq bażi regolari. U nafu kemm dawn li qegħdin insemmu jikkonsmaw demm u anke prodott tad-demm.

Grazzi għalikom, il-pazjenti fl-isptarijiet tagħna għandhom tama ikbar ta’ fejqan u ta’ ħajja aħjar.

Grazzi wkoll tal-eżempju li qegħdin tagħtu lil dawk ta’ madwarkom. Tagħtu eżempju ċar ta’ kif il-kuxjenza soċjali tgħinna ma naħsbux biss għall-interessi personali tagħna, iżda wkoll inqisu l-bżonnijiet ta’ dawk li huma vulnerabbli u fil-bżonn.

Għalkemm l-għan ta’ din iċ-ċelebrazzjoni llum hi biex inroddu ħajr lil dawk kollha li jagħtu d-demm, irrid nagħmel appell.

Inħeġġeġ lil iktar nies biex jingħaqdu mad-donaturi sabiex ir-riserva tad-demm qatt ma tkun fil-periklu li tispiċċa.

Meta jseħħ inċident gravi, id-demm ikun bżonjuż fl-immedjat. Għalhekk huwa importanti li l-isptar dejjem ikollna riserva tajba tad-demm biex tkopri l-ħtieġa immedjata minn inċidenti li jseħħu bla mistenni.

It-tieni nett, nagħmel appell ukoll sabiex nitkellmu iżjed bejnietna u nħeġġu lil qraba, familjari, ħbieb u kollegi biex nagħtu d-demm flimkien, anke permezz ta’ inizjattiva ta’ gruppi. Wieħed jagħmel kuraġġ lill-ieħor. Lilna ma jiswielna xejn, ħlief ftit kuraġġ u rieda li nagħtu d-demm.

Minn hawn nieħu spunt sabiex nirrikonoxxi wkoll id-dedikazzjoni u l-ħidma kontinwa ta’ dawk il-professjonisti kollha li jaħdmu fis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm kif ukoll tal-banek tad-demm tal-Isptar Mater Dei u tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Minn hawn insellmilkom u nirringrazzjakom minn qalbi f’isem il-poplu Malti. Bis-saħħa tax-xogħol li tagħmlu ta’ kuljum, Malta tista’ tiżgura li jkollha riserva ta’ demm adegwata u ta’ kwalità.

Nixtieq nagħlaq billi nfakkarkom li lkoll kemm aħna għandna d-dmir li ngħinu lil ħaddieħor fi spirtu ta’ għaqda u solidarjetà. Dawn il-valuri m’għandniex inħaddnuhom biss fil-prinċipju, iżda huma valuri li rridu ngħixu kontinwament fil-prattika matul ħajjitna. Għaldaqstant nagħlaq b’messaġġ sempliċi lil kull wieħed u waħda minnkom biex tagħtu s-sehem tagħkom u tikkunsidraw li ssiru donaturi regolari tad-demm jekk intom m’intomx jew qatt ma kontu donaturi.

Nirringrazzjakom.

Skip to content