The President of Malta

Speech by His Excellency George Vella, President of Malta, during the National Conference organized by the San Gejtanu Music Association and the National Association of Band Clubs with the theme: Band Societies – The Future In Connection With The Past And The Present The Main Hall, The Old University, Valletta, 12 November 2022, (Speech in MT)

Onorevoli Owen Bonnici,

Onorevoli Zahra,

Dr Noel Camilleri,

Sur Nigel Vella,

Sinjuri,

Irrid nibda billi ngħid illi nota waħda ta’ mużika ma nafx naqra, u għandi dubju kemm-il strument kapaċi nagħraf minn banda. Hemm ċertu minnhom nafhom, ovvjament. Irrid ngħid ukoll li qatt ma kont dilettant tal-banda u l-unika ħaġa li nista’ ngħid hi li kont maħtur President onorarju ta’ każin wieħed biss, tal-Beland, jiġifieri ma kellix interess partikolari f’dan is-settur sakemm inħtart President.

Kif ilħaqt President bdew ġejjin xita ta’ inviti biex nattendi kunċerti u drabi lejlet il-festi, u tmur hemmhekk tagħmel preżenza u tonora x-xogħol li jkunu għamlu dawn l-għaqdiet. U f’dawk il-ħinijiet tibda tirrifletti u tibda tifhem u tibda tevalwa bis-serjetà mbagħad x’hemm wara dawn l-organizzazzjonijiet. Tgħiduli: “Domt ma qomt!” Irrid nammetti li kien iż-żmien meta bdejt nirrifletti bis-serjetà l-valur u x-xogħol kbir li jagħmlu l-għaqdiet tal-banda ġewwa l-irħula. Bdejt nirrifletti fil-fatt, kif qed inħares lejn l-istorja tagħhom, kemm dawn kellhom għanijiet soċjali, għanijiet edukattivi u kulturali, biex ma ngħidx imbagħad anki kien hemm ċertu nostalġija għax ħafna minnhom, bħalma tafu intom, faqqsu ħafna drabi fil-bidu tas-seklu għoxrin anki fi żmien ta’ meta bdiet l-identità Maltija u l-irvellijiet tas-Sette Giugno u dawn l-affarijiet kollha.

Il-ħsieb beda jidher ċar illi konna qegħdin nitkellmu fuq soċjetà li mhux biss għandha l-banda imma soċjetà li anki kellha attivitajiet oħra kulturali u soċjali fi ħdan ir-raħal jew il-belt li jkunu qegħdin fiha. U kull meta kont mitlub biex nagħmel żewġ kelmiet, dejjem kont nirrifletti, forsi anki nirrepeti biex ma niddejjaqx ngħidha, il-fatt illi rridu nammettu li l-każini kienu l-ewwel klabb soċjali fejn il-ħaddiem, li dak iż-żmien ma tantx kien rispettat, kien imur wara ġurnata xogħol ta’ tbatija u forsi jsib ma’ min jgħid kelma.

Barra hekk ukoll kienu, kif nafu, l-ideat li ħafna minnhom mill-ewwel imbagħad bdew jarmaw banda li kienet tkun ovvjament intiża biex takkumpanja l-festa tar-raħal jew inkella tal-belt u hemmhekk bdew anki jsibu ċ-ċans li jiġu mgħallma strument, jiġifieri l-aspett edukattiv kien qiegħed hemmhekk. Imbagħad ovvjament kien isib ruħu jilbes uniformi tal-banda, kien isib ruħu forsi anki dan f’kumitat u allura jibda jitgħallem anki kif jikkoopera ma’ sħabu biex ikun hemm dan it-tagħlim.

Tgħiduli dan għaliex qed tgħidu? Qed ngħidu għaliex tajjeb li naraw x’kien l-iskop, u x’għadu l-iskop, tal-każini tagħna. Skop illi llum forsi mhux daqshekk joħroġ għaliex tant drajna ngħixu magħhom, però li wieħed irid jiżnu għax, bħalma saru referenzi diġà anki mill-Onorevoli Zahra u anki mill-Ministru, hemm l-aspett kulturali. Dan huwa xi ħaġa illi aħna ma nistgħux inneħħu min-nofs. Bħalma qalet l-Onorevoli Zahra, ma nistax nimmaġina, illum il-ġurnata, jien il-pajjiż tagħna, li mdorrijin b’dan il-mod kif aħna mdorrijin, mingħajr baned u mingħajr każini tal-baned.

