Segretarju permanenti ewlieni Segretarji permanenti Mistiedna distinti
Sinjuri
Ilqajt bi pjaċir l-istedina li għamilli s-sur cutajar, segretarju permanenti ewlieni, biex nindirizza din il-konferenza llum. Huwa ta’ sodisfazzjon partikolari għalija wkoll li qed niltaqgħu fil-palazz verdala għax xtaqt inwassal messaġġ ċar ta’ appoġġ lejn is-servizz pubbliku minn naħa tal- presidenza tar-repubblika.
Nibda billi nirringrazzja lis-sur cutajar talli għoġbu jtina rendikont dettaljat tal-ħidmiet u inizjattivi li ttieħdu matul dawn l-aħħar snin biex is-servizz pubbliku jkompli jtejjeb il-livell tal- qadi taċ-ċittadin u indikalna b’mod ċar fejn jixtieq li naslu.
Nifhem li dan l-avveniment tal-lum huwa l-qofol ta’ ġimgħa attivitajiet ġmielha li nvolviet bosta setturi tas-servizz pubbliku. Malli tnediet din il-ġimgħa tajt titwila lill-programm ta’ attivitajiet u laqatni bħala wieħed interessanti ferm, kemm fil-firxa tiegħu kif ukoll fis- sustanza. Nifraħ lil min ħa ħsieb ifassal u jorganizza dawn l-attivitajiet kollha.
F’ dak li għandu x’jaqsam ma’ diskussjonijiet tekniċi, naf li saru laqgħat indirizzati lejn l-ogħla uffiċjali pubbliċi sabiex jiġu diskussi l-viżjoni għas-servizz pubbliku, permezz ukoll ta’masterclasses.
M’għandix dubju li ħarġu messaġġi u rakkomandazzjonijiet tajba u f’waqthom minn dawn is- sessjonijiet. Il-fatt li l-uffiċjali stess qed jingħataw l-ispazju meħtieg biex huma stess iwassalu dak li jaħsbu li jista’ jsir huwa minnu nnifsu fattur pożittiv ferm. Fl-aħħar mill-aħħar, m’hawn ħadd aħjar mill-uffiċċjali stess li jistgħu jfasslu strateġija li jafu li tista’ tiġi mplimentata għall- benefiċċju aħħari tal-pubbliku. Il-bogħod minn dak li hemm fil-kotba, dawn l-uffiċjali bl- esperjenzi varji li għandhom, jafu fejn kien hemm nuqqasijiet fil-passat, jafu x’kompetenzi għandna, u x’kompetenzi għandna neqsin. Huma fl-aħjar pożizzjoni biex jgħidulna fejn nistgħu naslu, u f’kemm zmien.
Apparti dan kollu, l-iktar punt li laqatni fil-programm ta’ din il-ġimgħa kien l-isforz li sar biex is-servizz pubbliku jiftaħ il-bibien tiegħu liċ-ċittadini – dawk li nistgħu nsejħulhom il-klijient tiegħu. Anzi, ha nkun aktar ċar. Huma l-klijenti li fl-istess ħin huma dawk li qegħdin iħallsu għall-impjegati f’ dan is-servizz. Huma ‘l-klijenti’ u l-imgħallmin tas-servizz pubbliku fl-istess ħin.
Matul din il-ġimgħa, ħadt pjaċir nara kif fost l-oħrajn, infetħu l-bibien tal-mużewijiet u siti ta’ heritage malta fuq iż-żewġ gżejjer, kif id-dipartiment tad-dwana ħejja programm ta’ attivitajiet għall-familji u kif ġiet iddedikata ġurnata lill-korpi dixxiplinati.
Dan kollu fil-fehma tiegħi m’għandux biss il-valur ta’ ħarġa sabiħa mal-familja, iżda għandu jwassal ukoll għall-apprezzament mill-pubbliku in ġenerali, għax-xogħol li jsir ta’ kuljum mis- servizz pubbliku, li nazzarda ngħid, mhux dejjem jiġi apprezzat kif jixraqlu.
Jiena li għal snin twal ħdimt fil-qrib, u tul il-karriera tiegħi ta’ politiku, membru parlamentari u ministru, serraħt ħafna fuq ix-xogħol u l-pariri tal-uffiċċjali tas-servizz pubbliku, ninsab minn ta’ quddiem li nroddilhom ħajr għal-ħidma u l-għajnuna tagħhom. Nittama li b’inizjattivi bħal dawn, titqajjem kuxjenza iktar ħajja tar-rwol u l-utilita’ tas-servizz pubbliku li mhu xejn għajr sinsla indispensabbli tal-amministrazzjoni u t-tmexxija ta’ pajjiżna. Mingħajrhom il-pajjiż ma jimxix.
Jekk nagħtu titwila lejn dak li nkiseb f’dawn l-aħħar snin, insibu numru ta’ inizjattivi u riżultati maħsuba biex itejjbu l-għoti ta’ servizzi ta’kwalita’ aħjar, bl-inqas skariġġ possibbli liċ-ċittadin. Waħda mill-iktar effettivi fil-fehma tiegħi kienet il-ftuħ ta’ ħames ċentri reġjonali mifruxa ma’ malta, kif ukoll erbgħa ċentri speċjalizzati li jmissu mal-edukazzjoni, ‘taxpayer service’, ċentru servizz familja kif ukoll il-business first.
