L-Unjoni Ewropea kif nafuha preżentament nibtet mill-ħerba li ġabu fl-Ewropa u fost il-pajjiżi Ewropej iż-żewġ gwerer dinjija. Nibtet minn konvinzjoni illi s-solidarjetà fost il-popli ta’ l-Ewropa, s-solidarjetà li fuq kollox bdiet bħala unjoni ta’ koperazzjoni ekonomika maż-żmien tevolvi f’rabtiet aktar profondi bejn il-ġnus Ewropej.
Huwa b’riżultat ta’ din iż-żerriegħa li nżergħet fl-1950, formalizzata bit- trattat ta’ Ruma ffirmat fl-1957, li llum teżisti l-Unjoni Ewropea li tul dawn l-aħħar sittin sena saret Unjoni li bħala kollettività hija mnebbħa mill-valuri tad-demokrazija, tas-saltna tad-dritt, mid-drittijiet tal-bniedem u mis-solidarjetà bejn l-imsieħba.
Pajjiżi li jkunu aċċettati bħala kandidati għas-sħubija u eventwalment bħala membri wkoll ikunu xhieda ħajja ta’ tmexxija li tirrispetta d-demokrazija, is-saltna tad-dritt, u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u wkoll is-solidarjetà bejn l-istess imsieħba.
Aktar ma jiżdiedu l-imsieħba fl-Unjoni Ewropea aktar l-Unjoni Ewropea tkun influenti f’fora dinjija u f’dan ir-rigward ukoll jawgura illi l-għaxar pajjiżi li għandhom status ta’ kandidati għas-sħubija wkoll jiffurmaw parti minn eventwali tkabbir.
Dan kollu jissarraf ukoll f’vantaġġi u l-ftuħ ta’ orizzonti ġodda għaċ-ċittadini tal-pajjiżi msieħba li mas-sħubija jistgħu jgħixu, jaħdmu u jistudjaw f’kull pajjiż msieħeb.
Malta għadha kemm ikkommemorat l-għoxrin sena ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea. Dawn l-għoxrin sena kienu snin ta’ opportunitajiet u wkoll snin ta’ sfidi għal poplu tagħna, f’ħafna istanzi l-opportunitajiet u l-isfidi kienu jikkoinċidu.
Bis-sħubija Malta wkoll gawdiet minn fondi li għenu biex ġew żviluppati diversi oqsma, u dan apparti illi r-regoli li timponi l-Unjoni issarrfu f’aspirazzjonijiet u tibdiliet tanġibbli fl-oqsma soċjali u ambjentali, u wkoll id-drittijiet taċ-ċittadini bħala konsumaturi.