Però rrid nagħmel ukoll osservazzjoni. Ma ninsewx li l-każini tal-baned mhumiex qegħdin hemmhekk biss għall-baned biss. Għandhom ħafna iktar funzjonijiet. Saret referenza diġà għall-ħruq tan-nar, inizjattivi oħra edukattivi pereżempju, għandna wkoll, bħalma nafu, passjoni kbira f’dawn il-każini għall-armar tal-mejda tal-Ġimgħa l-Kbira meta jasal iż-żmien u tal-presepju tal-Milied. Jiġifieri l-kwistjoni tal-banda hija aspett wieħed mill-każini li qed nitkellmu fuqhom u tajjeb illi wieħed din id-distinzjoni jagħmilha.

Jiena verament nirringrazzjakom tal-istedina u anki nifraħ, kif huwa dovut, lill-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu li flimkien mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda organizzajtu dan l-avveniment. U bħalma jaf Dr Camilleri, kemm-il darba kellna l-okkażjoni li nitkellmu fuq x’kien għaddej, għaliex ovvjament, bħalma semmejt, imbagħad bqajt ninteressa ruħi, bdejt nistaqsi, bdejt nitkellem man-nies, bdejt nisma’ verżjonijiet differenti u bdiet ħierġa l-verità tal-fatti. Bdiet ħierġa l-verità dwar x’kien se jkun il-futur tal-każini tal-banda ġewwa pajjiżna.

Jiena mhux se nidħol fil-merti li semma l-Onorevoli Ministru rigward is-sede, id-djar fejn qegħdin. Dik hija kwistjoni legali illi ovvjament inħalli f’idejn l-eżekuttiv ta’ pajjiżna li jara li jkun hemm il-protezzjoni tal-interessi kemm tas-sidien u kemm anki tal-għaqdiet ovvjament. Din hija kwistjoni li ma nidħolx fiha assolutament. Però jibdew jiġu l-mistoqsijiet imbagħad: fid-dinja tal-lum, għad fadal skop għalihom il-każini? Għad għandhom posthom hemmhekk?

Bħalma qal Dr Camilleri, jekk kien hemm prova, kienet proprju l-COVID illi ġegħlitna nħossu n-nuqqas tal-attività tal-każini u tal-baned. Jiġifieri jekk kulħadd kien jeħodhom for granted meta mbagħad neħħejniehom… dan bħal meta jkollok id-dawl, ma tagħtix każ. Malli jneħħuhulek, malli titfi, tinduna li hemm id-dlam u tinduna kemm kont qed tgawdi minn dak id-dawl. Jiġifieri m’hemmx dubju, u jiena hawnhekk mhux qiegħed biex nikkonvinċi lilkom ovvjament, illi l-każini tal-baned, bit-tajjeb u bil-ħażen tagħhom, huma parti essenzjali mill-kultura u mill-istampa Maltija. U għalhekk jiena ninkoraġġixxi u naqbel ħafna ma’ min qiegħed jaħdem biex dan jipprovaw iġibu rikonoxximent tiegħu bħala wirt intanġibbli tal-kultura tagħna.

Però dan kollu huwa diskors jew ħa jibqa’ kif qegħdin ngħidu llum? U għalhekk din il-konferenza naħseb li kienet interessanti immens jien. Fis-sens li jiena jiddispjaċini li ma stajtx inkun qiegħed hawnhekk biex nisma’ l-panel imma nista’ nimmaġina illi ħarġu s-soltu problemi li nitkellmu fuqhom u li tisma’ mingħand kull min huwa interessat fil-baned.

Jiena mhux qiegħed hawn, u nagħmluha ċara, mhux qiegħed hawn biex noffri soluzzjonijiet. Dak tistgħu tgħiduh intom. Però qiegħed hawn żgur biex nagħmlilkom kuraġġ, biex ninkoraġġikom. Għaliex illum konvint, tgħiduli forsi: “F’dan iż-żmien qasir?” Iva. Illum konvintissimu li l-baned u l-każini tal-baned għandhom bżonn is-sostenn kollu li wieħed jista’ jagħtihom.

