The President of Malta

Search
Close this search box.

Presidenti Emeriti

6

Dr Ugo Mifsud Bonnici

1994 - 1999

Dr Ugo Mifsud Bonnici, iben Carmelo u Maria née Ross, twieled Bormla fit-8 ta’ Novembru 1932. Studja fil-Liċeo u fl-Università Rjali ta’ Malta. Iggradwa b’Baċellerat tal-Arti fl-1952 u b’Dottorat fil-Liġi fl-1955. Bħala avukat, Dr Mifsud Bonnici pprattika fil-Qrati tal-Liġi kollha ta’ Malta. Fit-3 ta’ Mejju 1959 iżżewweġ lil Ġemma née Bianco u għandhom tliet ulied: Carmelo, Anton, u Jeanne-Pia.

Huwa mexa fil-passi ta’ missieru u fl-1966 ikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista. Ġie elett mit-tieni distrett, li kien magħmul minn Bormla, il-Birgu, l-Isla, il-Kalkara, u l-Fgura. Reġa’ ġie elett fl-elezzjonijiet ġenerali sussegwenti kollha. Għal 15-il sena (1972-1987) kien il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Edukazzjoni. Fl-1977, ġie elett ukoll President tal-Kunsill Ġenerali u dak Amministrattiv tal-Partit.

Fl-1987, il-Partit Nazzjonalista tela’ fil-Gvern u Dr Mifsud Bonnici nħatar fil-Kabinett bħala Ministru tal-Edukazzjoni. Il-portafoll tiegħu kien jinkludi l-Edukazzjoni, l-Ambjent, ix-Xandir, il-Kultura, iż-Żgħażagħ, il-Mużewijiet, u l-Isport. Fl-1990 sar Ministru tal-Edukazzjoni u l-Intern. Wara l-elezzjonijiet tal-1992, Dr Mifsud Bonnici nħatar Ministru tal-Edukazzjoni u r-Riżorsi Umani.

Bħala membru tal-Parlament, Dr Ugo Mifsud Bonnici kellu interess attiv fl-aġġornament tal-leġiżlazzjoni ta’ Malta. Kien membru ta’ diversi Kumitati Magħżula, inkluż kumitat imwaqqaf biex jabbozza l-bidliet fil-Kostituzzjoni li tiddikjara lil Malta Repubblika.

Bħala Ministru, Dr Ugo Mifsud Bonnici ħadem fuq l-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni importanti bħall-Att dwar l-Edukazzjoni, l-Att dwar l-Ambjent, l-Att dwar l-Arkivji Nazzjonali, u l-Att dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali.

Minkejja l-impenji tiegħu, Dr Mifsud Bonnici kien kittieb prolifiku. L-artikli tiegħu dehru f’diversi gazzetti u wħud minnhom kienu ppubblikati f’żewġ kotba: Il-Linja t-Tajba – L-Aħjar Artikli ta’ Dottor Ugo Mifsud Bonnici, u Biex il-Futur Reġa’ Beda. Għal xi snin kien ukoll l-editur tar-rivista letterarja Malta Letterarja.

Skip to content