The President of Malta

Search
Close this search box.

Speech by H.E. President George Vella during a visit at the Freeport (Speech in MT)

15 ta’ Otturbu 2021

On. Ministru Silvio Schembri

Sinjuri Diriġenti

Membri tal-istaff,

Nibda billi qabel xejn nirringrazzjakom għal din l-istedina, u l-opportunità li niltaqa’ magħkom id-diriġenti u l-impjegati fuq il-post tal-ħidma tagħkom. 

Dawn iż-żjarat jiswew mhux ftit biex wieħed jifhem u japprezza l-ammont ta’ xogħol u organizzazzjoni, sabiex il-pajjiż u ċ-ċittadini tagħna jibqgħu għaddejjin bir-rutina ta’ kuljum, anki f’mumemti ta’ diffilkultà jew kriżi globali, propju kif konna għaddejjin minnha sa ftit tal-ġimgħat  ilu.

F’dawk iċ-ċirkostanzi, il-ħidma tagħkom, li hija essenzjali f’kull pajjiż, kienet waħda fundamentali għalina bħala gżira, speċjalment meta wieħed iqis li 85% tal-oġġetti importati li jispiċċaw f’Malta, jgħaddu mill-Port Ħieles.

Il-funzjoni konġunta tagħkom tmur lil hinn minn dan, għax tpoġġi lil pajjiżna ‘l quddiem nett fost ċentri reġjonali u internazzjonali oħra fil-qasam tal-kummerċ u loġistika globali, u ġarr tal-merkanzija.

Il-kontribut li tajtu tal is-snin lit-tkabbir tal-ekonomija Maltija, l-opportunitajiet ta’ xogħol li ftaħtu għal mijiet ta’ impjegati, u r-rwol prominenti li tagħtu lil Malta fir-reġjun, jagħmlilkom ġieħ.

Interessanti ferm wieħed jara kif żviluppat il-viżjoni tal-Korporazzjoni matul is-snin biex ma tibqax biss waħda regolatorja. 

Fost oħrajn, illum naraw kif din tassisti u tgħin fil-ko-ordinazzjoni mal-Gvern u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż, toħroġ liċenzji għal operaturi li joperaw fiż-żona, tivverifika dokumentazzjoni kif suppost u skond il-liġi anke għall-finijiet ta’ rikonċiljazzjoni mad-Dipartiment tad-Dwana, u tieħu rwol pro-attiv favur is-sostenibilta’.

Bla dubju il-pożizzjoni strateġika ta’ pajjiżna propju fil-qalba tal-Mediterran tagħti lill-Korporazzjoni valur miżjud permezz ta’ skambi u kooperazzjoni b’saħħitha ma’ portijiet oħra fir-reġjun Ewro-Mediterranju.

F’dan ir-rigward, ninnota bi pjaċir li l-Korporazzjoni issieħbet mal-Assoċjazzjoni ‘MedPorts’ bħala membru fundatur.  Naħseb li dan kien pass għaqli ħafna għaliex dawn it-tip ta’ sħubiji jgħinu ħafna sabiex jiġu diskussi miżuri tal-aħjar prattika u taħriġ. 

Minn naħa tagħha il-Malta Freeports Terminal żviluppat u ssaħħet, tista’ tgħid, id f’id mal-ekonomija ta’ pajjiżna.

Kif diġa semmejt, hawnhekk qed naraw strateġija li tagħmel l-aqwa użu possibbli, mill-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta fir-reġjun.

Intlaħaq ukoll bilanċ dejjiemi ħafna bejn il-kummerċ, it-teknoloġija, l-innovazzjoni kontinwa, u fuq kollox is-sodisfazzjon tal-klijent biex dan mhux biss jinqeda tajjeb, iżda jerġa jfittex is-servizzi li toffru b’mod konsistenti. 

F’din it-tellieqa għall-kwalita’ ma’ kompetituri oħra fir-reġjun għall preżenza b’saħitha fis-suq, naħseb li l-investimenti li qegħdin tagħmlu kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tekonoġiji ġodda, kif ukoll fit-taħriġ tal-impjegati tagħkom, huma mhux biss importanti – iżda ħtieġa.

Settur li lkoll naqblu li jibqa’ jtejjeb miżuri ta’ infurzar u taħriġ, huwa dak tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati kollha tagħkom minn kull angolu. 