Jiena naf li maż-żmien, kif tgħallimt nisma’, li l-festi esterni kibru. Kien hemm ovvjament żviluppi u kien hemm ħafna anki għaqdiet li raw kif għamlu li anki min kien bi ftit strumenti u bi ftit bandisti prova jkabbar. Għaliex? Għax hemm it-tellieqa, kompetizzjoni b’saħħitha tal-festi li anki saru mhux biss biex jieħdu gost bihom il-Maltin imma anki sar kontribut importanti għall-prodott turistiku tagħna.

U ejja nammettu li l-banda hija parti integrali minn dan kollu. Wieħed jista’ jimmaġina fl-immaġinazzjoni tiegħu, jara festa, jara l-folol, jara n-nies, u ma jismax banda, ma jismax sparar? Issa ħalliha li hawn min ma jaqbilx mal-isparar, imma immaġina m’għandekx banda. Il-banda, bħalma nafu, hija xi ħaġa, mhux qed nipprova nkun didattiku hawnhekk, il-mużika hija l-iktar arti astratta. Il-mużika hija l-iktar oġġett, hija l-iktar arti li tmissek bla ma tmissek. Tagħmlek kuntent, tagħmlek bin-nervi, tqabbżek, tbiddillek il-burdata, tkun imdejjaq, tieħu pjaċir biha… U narawhom dawn kif jasal l-element fil-briju ta’ marċi ferrieħa, kif jasal l-element fid-dwejjaq ta’ marċi funebri, jiġifieri hemm qed twassal element li tolqot lil dak li jkun.

Jiena l-argument tiegħi kollu huwa li naf illi bħalissa hemm l-isfida kbira li anki, saret referenza diġà għaliha issa, rigward il-kwistjoni tal-lealtà, biex ngħid hekk, u anki tal-ħlasijiet tal-bandisti. Jiena mhux kompetenti li nidħol fid-dettall. Ovvjament, bħalma naf, bħalma anki ma’ Noel tkellimt kemm-il darba, għandi ħafna informazzjoni u naf x’inhu jiġri. Jiena rrid ngħid dan u ħaġa waħda biss. Jien nemmen illi rridu noqogħdu attenti għal min ma jarax f’dawn l-affarijiet ħlief opportunità biss biex jagħmel il-flus. Il-periklu qiegħed illi jista’ jkun hemm attentati biex ikun hemm kummerċjalizzazzjoni ta’ dan, ħa ngħidulu hekk, il-wirt li għandna. Wirt illi, kif għidna, inbena maż-żmien u ridnieh, ngħixu fih u ovvjament aħna nixtiequ u nixtiequ sew illi dan jibqa’ ma jinbidilx.

Però l-periklu qiegħed illi wieħed irid jara li ma jkunx hemm kummerċjalizzazzjoni żejda ta’ dan l-oġġett. Tgħiduli: “X’inhu ħażin? Aħna nemmnu ħafna fis-suq ħieles”. Veru. Suq ħieles huwa teorija tajba ħafna, però llum kulħadd jammetti li suq wieħed waħdu ma jistax jibqa’ jmexxi. Irid ikun hemm korrezzjonijiet għas-suq ħieles għaliex inkella jaf iwassal għal ċertu effetti li mhux neċessarjament ikunu tajbin. Ma rridx nidħol f’teoriji hawnhekk, però wieħed jibda mill-premessi li tgħid: “Isma’ kollox għandu l-ispejjeż tiegħu. Ejja nibdew minn hemmhekk”. U intom tafu iktar minni kemm hemm spejjeż li żdiedu, kemm tbiddlu, kemm għolew u kemm saru differenti minn dak li kienu qabel. U allura l-istruttura li qabel inti tippretendi illi kulħadd jiġi voluntier, kulħadd jiġi għall-gost biex jiġi jdoqq u għall-gost li jkun qed jagħmel sostenn lill-każin tiegħu, illum il-ġurnata rridu nifhmu li l-affarijiet tbiddlu. Però tbiddlu b’mod mhux li nispiċċaw imbagħad, bħalma kien hemm referenzi, b’nuqqas ta’ lealtà. Jekk inti għamilt ħames snin, sitt snin titgħallem strument f’dan il-każin, nippretendi illi ċertu lealtà għal dak il-każin għandu jkun hemm ukoll. U dan qed ngħidu iktar bħala elementi li jistgħu jiġu riflessi fuqhom iktar ’il quddiem meta wieħed qed jipprova jasal għal ftehim fuq bażi nazzjonali ta’ kif għandhom jiġu kkontrollati, jew forsi l-kelma ‘kkontrollati’ mhix daqshekk tajba, kif wieħed għandu jaħdem mal-bandisti u anki bejn l-għaqdiet tal-każini tal-banda.

