The President of Malta

Search
Close this search box.

Id-diskors tal-E.T. il-President George Vella fl-okkażjoni tal-25 sena mit-twaqqif tal-MUMN

Eċċellenza,

Sinjuri,

L-ewwel nett irrid nawgura Happy Birthday lill-MUMN u nirringrazzjakom tal-istedina biex ningħaqad magħkom biex nikkommemoraw dal-25 sena mit-twaqqif ta’ din l-Union tal-Qwiebel u l-Infermiera.

Illum ħadd m’għandu l-iċken dubju dwar l-importanza li għandhom il-unions fil-ħajja industrijali ta’ kull pajjiż demokratiku. Dan huwa fatt magħruf u aċċettat mad-dinja kollha. Ix-xogħol siewi li jagħmlu l-unions ma jfissirx biss l-akkwist ta’ drittijiet aħjar għall-ħaddiema, iżda wkoll iservi bħala kontribut għall-iżvilupp ta’ liġijiet industrijali li jkunu aħjar li finalment ukoll jikkontribwixxu biex tissawwar demokrazija industrijali aktar b’saħħitha u allura aktar paċi industrijali.

Qabel inkompli rrid nagħmilha ċara. Il-preżenza tiegħi hawnhekk illum, ma rridx li tiġi interpretata li jien b’xi mod qed nitfa’ l-piż tiegħi fuq xi naħa jew oħra fit-tilwima industrijali li għandkom għaddejja bħalissa. Hija sfortuna li l-anniversarju ħabat proprju f’dawn iċ-ċirkustanzi, imma assolutament m’iniex se nikkummenta dwar in-natura tat-tilwima li għaddejja. U għalhekk nappellalkom biss biex tfittxu li mill-aktar fis possibbli ssibu mod kif tirrikonċiljaw. Jiena nawgura li madwar il-mejda tad-diskussjonijiet, b’rieda tajba miż-żewġ naħat, b’dispożizzjoni għall-kompromess, jinstabu s-soluzzjonijiet meħtieġa biex il-pazjent, li huwa dak li jiddependi tant mis-servizzi tagħkom, ma jintlaqatx ħażin u l-interessi tagħhom jinżammu, kif jien ċert li intom tagħmlu, iżżommuhom f’moħħkom fin-negozjati tagħkom – fuq nett fil-prijoritajiet tagħkom bħala ħaddiema fis-settur tas-saħħa.

Kif qal is-Sur Pace, l-MUMN għandha storja interessanti u jien m’iniex se noqgħod nirrepeti dak li qal hu. Però hemm tliet affarijiet li xtaqt nirrimarka fuqhom għaliex laqtuni u interessawni.

Waħda minnhom hija t-twaqqif tal-Florence Nightingale Benevolent Fund. Din tfakkarni fil-welfare fund li kellna ġewwa t-tarzna meta kont tabib tat-tarza fl-1964 sal-1973 li minnu l-ħaddiema, il-membri, jiggwadanjaw meta jaslu fi żmien diffiċli għalihom. Din hija xi ħaġa nobbli għalija u nara li dan il-fond m’hemmx dubju li jkun apprezzat ħafna mill-membri kollha li jgħaddu minn mumenti diffiċli.

Ħadt ukoll pjaċir ninnota li l-MUMN, kif anki rrimarkajt int Sur Pace, rat il-ħtieġa wkoll li titwaqqaf ‘Learning Institute for Healthcare Professionals’. Dan huwa xi ħaġa kif illum hemm f’kull professjoni u intom bħala membri ta’ dawn il-professjonijiet tafu illi continuous medical education hija ċ-ċavetta sabiex jibqa’ jkollok servizzi tajbin u servizzi ta’ kwalità. Din hija xi ħaġa f’din il-linja u jiena ma nistax ma ngħidilkomx proset għaliha.

Ukoll napprezza ħafna li f’dan l-istitut ġejt infurmat li wkoll qegħdin toffru servizzi ta’ għajnuna fil-qasam tas-saħħa mentali. U dan huwa importanti ħafna apparti l-fatt li ma nistgħux ma nkunux aħna sensittivi għal dawn il-każi, però m’hemmx dubju illi bl-imxija tal-pandemija tal-Covid-19, is-saħħa mentali f’Malta u fid-dinja ġiet affettwata ħażin u dan ngħid jien, f’pajjiżna speċjalment, f’kull settur u kull age bracket tas-soċjetà tagħna.

Jien nawguralkom li bis-saħħa ta’ din il-binja l-ġdida jkollkom aktar spazju fejn twettqu l-għanijiet tagħkom sabiex tkunu dejjem ta’ appoġġ għall-ħaddiema li tirrappreżentaw biex b’hekk il-pazjent jibqa’ jirċievi l-aħjar attenzjoni possibbli.

