The President of Malta

Search
Close this search box.

Speech by His Excellency George Vella, President of Malta, Dun Karm’s Day, Sant’Anton Palace – Ħ’Attard, 13 October 2022, (Speech in MT)

Sinjuri,

Meta Dun Karm żejjen il-mużika għall-innu ta’ Robert Samut bil-kliem tal-Innu Malti aktarx li kien qed jimxi fuq – jew inkella, jista’ jkun li anki ispira ruħu – mit-titlu tan-National Anthem Ingliż God Save the King. It-tnejn huma talbiet, u t-tnejn jinvokaw lil Alla. Imma hemm differenza ċara: fl-ewwel terzina Dun Karm ma jitlobx biex Alla jħares lil min qed imexxi jew jiggverna ’l-pajjiżna imma jagħżel li mill-bidu nett jitlob il-ħarsien ta’ art twelidna mid-Divin.

Dan jidher ċar, anki mid-diskorsi li smajna llejla, fejn smajna li Dun Karm niseġ talba ’l Alla li bażikament biha l-poplu Malti jfisser il-ħsieb u x-xewqa sabiex il-Mulej (il-Missier Alla, il-Kbir Alla) jieħu ħsieb lil ommna (Malta) kif dejjem ħa ħsiebha. Fi kliem Dun Karm innifsu: “Innu Nazzjonali, fis-sura ta’ talba lil Alla għal Malta”.

It-tieni terzina, kif jispjega Oliver Friggieri, “twessa’ t-tema familjari tal-ewwel terzina u tiżvolġi diskors ta’ xeħta kollha kemm hi politika”. Mill-familja (għax, bħalma diġà ntqal anki hawnhekk, ladarba tissemma l-omm hemm il-missier u l-ulied) il-grupp jitkabbar fi grupp numeruż – fil-“Maltin” kollha, il-poplu Malti kollu. Għaldaqstant, mid-diskors dwar familja, il-poeta jimxi għal diskors dwar soċjetà li anki tiġbor il-ħakkiem (għadna kif smajna wkoll li għal ħakkiem l-interpretazzjoni mhix neċessarjament dak li qiegħed bil-frosta f’idejh, imma dak li qiegħed imexxi), jinvolvi wkoll is-sid (l-imprenditur) u l-ħaddiem. Dawn kollha jinsabu f’armonija, deskritta bil-kliem “deh’n”, “ħniena”, “saħħa”, “għaqda” u, fuq kollox, il-kelma “sliem”. Għalhekk, bħalma fl-ewwel terzina nsibu l-paċi fil-familja, hekk ukoll fit-tieni terzina l-poeta jisħaq fuq il-paċi fis-soċjetà: missier, ħu ħsieb l-istituzzjonijiet, ħu ħsieb il-poplu.

Jiena bħalkom ħa nikkwota wkoll lill-Professur Oliver Friggieri, li jagħmel ukoll din l-osservazzjoni fil-ktieb tiegħu, li ssemma ħafna, Analiżi tal-Versi tal-Innu Malti:

“Il-paċi pubblika tinbena skont kuntratt soċjali, bir-rispett lejn ġerarkija. L-ewwel vers tat-tieni terzina jirreferi għall-gvern (‘min jaħkimha’). It-tieni vers jitlob li jkun hemm relazzjonijiet sindikali, industrijali tajbin; is-‘sid’ u l-‘ħaddiem’ huma termini preċiżi li – fil-lingwa tal-lum – ifissru ‘employer’ u ‘employee’. L-aħħar vers hu espressjoni tax-xewqa li ż-żewġ livelli msemmijin fil-versi ta’ qabel jiffurmaw soċjetà li tkun mibnija fuq l-ordni. L-istat, il-qasam tax-xogħol, il-partiti politiċi u l-poplu li jsegwi l-liġi: huma tliet komponenti ta’ nazzjon modern.” Huwa innu, għalhekk, miktub għall-poplu ta’ dakinhar, għal tal-lum u ta’ għada, mingħajr kuluri.

Ninu Cremona, li dis-sena qed infakkru anki l-ħamsin anniversarju tal-mewt tiegħu, li kien ikolli l-okkażjoni li nitkellem miegħu fuq tal-linja meta kont inkun sejjer l-Università. Huwa ukoll jagħtina l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-Innu Malti: “Aħna xxurtjati,” jgħidilna, “li nafu sewwa kif inħoloq l-Innu Nazzjonali tagħna” għax pajjiżi akbar minna jsibu n-nisel tal-innu nazzjonali tagħhom mistur jew inkella mitluf. Jgħidilna wkoll li “l-innijiet ta’ nazzjonijiet oħra ma nħolqux bħalma nħoloq l-Innu Nazzjonali Malti … hemm ħaġa singulari li ma ssibhiex f’innijiet ta’ nazzjonijiet oħra, u din hi li l-versi saru fuq il-kompożizzjoni tal-mużika u mhux il-mużika fuq il-kompożizzjoni tal-versi”.