Wieħed irid ifakkar illi l-ispejjeż, u dan li wieħed irid iżomm f’rasu, li l-ispejjeż, jiġu minn fejn jiġu, u spejjeż żejda li forsi wieħed jista’ jevita billi ma jkunx hemm dħul ta’ intermedjarji, u tifhmuni x’qed ngħid, wieħed irid joqgħod attent għaliex, billi nifhmu fl-ekonomija, fl-aħħar mill-aħħar il-prezzijiet żejda fil-katina fl-aħħar se jgħaddu fuq il-konsumatur.

Dan il-konsumatur hawnhekk fejn hu? Konsumatur għandek inti, fejn naf jien, il-membri tal-każini li jekk ħa jaraw illi mhux kapaċi jaffordjaw dawk it-talbiet, dawk il-fees, dak li qed jiġi mitlub minnhom, iridu jaraw kif se jiġbru minn xi mkien. Jew jiġbru donazzjonijiet jew inkella, jekk kemm-il darba kif qed nisimgħu, li jkun hemm anki b’xi mod xi organizzazzjoni jew kooperazzjoni fuq livell nazzjonali. Ovvjament jekk ħa jidħol l-intervent tal-Gvern, l-intervent tal-Gvern se jispiċċa ovvjament jinġabar mit-taxxi tal-poplu. Jiġifieri fl-aħħar mill-aħħar iċ-ċittadin iż-żgħir bla ma forsi qed jinduna, b’dak li jagħti bħala kontribuzzjoni u b’dak li jħallas bħala taxxi, ħa jkollu jagħmel tajjeb hu għal min forsi mhux ħaqqu, ħa nuża din l-espressjoni, li jindaħal fin-nofs, jiddisturba s-sistema kollha, biex jagħmel il-qligħ minn fuq servizz li normalment matul is-snin kollha konna drajnieh li jkun jekk mhux volontarju imma bi prezzijiet li jintlaħqu.

Dan qed ngħidu, forsi qed nidħol ftit fid-dettall, imma fuq bażi ta’ dak li jien infurmat u fuq dak li nixtieq li ma narax isir għaliex nafu żgur li b’dawn is-sistemi ħa jkollok l-ispiral imbagħad tal-prezzijiet u tal-piki u dak għax jekk ma tagħtix daqshekk ma jiġix… Din hija xi ħaġa li rridu noqogħdu attenti għaliha għaliex inkella ħa nispiċċaw bħalma tisma’ ħafna li jgħidulek: “Isma’, aħna we are giving up li noqogħdu ngħallmu l-istrumenti, li nagħmlu skola tal-mużika, li noqogħdu nippruvaw nagħtu ċ-ċans liż-żgħażagħ tagħna biex jitgħallmu, għaliex wara kollox fl-aħħar mill-aħħar ara x’tieħu bħala riżultat!” U dan huwa s-sens ta’ defeatism, ngħidulu, dan hawn xi ħaġa li jaqtagħlek qalbek, xi ħaġa li mhuwiex l-ispirtu li nafu li hemm fil-każini tagħna li kienu minn dejjem jaħdmu, iħabirku, dejjem sabu kumitati fin-nofs illi jiena nammirahom u nsellmilhom għaliex ħafna minnhom kważi kważi, u ngħidu mhux biex nikkritikahom, ħafna minnhom ġieli anki abbandunaw il-familji biex jagħtu iktar ħinhom ġewwa l-każini. Ir-riżultati ħafna minnhom jidhru però, għax imbagħad tara d-differenza bejn każin u ieħor.