Illum qegħdin hawnhekk ukoll biex nagħtu ġieħ lill-infermiera u l-qwiebel kollha f’pajjiżna f’din l-okkażjoni.

Jekk nirriflettu ftit, in-nies f’dawn il-professjonijiet isegwuna tul ħajjitna kollha, mit-twelid, għal kull meta jkollna bżonn interventi mediċi matul ħajjitna.

Il-pandemija tal-Covid urietna l-valur imprezzabbli tax-xogħol tal-ħaddiema tas-settur tas-saħħa. U ma nistax qiegħed hawnhekk jien ma nroddx ħajr, u nerġa’ nirrepeti dak li għidna kemm-il darba, il-grazzi kbira li l-poplu Malti kollu jagħti lill-infermiera. Rajna kif fil-kriżi globali li għaddejna u għadna għaddejjin minnha, huma kienu u għadhom fuq quddiem nett, f’pajjiżna bħal f’kull pajjiż ieħor, sabiex bil-ħiliet u d-dedikazzjoni tagħhom jaraw li kulħadd jibqa’ jingħata l-kura li għandu bżonn.

Jien ammirajt ħafna d-deċiżjoni tal-ħafna, meta fil-bidu tal-pandemija ddeċidew, ħafna infermiera qed ngħid, li fil-bidu tal-pandemija ddeċidew li saħansitra jħallu djarhom u jmorru jgħixu għal rashom sabiex jipproteġu lill-għeżież tagħhom mill-mard kif ukoll jagħtu l-mija fil-mija lill-pazjenti li kienu taħt il-kura tagħhom.

Kienu deċiżjonijiet iebsa.  Qatt mhu faċli li tħalli l-familja warajk, speċjalment f’ċirkustanzi bħal dawk li konna għadna deħlin f’pandemija li ħadd ma kien għadu jaf eżatt x’se tfisser, kemm se ddum u xi ħsara se tagħmlilna.  Iżda dawn in-nies urewna t-tifsira ta’ sagrifiċċju, ta’ professjonalità u ta’ umiltà. U fakkruna wkoll l-importanza tar-reżiljenza u tal-perseveranza.

Bis-saħħa tagħhom nistgħu niltaqgħu hawn illum, hekk kif bis-sagrifiċċju tagħhom għenu bil-kbir biex jitnaqqas it-tixrid tal-mard kif ukoll it-telf ta’ ħajjiet.

Għallmu lil ħafna, speċjalment dawk li fil-bidu kienu xettiċi dwar il-kruha ta’ dan il-virus.  Tennewlna ta’ spiss sabiex nieħdu l-prekawzjonijiet kollha u b’hekk ngħinuhom jikkonċentraw fuq dawk il-każijiet li tassew kellhom bżonn.

Rajniehom għajjenin, anzi bla saħħa, wara ġranet sħaħ ta’ xogħol kontinwu. Rajniehom jagħmlu kuraġġ lil xulxin biex ikomplu b’ħidmiethom.

Rajniehom ukoll iduru bl-għeżież tagħna u jagħtu dak il-wens li l-familjari minħabba r-restrizzjonijiet ma setgħux jagħtuhom huma.

Jissemmew forsi aktar in-nurses għax kienu fuq quddiem, imma lkoll nafu, li warajhom kien hemm kategorija oħra ta’ professjonisti li jaħdmu katina flimkien biex fl-aħħar mill-aħħar jingħata l-aqwa servizz lill-pazjent.

F’isem il-Poplu Malti u Għawdxi nirringrazzjakom kollha talli ma qtajtux qalbkom u li dejjem żammejtu f’moħħkom li l-kura tal-pazjenti għandha tiġi l-ewwel u qabel kollox.

Però nkun qed nonqos jekk mal-Union tal-Qwiebel u l-Infermiera ma nsemmix ukoll il-qwiebel. Grazzi tax-xogħol kbir li tagħmlu u tad-deċiżjonijiet li jkollkom tieħdu l-ħin kollu waqt xogħolkom biex tassiguraw li fl-aħħar tat-tbatijiet tal-ħlas, ikollkom f’idejkom omm kuntenta b’tarbija f’saħħitha.

Tafu bħali li sfortunatament mhux dejjem ikun il-każ hekk. U proprju hemmhekk fejn tidħol il-professjonalità tagħkom biex tgħinu lill-pazjenta tgħaddi minn dawn iż-żminijiet diffiċli.

Nikkonkludi billi ngħid proset mill-ġdid lill-parteċipanti kollha li taw sehemhom sabiex ittellgħu dawn l-attivitajiet.

U filwaqt li nawgura mill-ġdid lill-MUMN fl-anniversarju tat-twaqqif tagħha, niżżi ħajr lill-MUMN ta’ din l-inizjattiva sabiħa. Grazzi ħafna.

Skip to content