Huwa fatt storiku li l-Innu Malti sa mit-tnissil tiegħu daħal minnufih fil-qlub tal-Maltin; smajna anki hawnhekk diġà l-ġrajja ta’ ‘Jum ir-Rebħ’ ta’ Rużar Briffa, li wkoll kelli x-xorti li kien jgħallimni d-dermatoloġija, tinsewx li kien espert tal-ġilda.

Eventwalment nhar it-22 ta’ Frar 1941 ġie rikonoxxut mill-Kunsill tal-Gvern bħala “the special National Anthem of the Maltese”, u dikjarat uffiċjalment bħala l-Innu Nazzjonali – u kellu jindaqq f’okkażjonijiet speċjali fl-aħħar ta’ rogram eżatt qabel il-God Save the King. X’aktarx kienet din id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Gvern li ħajret lil Dun Karm jagħti tagħrif dwar kif tnissel l-Innu, u smajnieh aktar kmieni fis-serata, li kien issa ilu ’l fuq minn għoxrin sena li nstema’ għall-ewwel darba.

Niġu għad-diskussjoni li kien hawn bħalissa dwar jekk naqblux jew le fuq ċertu kliem li hemm fl-Innu Malti, li forsi bil-mogħdija taż-żmien illum jinħass li huwa sorpassat jew inkella ma jdoqqx għal widnejn ċertu nies fiż-żmien li qed ngħixu fih aħna llum. Imma minkejja li għadda seklu minn fuq il-versi ta’ dan l-innu, u xi kliem jinħass qadim, madankollu l-Innu Malti jibqa’ innu li jgħaqqadna u li jgħożż l-għaqda. It-twissija tagħna hawnhekk għandha tkun din: l-Innu Malti huwa parti mill-memorja kollettiva tal-poplu tagħna u għadu jimmarkalna l-boxxla li fuqha jeħtiġilna nimxu biex nibqgħu ngħożżu l-valuri tagħna. Dan ħareġ ċar ħafna mid-diskussjoni li kellna.

Fil-qofol tiegħu, l-Innu Malti huwa talba li tfakkarna li aħna werrieta ta’ tradizzjoni reliġjuża għażiża ħafna u li hi intrinsikament fundamentali fl-istorja u fil-kultura kollha ta’ Malta u l-Ewropa. Iż-żminijiet, kif tkellimna, tbiddlu. Il-poplu Malti tbiddel, il-kompożizzjoni tiegħu m’għadhiex dik li kienet f’dawk iż-żminijiet li nkiteb l-innu, però, kif intqal hawnhekk, jiena naħseb li, forsi nista’ anki nagħti opinjoni personali, ikun perikoluż li wieħed jipprova jbiddel ċerti affarijiet għaliex minn kelma niġu għal oħra u ma nistgħux naffordjaw li talba sabiħa bħal din, li hija l-innu ta’ pajjiżna, aħna nippruvaw inbagħbsu minn hawn u minn hemm.

In-nisel Bibliku ta’ xi frażijiet jindikaw ir-rabta Maltija mat-tradizzjoni Nisranija, waqt li l-frażi ‘kbir Alla’ hi kemm Biblika, kif ukoll, fl-istess ħin, kif intqal diġà, Iżlamika. Il-kliem tal-Innu Malti hu kollu kemm hu Semitiku imma mħaddem u mfassal fuq forma letterarja Latina u Taljana. U hawnhekk skużawni qed nirrepeti dak li ntqal diġà tant tajjeb. “Dun Karm kiteb sitt versi li jirriflettu l-qofol tal-karattru ta’ Malta: Reliġjon Nisranija, Ilsien Semitiku, Kultura Ewropea”. Daqskemm hu talba għas-sliem fost il-poplu Malti, fih nilmħu wkoll żewġ kulturi kbar magħġuna flimkien. U dan huwa xi ħaġa li sal-lum, għadna aħna, ngħixuh. Sħabi li kienu fil-politika miegħi jafu x’jiġifieri meta nkunu barra u għandna dan il-vantaġġ li nirrappreżentaw reġjun u pajjiż li għandu kemm għarfien Ewropew u kemm anki bażi kulturali Semitika.

Għalhekk huwa xieraq li, kif intqal ukoll hawnhekk, fl-iskejjel u f’okkażjonijiet speċjali bħal dawn nibqgħu nisimgħu jidwi l-Innu Malti. Hemm il-problema tal-multikulturaliżmu li llum nafu ħafna mill-iskejjel tagħna mħalltin u mħalltin bil-kbir. Mhux tgħid forsi żewġ nazzjonijiet, imma ammonti kbar ta’ kulturi differenti, però jiena nemmen li dan xorta għandu jibqa’ simbolu tal-identità tagħna. Bħala ċittadini għandna ngħożżu din l-identità, is-sovranità u l-istorja ta’ pajjiżna kif espressi fil-lirika tal-innu nazzjonali. U ta’ dan għandna dejjem nibqgħu grati lejn nies bħal Dun Karm li għamlu dan il-wirt letterarju għal pajjiżna. Mitt sena ilu, però li għadu ħaj sal-ġurnata tal-lum.

Nirringrazzjakom.


Skip to content