Il-President George Vella faħħar lill-komunità Maltija fi New South Wales għall-impenn tagħha biex iżżomm l-identità Maltija ħajja. “Konvint li se tnisslu wkoll l-istess sens ta’ kburija u appartenenza lejn il-Gżejjer Maltin fil-ġenerazzjonijiet iżgħar”, qal il-President Vella filwaqt li ħeġġeġ lill-membri ta’ din il-komunità biex iżommu l-kuntatti bejniethom, anke permezz tal-midja soċjali.
Waqt attività mal-komunità Maltija ta’ New South Wales, il-President Vella rrimarka li din il-komunità hija attiva fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti tradizzjonali, l-aktar “il-festi għeżież tagħna”. Il-komunità Maltija tiċċelebra l-festa tal-Vitorja qrib il-Katidral ta’ Santa Marija fil-qalba ta’ Sydney, kif ukoll festi rinomati oħra bħall-Madonna Sultana tal-Paċi, San Gejtanu u San Nikola, fost oħrajn.
Il-President Vella ħeġġeġ lill-komunità Maltija fl-Awstralja jżuru Malta regolarment biex iġeddu l-għeruq tal-identità Maltija li wirtu mill-familji rispettivi tagħhom.
B’referenza għaż-żjara tiegħu fl-Awstralja, il-President qal li l-ġranet li għaddew kienu opportunità eċċellenti biex ikomplu jsaħħu r-relazzjonijiet mill-qrib ħafna u li ilhom għal żmien twil bejn Malta u l-Awstralja. “Dawn ir-relazzjonijiet ma setgħux ikunu daqstant speċjali mingħajr il-kontribut li intom – il-komunità Maltija hawnhekk – tajtu matul is-snin”, innota l-President Vella.
Il-President żied jgħid li d-dinjitarji kollha li ltaqa’ magħhom waqt iż-żjara rreferew għall-komunità Maltija fl-Awstralja bl-ogħla tifħir possibbli. Kollha semmew il-karatteristiċi partikolari li permezz tagħhom il-Maltin jispikkaw bħala komunità, bħall-perseveranza tagħhom, is-sens qawwi ta’ komunità tagħhom, il-ġenerożità tagħhom u l-mod kif ikkontribwew għat-tkabbir tal-Awstralja permezz tal-bżulija tagħhom.
Akkumpanjat mill-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi u d-delegazzjoni tiegħu, il-President kellu wkoll laqgħa mal-Gvernatur ta’ New South Wales, Margaret Beazley. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq ir-rwol tad-Dijaspora Maltija fi New South Wales u l-aċċess tagħha għall-edukazzjoni fis-snin ħamsin u sittin, il-prijoritajiet tal-komunità biex tippreserva l-lingwa u l-kultura Maltija, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi ddokumentata l-istorja tal-migrazzjoni tal-Maltin lejn l-Awstralja. Il-President Vella rrimarka dwar l-iżviluppi ta’ Malta mill-1964 u kif, bħala stat indipendenti, żammet relazzjonijiet eċċellenti mal-Awstralja. Saret referenza wkoll għal sfidi komuni bħat-tniġġis tal-baħar, it-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li l-enerġija rinnovabbli tieħu post il-fjuwils fossili.
Iż-żewġ partijiet iddiskutew ir-rilevanza tal-Commonwealth fil-livell politiku u fl-edukazzjoni, kif ukoll ir-rwol ta’ Malta u l-Awstralja f’korpi internazzjonali u reġjonali. Fid-dawl tal-iżviluppi reċenti fil-Lvant Nofsani, il-President Vella u l-Gvernatur Beazley esprimew it-tama tagħhom li l-kunflitt ma jinxteridx fir-reġjun.
Il-President Vella attenda wkoll quddiesa fl-MSSP De Piro House, iċċelebrata minn Fr Tarcisio Micallef, fejn kellu l-opportunità jiltaqa’ mal-komunità Maltija. Wara, id-delegazzjoni żaret il-Ħamrun Club fi New South Wales.




