The President of Malta

Il-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu 2023 se jsir fil-5 ta’ Awwissu

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President George Vella ħabbar li l-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu 2023 se jsir nhar is-Sibt, 5 ta’ Awwissu, fil-ġonna tal-Palazz Verdala.

Din se tkun il-ħames u l-aħħar edizzjoni tal-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu li qed tiġi organizzata taħt il-Presidenza tal-President George Vella b’risq The Malta Community Chest Fund.

Waqt li radd ħajr lill-kumitat organizzattiv tal-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu għall-ħidma tagħhom fl-aħħar ħames snin, il-President Vella awgura li l-edizzjoni ta’ din is-sena tkun suċċess bħalma kienu l-balli tal-aħħar snin. Il-President fakkar li dan l-avveniment, li issa daħal sew fil-kalendarju tal-Presidenza, huwa wieħed mill-ikbar avvenimenti li jsiru matul is-sena biex jinġabru fondi għal The Malta Community Chest Fund. “Din mhijiex biss ħaġa li se nħallas ħalli mmur niddeverti, però ħa nħallas u fl-istess ħin naf li qed nikkontribwixxi għal kawża ġusta li hija ta’ valur soċjali qawwi,” qal il-President Vella.

Filwaqt li rrimarka li żdiedu n-nies li jitolbu l-għajnuna ta’ The Malta Community Chest Fund, fost oħrajn għal xiri ta’ mediċini u meta jsiefru barra għall-kura, il-President qal li l-fondazzjoni ma tkunx tista’ tissodisfa dawn it-talbiet mingħajr id-dħul ta’ attivitajiet bħal din.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv tal-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata, irringrazzja lill-kumpaniji u l-entitajiet kollha li qed jgħinu biex jittella’ l-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu 2023.

Il-biljetti jistgħu jinxtraw online minn www.augustmoonball.com.

Skip to content