The President of Malta

“Id-daqs ta’ pajjiżna qatt ma kien ta’ xkiel biex il-Maltin ikunu rispettati madwar id-dinja” – il-President ta’ Malta lill-komunità Maltija tal-Kanada

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President ta’ Malta, George Vella, beda l-impenji tiegħu f’Toronto, il-Kanada, b’laqgħa ma’ rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet Maltin Kanadiżi minn oqsma differenti – mill-isport għat-tradizzjonijiet, għaqdiet reliġjużi, kummerċjali, missjunarji, tal-baned u għaqdiet soċjali.

Matul il-laqgħa, il-President Vella rrimarka li d-daqs tal-pajjiż qatt ma kien ta’ xkiel biex il-Maltin ikunu rispettati madwar id-dinja. “Qed nieħu gost nara kif l-ewwel ġenerazzjoni ta’ Maltin qed irawmu lill-membri iżgħar tal-komunità,” stqarr il-President waqt li sema’ b’interess dwar il-pjanijiet tagħhom biex ikomplu bil-ħidma permezz ta’ proġetti biex jilħqu ż-żgħażagħ fl-oqsma tal-kultura, l-inklużjoni u d-diversità.

“Impressjonat li minkejja li ilkom li tlaqtu minn Malta snin twal, bqajtu żżommu rabta ma’ Malta u żżuruha ta’ spiss,” qal il-President, waqt li ħeġġiġhom biex ma jinsewx minn fejn telqu. Preżenti għal-laqgħa kien hemm rappreżentanti, fost oħrajn, tal-Federazzjoni Maltija Kanadiża, Leħen Malti, Melita Soccer Club, Malta Band Club, Gozo Club Toronto/Maltese Canadian Gozo Association, Maltese United Society of Windsor, Maltese Canadian Association of the City of Hamilton (MCACH), Malta Village Association, il-Maltese-Canadian Museum and Archives, Volunteer Group, il-Kumitat tal-Festa San Ġorġ, u St Paul the Apostle Mission Group.

Akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, il-President Vella kellu wkoll laqgħa mal-Konslu Ġenerali għal Malta f’Toronto, Denise Demicoli, kif ukoll mal-Konsli Onorarji ta’ British Colombia, Alberta, u Quebec. Għal-laqgħa kienu preżenti wkoll rappreżentanti Kanadiżi fuq il-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra (CMLA).

Il-President u s-Sinjura Vella żaru wkoll ix-xogħlijiet li qed isiru fil-faċilità ta’ kura fit-tul f’Runnymede Healthcare Centre, li tinsab f’żona magħrufa bħala “Little Malta”, li għandha rabtiet kbar mal-komunità Maltija f’Toronto. Il-President u Kap Eżekuttiv ta’ Runnymede Healthcare Centre, Connie Dejak, spjegat lill-President Vella li bix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa se jiżdiedu l-postijiet għall-anzjani Maltin li jkollhom bżonn ta’ kura fit-tul. F’dan iċ-ċentru, il-President iltaqa’ u tkellem ma’ ħaddiema ta’ nisel Malti u ltaqa’ mal-qraba ta’ anzjana Maltija li ilha snin tieħu l-kura hawnhekk.

Skip to content