The President of Malta

President Myriam Spiteri Debono

Search

L-E.T. il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u l-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia, nedew l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ L-Istrina BOV Piggy Bank Campaign.

Matul konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President ta’ Malta tkellmet dwar l-importanza li t-tfal ukoll jgħinu lil dawk fil-bżonn, u li b’kampanji bħal dawn titkattar ukoll il-formazzjoni tal-karattru taċ-ċittadini ta’ għada, billi jissaħħaħ fihom il-valur tal-altruwiżmu.

Hi rringrazzjat lill-Bank of Valletta, lill-Gvern u l-Oppożizzjoni, lill-amministrazzjoni tal-iskejjel, biex din l-edizzjoni tal-BOV Piggy Bank Campaign terġa’ tkun suċċess.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta Kenneth Farrugia tkellem dwar l-importanza li mhux biss jinġabru l-fondi għal dawk fil-bżonn, imma wkoll jitkattru l-valuri tas-solidarjetà u l-għajnuna lejn l-oħrajn fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni Clifton Grima qal li huwa persważ li bħal snin oħra l-istudenti se jkunu altruwisti u ġenerużi bl-għotja tagħhom.

“Din l-attività tgħin biex jiddaħħal sens ta’ solidarjetà fost l-istudenti, imma wkoll il-ġest sabiħ tagħhom huwa għaqda għal għan nobbli, dak li jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation”, qal il-Ministru Grima. Huwa rringrazzja lit-tfal kollha li f’dawn l-aħħar 20 sena kemm ilha tiġi organizzata din l-attività, taw sehemhom u ħeġġeġ lill-istudenti biex anki din is-sena jagħtu s-sehem tagħhom.

Ix-Shadow Minister responsabbli mill-edukazzjoni, l-Onorevoli Justin Schembri fisser kif inizjattivi bħal L-istrina BOV Piggy Bank Campaign fihom tifsira ‘lil hinn mill-edukazzjoni formali għax “irawmu fit-tfal tagħna sens dejjem akbar ta’ responsabbiltà u altruwiżmu lejn is-soċjetà ta’ madwarhom.” Hu wiegħed li “l-appoġġ tal-Oppożizzjoni lejn din l-inizjattiva, u kull kawża ġusta, huwa dejjem mill-qalb.”

Iċ-Chairperson tal-Malta Community Chest Fund, Sina Bugeja, ħeġġet lill-amministrazzjoni tal-iskejjel biex joħolqu sens ta’ komunità fost l-istudenti tagħhom, u jingħaqdu wara din il-kampanja. “L-eżempju jkaxkar, it-tfal se jaraw li qed tieħdu inizjattivi biex twasslu messaġġ b’risq L-Istrina, u b’hekk tkunu qed turuhom ukoll li għandna nibdew naħsbu minn eta’ żgħira f’dawk li huma fil-bżonn.”

Din hi l-21 edizzjoni konsekuttiva ta’ din l-inizjattiva b’risq il-Malta Community Chest Fund, u matul is-snin inġabru iktar minn €3 miljun. Din is-sena, qed issir enfasi wkoll fuq il-protezzjoni tal-ambjent, b’karusijiet li jistgħu jerġgħu jintużaw u magħmula minn materjal li jirrispetta l-ambjent.

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-President ta’ Malta se żżur numru ta’ skejjel tal-Gvern, tal-Knisja kif ukoll privati madwar Malta u Għawdex, kemm tal-primarja u tas-sekondarja, biex tiltaqa’ mat-tfal u twassal il-messaġġ tagħha b’risq din il-kampanja.

Skip to content