Il-lant tax-xogħol, b’dan it-tagħmir u makkinarju tqil jaf ikun ta’ periklu f’xi waqtiet, u għalhekk l-infurzar ta’ regoli ta’ sigurtà m’għandu jonqos qatt  sabiex is-saħħa ta’ dawl l-elf u hames mitt impjegat tkun garantita.

Sinjuri,

Ilkoll nafu kemm kienu iebsin dawn l-aħħar sena u nofs minħabba r-restrizzjonijiet u tibdil kbir li ġabet magħha il-pandemija.

Kollox madwarna intmiss b’xi mod jew ieħor.

Dan jgħodd ukoll għas-settur li fih toperaw intom.

Għalkemm għadu kmieni biex wieħed japprezza eżatt kemm kien kbar l-effetti tal-virus, diġa għandna xhieda ta’ kif ġew milquta t-trasbord u l-kummerċ internazzjonali marbut miegħu.

Bla dubju ta’ xejn ħadd ma seta’ jbassar kif kellhom jiżviluppaw l-affarijiet.

Hekk kif bed jberraq u l-virus kixef sninu mad-dinja, kien mistenni li l-kummerċ bil-containers kien ser jieħu tisbita. 

Dan ma seħħx  u minflok żviluppa xenarju oppost fuq il-livell internazzjonali.

Hekk kif kien hemm żidiet globali fix-xiri ta’ prodotti elettroniċi, miżuri iebsa ta’ lockdowns u żidiet f’dawk li nsejħulhom ‘consumer goods’ li ħafna minnhom jiġu trasportati bil-baħar.

Ix-xenarju kien wieħed fejn id-domanda kienet ferm akbar minn dak mistenni, u l-kapaċità tal-vapuri ma setgħatx tlaqħħaq ma’ din iż-żieda f’daqqa.

L-impatt inħass b’mod drammatiku peress li l-ebda bastiment ma kien qed jitlaq miċ-Ċina, madankollu minn Awwissu 2020 ix-xogħol żdied u fil-prezent wieħed jista’ jgħid li l-affarijiet sejrin b’mod pożittiv hekk kif ix-xogħol reġa’ qiegħed jerġa’ għan-normalità.

Ittieħdu miżuri sabiex jiġu minimizzati l-effetti.

L-operaturi kollha fil-portijiet ħielsa ngħaqdu mal-Awtorità sabiex ittieħdu l-prekawzjonijiet neccessarji u  ix-xogħol baqa ghaddej.

Il-Port Ħieles jitqies bħala servizz essenzjali – u bir-raġun – għax mingħajr il-ħidma tagħkom stajna faċilment niġu f’sitwazzjoni ta’ nuqqasijiet kbar għall-konsumatur.

Nieħu allura din l-okkażjoni biex f’isem il-poplu Malti, nerġa’ inroddilkom ħajr għar-rwol kruċjali li komplejtu taqdu – anki fl-eqqel tal-Pandemija biex ir-rota tkompli ddur u jittaffew l-effetti fuq l-individwu u l-familji.

Verament jixirqilkom kull tifħir, mill-kbir saż-żgħir, għall-isforzi li għamiltu biex tħarsu l-interessi tagħna.

Ser nagħlaq fuq l-istess nota ta’ radd il-ħajr sabiex nuri apprezzament għall-ħidma tagħkom biex troddu xi ħaġa lura lill-lokalità ta’ Birżebbuġa – lokal li rridu nammettu sofra l-impatt, kemm negattiv kif ukoll pożittiv bl-iżvilupp tal-Port Ħieles fi ħdanu.

Il-bżonnijiet tal-komunità ta’ Birżebbuġa tidhru li qegħdin ittuhom l-importanza mistħoqqha  hekk kif kemm il-Malta Freeport Terminals u l-Korporazzjoni kontinwament qed jieħu diversi miżuri biex inaqqsu l-impatt li l-operat tiegħu jista’ ikollu fuq l-ambjent. 

Proġett importanti li jgħin fil-ħarsien tal-kwalità tal-arja huwa dak li l-vapuri jibda’ jkollhom provvista tal-enerġija mill-art.

Inħeġġiġkom tibqgħu taħdmu flimkien fuq dawn il-proġetti li fl-aħħar mill-aħħar qed dejjem jgħinu lill-komunità li ta’ kuljum tilqagħkom. Nirringrazzjakom mill-ġdid u nixtieqilkom kull suċċess fil-ħidma tagħkom

Skip to content