The President of Malta

Search
Close this search box.

Iċċelebrat Jum Għawdex 2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-Ħamis filgħaxija, fir-Rabat Għawdex, saret ċelebrazzjoni kommemorattiva fil-Katidral u fi Pjazza Indipendenza b’tifkira ta’ Jum Għawdex.

Għal din l-okkażjoni, attendiet l-Aġent President Dolores Cristina. Wara l-Pontifikal Solenni fil-Katidral, sar it-tqegħid ta’ kuruni tal-fjuri mal-mafkar tal-Arċipriet Saverio Cassar.

Bħala parti miċ-ċerimonja ta’ Jum Għawdex, ta’ kull sena jingħata wkoll Ġieħ Għawdex, b’turija ta’ apprezzament lill-persuni li taw kontribut lill-Għawdex tul ħajjithom.

Din is-sena l-premju ta’ Ġieħ Għawdex ingħataw lil Dott. Anton Grech u lil Mons. Joseph Vella Gauci. Dott. Grech speċjalizza fil-qasam tal-psikjatrija u kien attiv ħafna fl-Oratorju Don Bosco kif ukoll fit-twaqqif tal-Fondazzjoni OASI. L-Ambaxxatur Mons. Vella Gauci llum iservi bħala r-rappreżentant ta’ Malta għall-UNESCO u tul il-karriera tiegħu dejjem ħadem sabiex jingħata għarfien xieraq lill-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna.

F’diskors tal-okkażjoni, l-Aġent President ta’ Malta Dolores Cristina nnutat bi pjaċir li minkejja li kemm Dott. Grech kif ukoll l-Ambaxxatur Mons. Vella Gauci stabbilixxew ruħhom sew fil-qasam internazzjonali, it-tnejn li huma baqgħu attivi f’pajjiżna.  Iktar minn hekk, fissret sodisfazzjon għall-fatt li t-tnejn għadhom sal-lum joffru ħilithom għall-ġid tal-komunità Għawdxija.

Hija appellat biex kull min hu responsabbli għall-iżvilupp f’Għawdex, iżomm f’moħħu l-importanza tal-bilanċ bejn il-progress, li ovvjament għandu jkompli jseħħ, u l-ħarsien tal-wirt naturali u storiku li stqarret li huwa uniku għal dan ir-reġjun. Għalhekk, qalet l-Aġent President, “il-ħarsien ta’ dan għandu jkun dejjem l-ewwel ħsieb sabiex naraw li nipproteġu kemm il-wirt Għawdxi għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, kif ukoll l-għajxien ta’ dawk il-ħafna familji li jiddependu fuqu.”

L-Aġent President ġiet ippreżentata b’żewġ kotba, ‘Il-Qassis li Rebaħ’ u ‘The Annals of the Circolo Gozitano’.

Waqt iċ-ċerimonja indirizzaw ukoll lil dawk preżenti, il-President ta’ Reġjun Għawdex, Samuel Azzopardi, il-President taċ-Circolo Gozitano, Alfred Grech u l-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.

This image has an empty alt attribute; its file name is pr211955a.jpg
This image has an empty alt attribute; its file name is pr211955b.jpg
This image has an empty alt attribute; its file name is pr211955e.jpg
This image has an empty alt attribute; its file name is pr211955d.jpg
This image has an empty alt attribute; its file name is pr211955c.jpg
Skip to content