Il-President ta’ Malta jgħarraf li:
Wara li saret sejħa pubblika mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, fil-11 ta’ Lulju 2023, biex isiru espressjonijiet ta’ interess għall-ħatra ta’ tliet Imħallfin fil-Qrati Superjuri ta’ Malta, minn persuni eliġibbli għal dawn il-karigi;
Wara li l-Kumitat għall-Ħatriet fil-Ġudikatura mwaqqaf bis-saħħa tal-Artikolu 96(A) tal-Kostituzzjoni, irċieva u għarbel b’kollox sbatax (17)-il espressjoni ta’ interess;
Wara li l-istess Kumitat, iggwidat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 96(B) tal-Kostituzzjoni, u bir-regoli u l-linji gwida approvati mill-istess Kumitat, għamel l-evalwazzjoni tiegħu tal-kandidati kollha;
U wara li l-Kumitat kollettivament iddelibera dwar ir-rakkomandazzjonijiet li huwa tenut jagħmel lill-President skont l-Artikolu 96(A) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta;
Nhar il-Erbgħa, 20 ta’ Settembru 2023, is-Sur Frankie Mercieca, Segretarju tal-Kumitat, ippreżentali r-rapport dettaljat dwar il-kandidati li ġew irrakkomandati bħala idonei u meritevoli għall-ħatra ta’ Mħallef fil-Qorti Superjuri, mill-Kumitat, fejn hemm evalwazzjoni dettaljata ta’ kull kandidat li fil-fehma tal-Kumitat kienu l-aktar idonei u meritevoli;
Billi skont il-Kostituzzjoni, Artikolu 96, l-Imħallfin tal-Qrati Superjuri għandhom jiġu maħtura mill-President, li jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjoni magħmula mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura;
Għalhekk, fuq il-fehma unanima tal-Membri tal-imsemmi Kumitat, u fuq indikazzjoni ċara ta’ min fl-opinjoni tal-Kumitat kienu dawk li l-aktar għandhom mertu u illi huma l-aktar idonei għall-kariga ta’ Mħallef fil-Qrati Superjuri;
Il-President għandu pjaċir jaħtar, f’ordni alfabetika, lis-segwenti persuni sabiex iservu ta’ Mħallfin tal-Qrati Superjuri ta’ Malta:
Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras
Dott. Henri Mizzi
Dott. Mark Simiana
Il-President, skont l-Artikolu 96(4)(d) huwa mistenni wkoll li jippubblika l-ismijiet tal-Kandidati kollha mgħoddija mill-Kumitat lill-President li fl-opinjoni tal-Kumitat ġew ikkunsidrati li kienu huma wkoll idonei u meritevoli għall-ħatra ta’ Mħallef fil-Qrati Superjuri ta’ Malta;
Dawn il-persuni, f’ordni alfabetika kienu s-segwenti:
Il-Maġistrat Charmaine Galea
Dott.ssa Franca Giordmaina
Dott. Jean Paul Grech
Il-Maġistrat Simone Grech
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit
Dott.ssa Ann Marie Thake
Il-President jifraħ lill-Ġudikanti ġodda u jirringrazzja lill-Membri tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura għax-xogħol siewi u metikoluż li wettqu.