The President of Malta

“Iċ-Ċittadin jistenna Servizz Pubbliku motivat u ambizzjuż li jinvesti fil-futur” – il-President ta’ Malta waqt iċ-Ċerimonja tal-Għoti ta’ Rikonoxximent għas-Servizz Pubbliku

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President ta’ Malta George Vella qal li t-tiġdid sar parti mill-preżent u l-futur tal-ħidma tal-uffiċjali u l-ħaddiema fis-Servizz Pubbliku. Waqt iċ-Ċerimonja tal-Għoti ta’ Rikonoxximent għas-Servizz Pubbliku, il-President stqarr li x-xogħol fi ħdan is-Servizz Pubbliku qatt ma jista’ jkun statiku. “Minnu nnifsu s-Servizz Pubbliku għandu dejjem jevolvi u jinbidel, biex jilħaq il-ħtiġijiet ta’ soċjetà dinamika. Ilkoll nifhmu kif żviluppi fit-teknoloġija għandhom rwol ċentrali biex ikompli jintlaħaq dan il-għan”, qal il-President Vella.

Il-President irrimarka li fil-kuntest modern li qed ngħixu fih, filwaqt li parti sew mill-popolazzjoni – bħal fost l-oħrajn l-anzjani – għadha tfittex servizzi pubbliċi wiċċ imb wiċċ fid-dipartimenti u l-uffiċini, hemm persentaġġ dejjem jikber li jfittex li jinqeda fl-inqas ħin u bl-inqas skariġġ possibbli. Hawnhekk, qal il-President Vella, joħroġ biċ-ċar il-valur tat-teknoloġija mobbli li toffri soluzzjonijiet immedjati, bla ma wieħed joqgħod jinqala’ minn daru u jaħli ħinijiet twal fil-kju jew fuq it-telefon. “Fil-ħajja mgħaġġla tal-lum, dawn is-servizzi m’għadhomx meqjusa bħala lussu, iżda pjuttost saru bżonn,” żied jgħid il-President fid-diskors tiegħu.

Qabel iċ-Ċerimonja tal-Għoti ta’ Rikonoxximent għas-Servizz Pubbliku, il-President Vella u s-Sinjura Vella żaru l-EXPO tas-Servizz Pubbliku, li ġiet organizzata għall-ewwel darba din is-sena. Il-President innota kif din tat ħafna spazju għal ideat u viżjonijiet ġodda li bihom se tkompli tissaħħaħ l-effiċjenza tas-Servizz. “Rajt soluzzjonijiet imħaddma b’kapaċità u f’diversi okkażjonijiet anke żviluppati, mill-uffiċjal pubbliku. Dan ukoll hu element tal-wiċċ ġdid tas-Servizz Pubbliku, għaliex joffri karrieri anke speċjalizzati b’ħiliet varji”, qal il-President.

Dan l-għatx biex is-Servizz Pubbliku jilħaq dejjem livelli ogħla, qal il-President Vella, joħroġ bid-deher meta tikkunsidra li s-Servizz Pubbliku Malti ilu ċċertifikat bħala l-aqwa pajjiż fl-Ewropa fl-eGovernment, għal sena wara oħra, mill-Kummissjoni Ewropea. Il-President saħaq li ċ-ċittadin Malti u Għawdxi jistenna Servizz Pubbliku motivat u ambizzjuż li jinvesti fil-ġejjieni.

Il-President radd ħajr lil kull uffiċjal pubbliku għall-impenn tiegħu, u feraħ lill-uffiċjali u lid-dipartimenti li ġew rikonoxxuti għax-xogħol tagħhom f’diversi oqsma.

Skip to content