The President of Malta

Speech – Oath of Office Ceremony (Speech in Maltese)

On. Prim Ministru

On. Ministru Zammit Lewis Sinjuri Mħallfin,

Sinjuri,

Insellmilkom u nilqagħkom bi pjaċir fil-Palazz ta’ Sant’Anton għal din l- okkażjoni daqstant importanti.

Filwaqt li nagħti merħba lil dawk kollha preżenti, nilqa’ b’mod speċjali lilkom – Sinjuri Mħallfin – u nifirħilkom għal din il-ħatra.

Kif inhu xieraq, din hija ġurnata ta’ avveniment kbir għalikom u għall-qraba tagħkom.

Din hija l-milja tal-istudji tagħkom, tal-esperjenza vasta tagħkom fid-dinja tax- xogħol legali, u tal-isforz u s-sagrifiċċju li għamiltu tul is-snin biex tkunu tistgħu taslu fejn wasaltu llum.

Din hija ġurnata sinifikanti wkoll għal pajjiżna, hekk kif permezz ta’ din il-ħatra qed tkompli tissaħħaħ il-Ġudikatura li hija waħda mill-pedamenti tad- demokrazija u mill-garanzija tal-Istat tad-Dritt.

Il-Poplu Malti ser ikun qed iserraħ fuq l-għaqal u d-dehen tagħkom sabiex tkomplu tħarsu l-Kostituzzjoni, il-liġijiet tagħna, kif ukoll l-interessi ta’ kull wieħed u waħda minna.

Tnejn minnkom diġà għandhom esperjenza mhux żgħira bħala Ġudikanti.

Jien m’għandix dubju li ser tkunu qed taqdu dmirijietkom fl-akbar sens ta’ responsabbiltà u professjonalità.

Dan ifisser dik l-imparzjalità li biha biss tista’ tinkiseb il-ġustizzja. Fil-ħidma tagħkom ma għandu jgħodd l-ebda twemmin, razza, kulur, wiċċ jew preferenza, li jistgħu jinfluwenzaw deċiżjoni li tkunu mistennija tieħdu.

Hemm ukoll l-integrità, li meta tkun indukrata u preżervata, tilqa’ minn kull kritika professjonali, kif ukoll dik personali.

Minn Ġudikant, wieħed jistenna indipendenza sħiħa, minn kull indħil, influwenza jew pressjoni esterna, biex ix-xogħol tagħkom isir bis-serenità assoluta, li jirrikjedu deċiżjonijiet ta’ piż kbir, kif ser tibdew tieħdu intom.

Jistenna wkoll aġġornament kontinwu fil-liġi u l-ġurisprudenza.

Żommu wkoll quddiem għajnejkom li għall-poplu inġenerali, intom eżempju ta’ korrettezza, etika u onestà fl-imġiba tagħkom, ġewwa, u anki barra mill-Awli tal-Qrati tal-Ġustizzja.

Nagħlaq billi nawguralkom li ssibu kull appoġġ meħtieġ fl-istruttura u r-riżorsi tal-Qrati tagħna sabiex il-ħidma tagħkom titwettaq b’mod effiċjenti u, kemm jista’ jkun possibbli, jiġi evitat dewmien, li hija xi ħaġa li sikwit nisimgħu tgergir fuqha.

Nifirħilkom, Sinjuri Mħallfin, u nħeġġiġkom tagħmlu l-almu tagħkom sabiex il- ħidma tagħkom tkompli ssaħħaħ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’pajjiżna.

Nawguralkom kull suċċess.

Skip to content