The President of Malta

President Myriam Spiteri Debono

Search

Illejla inawgurajna l-banda Għaqda Mużikali Madonna tad-Duttrina, u din il-banda għandha storja partikolari ħafna.

L-Għaqda Mużikali hija l-milja ta’ ħafna ħidma li saret sa mis-sena 1874, u hemm rabta mill-qrib ħafna bejn il-Festa tal-Madonna tad-Duttrina u l-Banda li ġiet inawgurata llum.

Minn kongregazzjoni li fl-1874 saret Fratellanza kibret il-festa. Kien hemm organizzazzjoni li sena wara l-oħra, b’impenn u inizjattiva personali ta’ bosta individwi, saru arranġamenti biex, għalkemm in-nar baqa’ jiżdied, dan ma baqax aktar jitħallas mill-Fratellanza, iżda beda jitħallas bil-ħidma ta’ dawn l-individwi, individwi voluntiera. Dawn l-individwi wkoll ħasbu biex ikollhom armar għall-festa u dan l-armar kien proprjetà personali tagħhom.

Għaliex qed ngħid dan? Qed ngħid dan biex nuri s-sagrifiċċju personali illi għaddew minnu l-pijunieri sakemm waslu biex sal-lum il-banda hija tagħhom u l-festa tal-Madonna tad-Duttrina għandna l-banda tagħha. Mhux aktar il-banda li kienet tinġieb minn barra Ħal Tarxien.

Il-finanzjament tal-festa kien f’idejn kumitat, ħlief illi l-ħlas tal-banda li kienet tinġieb, kienet titħallas tliet kwarti mill-kumitat u kwart mill-Fratellanza, jiġifieri baqgħet hemm dik l-għaqda li kien hemm, l-għaqda illi l-banda ħarġet minn soċjetà reliġjuża bħalma hi l-Fratellanza.

Matul iż-żmien, il-ħidma, l-ewwel minn biċċa remissa, imbagħad inxtara post u twaqqa’, illum is-soċjetà għandha wkoll is-sede tagħha, li hija tagħha, li xtrat bil-ħidma tal-membri, tal-voluntiera u tan-nies ta’ Ħal Tarxien u din is-sede kien il-predeċessur tiegħi, l-Eċċellenza Tiegħu George Vella, illi fetaħha fl-2022.

Barra minn dan, apparti l-għan tas-sede, u dan qed ngħidu biex nuri l-apprezzament tiegħi għall-għaqda tat-tmexxija ta’ din il-banda, għandha wkoll il-banda tad-Duttrina, l-Għaqda mużikali, maħżen fejn iżommu l-armar tal-festa. Ta’ dan ngħidilkom mhux prosit biss, imma wkoll illi ħaqqkom ċapċipa kbira mit-Tarxiniżi għaliex qed iżżidu dak li hu tal-komunità kollha.

Jidher illi kontu kapaċissimi għaliex ġenerazzjoni wara l-oħra, nisel wara l-ieħor, intom għaraftu min kien qiegħed isir anzjan, illi jara li postu qiegħed jimtela miż-żgħażagħ. U għall-futur, dan li tridu tkomplu tagħmlu. U dejjem tagħmluh b’għan wieħed, billi tikkooperaw ukoll mal-għaqdiet l-oħra fil-lokal tagħkom ħalli fil-lokal ta’ Ħal Tarxien tirrenja l-għaqda, tirrenja s-serenità u veru tkunu qegħdin tonoraw il-patruna tagħkom li fl-aħħar mill-aħħar, taħt it-titolu tal-Lunzjata jew it-titolu tad-Duttrina, hija ommna Marija Santissima, il-Madonna.

Skip to content