The President of Malta

Search
Close this search box.

Presidenti Emeriti

PresidentMaltaColor

Dr Marie-Louise Coleiro Preca

2014 - 2019

Fl-età ta’ 55 sena, Marie-Louise Coleiro Preca kienet l-iżgħar persuna li nħatret President u t-tieni Kap tal-Istat mara wara 32 sena. Il-Kamra tad-Deputati approvat b’mod unanimu riżoluzzjoni Parlamentari li nnominatha bħala President.

Marie-Louise Coleiro Preca kienet attiva fil-politika għal 40 sena, u kienet Membru Parlamentari fil-Kamra tad-Deputati bejn l-1998 u l-2014. Fi ħdan il-Partit Laburista, kienet membru tal-Eżekuttiv Nazzjonali, Assistent Segretarju Ġenerali, u Segretarju Ġenerali bejn l-1982 u l-1991. Coleiro Preca hija l-ewwel u l-unika mara li, sal-lum, okkupat din il-pożizzjoni importanti, eletta fl-ogħla livell ta’ partit politiku Malti. Coleiro Preca kienet il-President tal-Grupp tan-Nisa Soċjalisti, membru tal-Uffiċċju Nazzjonali taż-Żgħażagħ Soċjalisti (illum il-Forum Żgħażagħ Laburisti), membru fundatriċi tal-Fondazzjoni Ġużè Ellul Mercer, u editur tal-gazzetta ‘Il-Ħelsien’. Bħala Membru tal-Parlament fl-Oppożizzjoni, hija serviet bħala l-Kelliema Ewlenija għall-Politika Soċjali, it-Turiżmu, il-Linja tal-Ajru Nazzjonali, u s-Saħħa. Marie-Louise Coleiro Preca kienet membru tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat Parlamentari għall-Familja, u tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Barranin. Serviet ukoll fid-delegazzjoni Parlamentari għall-Kunsill tal-Ewropa. Marie-Louise Coleiro Preca ggradwat B.A. (Legal and Humanities) u bħala Nutar Pubbliku mill-Università ta’ Malta.

Marie-Louise Coleiro Preca taħdem bla heda biex dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà jkollhom ħajja aħjar, u kompliet issemma leħinha f’dan ir-rigward matul il-Presidenza tagħha u lil hinn minnha. Hija appoġġjat bis-sħiħ u tkellmet b’passjoni dwar numru ta’ kwistjonijiet soċjali li jinkludu l-faqar u l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza u l-ekwità, il-parteċipazzjoni u d-drittijiet tat-tfal, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, il-paċi u l-ġustizzja, id-djalogu bejn twemmin differenti, u t-transkulturaliżmu. Marie-Louise Coleiro Preca tippresiedi numru ta’ entitajiet, fejn għadha tagħmel ħilitha biex tkun vuċi għal dawk li m’għandhomx u tkun aġent għall-bidla. Coleiro Preca hija l-President  tal-Eurochild, netwerk Ewropew ta’ organizzazzjonijiet u individwi li jaħdmu mat-tfal u għat-tfal fl-Ewropa, b’mod speċjali dawk milquta mill-faqar u l-ħajja żvantaġġata. Hija l-fundatriċi u l-President tal-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjetà, li għandha l-għan li toħloq spazju sikur għad-djalogu dwar il-ġid tas-soċjetà filwaqt li tiġbor flimkien l-għarfien popolari u r-riċerka akkademika. Coleiro Preca hija wkoll iċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation, li tappoġġja liż-żgħażagħ vulnerabbli li jkunu għaddejjin minn żmien ta’ qgħad jew li jkunu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, biex ittejjeb il-ħajja tagħhom permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u President tal-Fondazzjoni Emanuele għar-Riċerka dwar il-Kanċer, organizzazzjoni f’Malta mingħajr skop ta’ qligħ għar-riċerka dwar il-kanċer. Hija membru tal-Bord Konsultattiv tal-Forum Globali dwar il-Mexxejja Politiċi Nisa.

Marie-Louise Coleiro Preca hija miżżewġa u għandha tifla.

Skip to content