Apparti mil-lat prattiku ta’ dawn l-inizjattivi, naħseb illi dan il-pass kien fundamentali biex tinbidel il-mentalita’ li għadna nsibuha xi ftit jew wisq qalb iċ-ċittadini, illi biex wieħed jinqeda b’servizz irid jisfratta l-pjanijiet tiegħu jew saħansitra jitlef xi ħin minn fuq ix-xogħol, għaliex kollox kien iċċentralizzat il-belt.
L-okkażjoni tal-lum tagħtini l-opportunita’ ngħaddi rimarka pożittiva fuq l-attenzjoni li qed tingħata lill-kunċett ta’ servizz ta’ kwalita’, permezz tal-erbgħa pilastri li ġew identifikati sabiex jintlaħaq dan l-għan. L-ewwel pilastru, dak tal-‘vuċi’ huwa wieħed kemm fundamentali kif ukoll innovattiv, għaliex jagħti leħen lill-klijient, u jilqa’ wkoll il-kritika u l-ideat li jistgħu jitwasslu minn żmien għal żmien kemm mill-klijient innifsu kif ukoll mill-uffiċċjali involuti.
Il-klijent, li huwa aħna lkoll nippretendu servizz professjonali. Imma mhux biss, nippretendu servizz mogħti b’rispett u b’doża ta’ kompassjoni, speċjalment f’każi fejn l-individwu jsib ruhu f’ċirkostanzi diffiċli u estremi.
Ma jonqosx illi fost dawn il-pilastri nsibu wkoll id-‘disinn’ tal-policies u l-‘pakkett’ li bih jitwassal is-servizz pubbliku f’waqtu. L-aħħar pilastru li ġie identifikat huwa, fl-opinjoni tiegħi, il-qofol kollu tas-servizz pubbliku – qed nirreferi għall-‘kontabilita’. Ħadt gost nara li v-valuri li ġew assoċjati ma’ dan il-kunċett huma dawk tal-onesta’ u lealta’.
Naħseb li nkun qed nitkellem f’isem il-pubbliku kollu meta ngħid li dawn huma l-prinċipji bażiċi li għandhom imexxu x-xogħol tas-servizz pubbliku, u l-imġieba ta’ kuljum tal-uffiċċjali kollha.
Dan kollu jmur id f’id mal-progress li pajjiżna kiseb f’dawn l-aħħar snin. Il-ħeġġa għall- innovazzjoni, li ħadet bixra qawwija fl-oqsma tal-industrija, l-infrastruttura u s-servizzi, tajjeb li wkoll tinħass u titgawda mill-pubbliku in ġenerali meta jiġi biex jinqeda’ minn xi servizz
offrut mill-gvern. Illum il-ġurnata, bl-avvanzi enormi fit-teknologija, e-government u l- intelliġenza artifiċjali hemm ħafna lok għat-tisħiħ effiċjenti ta’dawn is-servizzi, b’inqas burokrazija u dewmien.
Ma rridux iżda, nħallu warajna lil dawk li forsi m’humiex daqstant familjari jew komdi bit- tekonoloġija u li għadhom jippreferu il-kuntatt uman sabiex jifmhu sew in-natura tas-servizz li qed jingħatalhom u iktar u iktar x’inhu mistenni minnhom sabiex igawduh.
It-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali, huma għodda utli ħafna, iżda qatt m’huma ser jieħdu, jew għandhom jieħdu post il-kuntatt uman, li jagħmel id-differenza kollha f’każi partikolari.
Bħal f’kull kuntest, huwa xieraq illi x-xogħol li jsir bi kwalita’, għandu jiġi ppremjat kemm bħala rikonoxximent tax-xogħol innifsu, kif ukoll biex iservi ta’eżempju għal ħaddieħor. Illum qed nagħtu rikonoxximent lil għadd ta’ dipartimenti li eċċellaw fit-twettiq ta’ dmirijiethom u wrew kif għandu jingħata s-servizz, u x’jistenna mill-uffiċjali pubbliċi, il-pubbliku.
Ningħaqad ma’ dawk kollha preżenti llum biex nifirħilkom u nħeġġiġkom iżżommu dan il-livell ta’ ħidma.
Sinjuri,
Nixtieq nagħlaq b’kelmtejn tal-aħħar indirizzati lill-impjegati tas-servizz pubbliku b’mod l-iktar mifrux, minn isfel għal fuq tal-iskali kollha. Ngħidilkom grazzi tax-xogħol li tagħmlu ta’ kuljum, ħafna drabi fis-silenzju u mingħajr daqq ta’ trombi, sabiex il-pajjiż ikompli jiġġedded u ċ-
ċittadin isib fikom il-milja tal-effiċjenza, tal-valuri u l-etika li ta’ kull jum għandhom jispiraw u
jmexxu lis-servizz pubbliku. Grazzi.