The President of Malta

Search
Close this search box.

Erba’ maġistrati jieħdu l-ġurament tal-ħatra

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Dott. Kevan Azzopardi, Dott. Gianella Camilleri Busuttil, Dott. Abigail Critien u Dott. Joseph Gatt ħadu l-ġurament tal-ħatra bħala maġistrati waqt ċerimonja li tmexxiet mill-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz ta’ Sant’Anton u li matulha fakkarhom li huma “ġudikanti kullimkien, mhux biss fuq il-bank tal-Qorti.”

Il-President Vella qal li b’mod konkret dawn il-ħatriet fil-ġudikatura qed isaħħu r-riżorsi fil-Qrati u jissudaw il-kredenzjali ta’ Malta fl-oqsma tal-istat tad-dritt u l-governanza tajba. Filwaqt li fakkar lill-ġudikanti ġodda biex ikunu mmexxija dejjem mill-prinċipji tal-imparzjalità, l-integrità u t-trasparenza, il-president saħaq dwar ir-rabta bejn il-ġustizzja u l-ugwaljanza fis-soċjetà.

“Nitlobkom iżżommu quddiem għajnejkom ir-rwol fundamentali tagħkom li tħarsu u tipproteġu lil min hu vulnerabbli u lil dawk li m’għandhomx il-fakultà li jħarsu lilhom infushom. L-aċċess sħiħ għall-ġustizzja jrid japplika għal kulħadd, inkluż għal min huwa żvantaġġat u min forsi jsib ruħu f’sitwazzjoni ta’ bżonnijiet speċjali. Ma hemmx eċċezzjonijiet,” qal il-President George Vella waqt li ferħilhom għall-karigi u għall-obbligi ġodda.

“Minn ġudikant, is-soċjetà tistenna indipendenza sħiħa, minn kull indħil, influwenza jew pressjoni esterna, biex ix-xogħol tagħkom isir bis-serenità assoluta, li jirrikjedi deċiżjonijiet ta’ piż kbir għas-soċjetà kollha,” saħaq il-President Vella waqt li ħeġġiġhom jagħmlu l-almu tagħhom sabiex b’ħidmiethom isaħħu l-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’Malta.

Preżenti għaċ-ċerimonja tal-ħatra kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, l-Avukat tal-Istat Chris Soler u l-Prim Imħallef Mark Chetcuti.

Skip to content