Imma li rrid ngħid, biex ma ntawwalx u nagħlaq fuq dan il-punt, li rrid l-ewwel nett ninkoraġġikom bħala għaqdiet, li tkomplu taħdmu flimkien. Sabiħ li tiltaqgħu hawnhekk, tiltaqgħu flimkien u anki tiddiskutu. Forsi mhux daqshekk suġġetti negattivi bħal dan jew tad-dwejjaq għax ma tantx huma suġġetti sbieħ però anki proposti u programmi, x’se tagħmlu ’l quddiem, kif se taħdmu. Jiena ma’ Noel naf illi diġà tkellimna biex norganizzaw għall-ewwel darba performance tal-għaqdiet tal-banda kollha flimkien għall-ħabta tal-ewwel tas-sena għax naħseb illi hija xi ħaġa fejn fiha nistgħu nuru t-talenti kbar li għandna li ħafna drabi ma tantx narawhom. Ma nafx min għamel referenza u naqbel mija fil-mija ma’ dawk il-ħafna li bdew minn ġol-każin, speċi b’mod umli, jitgħallmu strument imma eventwalment komplew jistudjaw u nafu li biċċiet minnhom anki laħqu ċertu livelli ta’ professjonaliżmu illi minn hawn insellem lill-għalliema tagħhom u anki lilhom li jkunu waslu hemmhekk.

Però jiena nemmen illi importanti ħafna li din l-għaqda bejnietkom iżżommuha u tużawha ħalli kull tant żmien, jekk mhux fuq bażi regolari, kif ikun aħjar kieku, wieħed jitkellem u jiddiskuti l-problemi. Kif għidt fil-bidu, ma rridux ngħidu biss li l-każini tal-baned, għax hekk imsejħin, huma banda biss. Għandhom funzjoni ħafna iktar wiesgħa fl-irħula tagħna milli sempliċiment li jdoqqu l-banda. Però ovvjament illum qegħdin nikkonċentraw fuq il-baned u huwa importanti li wieħed jagħti l-attenzjoni hemmhekk.

Għalhekk jiena nemmen li għandkom tkomplu d-diskussjoni tagħkom, għandkom taraw li nstabu soluzzjonijiet, hawn esperti li wieħed jista’ jikkonsultahom anki mhux biss mil-lat mużikali imma anki mil-lat ta’ suq, x’wieħed jista’ jagħmel biex jevita, ħa ngħidu kif dejjem wieħed jgħid, jevita l-abbużi għaliex f’kollox, jiena skużawni nuża l-espressjoni “fejn hemm il-flus, ħafna drabi jkun hemm l-abbuż”. Jiġifieri wieħed irid joqgħod attent illi ma nirriduċux l-imħabba u d-dedikazzjoni li l-każini tal-baned kellhom mill-bidu nett lejn il-mużika, lejn li jdoqqu, lejn li jagħtu pjaċir lis-soċjetà, jagħtu pjaċir lir-raħal u nirriduċuh biss għal kif konna ngħidu qabel “pounds, shillings and pence”. Dak mhuwiex żgur l-għan tal-każini. Ikun hemm sfortunatament min ikun ittentat li jaqbad dik il-linja, però huwa x-xogħol tagħkom u r-rwol tagħkom bħala għaqda li flimkien tilqgħu kontra din, ħa ngħidilha, forsi theddida. Iva, hija ftit theddida, imma m’għandix dubju li matul iż-żmien, jekk wieħed jara l-istejjer tal-każini tagħkom, kellkom ruxxmata theddidiet li għaddejtu minnhom minħabba l-għaqda li jkun hemm fl-għaqdiet u bil-ħidma tal-voluntiera u tal-każini.

Illum il-ġurnata forsi ma tantx nitkellmu fuq voluntiera, però nista’ nassigurakom li għad fadal ħafna nies li lesti li jagħtu ħafna mill-ħin tagħhom biex jaraw illi din il-parti mill-kultura tagħna, kif spjega tajjeb l-Onorevoli Bonnici, din hija parti mill-kultura tagħna, parti minna, u naraw li din ma tibdiex bil-mod il-mod tiġi mnaqqra u tisparixxi bil-mod il-mod u t-tfal tat-tfal tagħna jkunu nsew x’jiġifieri jkollok banda li tkun ġejja b’mod, biex ngħid hekk, volontarju minn każin tar-raħal.

Nawguralkom, komplu għaddejjin bid-diskussjonijiet tagħkom u mill-ftit li nista’ noffrilkom, bħala konsultazzjonijiet u laqgħat, jiena nkun dejjem dispost li nismagħkom u nipprova nifhem il-problemi tagħkom.

Nirringrazzjakom.

Skip to content