The President of Malta

Il-frontliners tal-Isptar Mater Dei jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-President ta’ Malta

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President ta’ Malta George Vella sema’ l-esperjenzi tal-frontliners tal-Isptar Mater Dei fl-aħħar sena tal-pandemija tal-Covid-19, waqt ikla ta’ ringrazzjament li, minħabba r-restrizzjonijiet ta’ bħalissa, saret għal numru limitat ta’ rappreżentanti tagħhom fil-Palazz Verdala.

Fl-ewwel attività ta’ din ix-xorta, bit-tema ‘Nerġgħu niltaqgħu’, il-President irringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-isptar f’isem il-poplu tal-ħidma bla waqfien u tal-kontribut li taw fiċ-ċirkustanzi ta’ sfida li laqtu lid-dinja kollha. “Nesprimi l-apprezzament tiegħi lejkom, li ħdimtu flimkien bħala familja kbira u li bħala katina waħda, bnejtu element ta’ fiduċja fil-poplu kollu”, qal il-President li fisser kif id-djalogu u l-koperazzjoni li ħaddnu l-frontliners kienu ċ-ċavetta li wasslet għas-suċċess waqt l-eqqel tal-pandemija.

Filwaqt li appella għall-kawtela, il-President Vella qal li mill-pandemija tgħallimna kif kull impjieg huwa importanti u wera apprezzament għal-lealtà li l-frontliners fil-qasam tas-saħħa wrew lejn il-valuri tal-professjoni tagħhom, ibbażati fuq l-empatija, ir-responsabbiltà u r-rispett assolut lejn il-valur tal-ħajja umana.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Celia Falzon esprimiet sodisfazzjon għal-livell ta’ kompetenza, ta’ mħabba u ta’ impenn li wrew il-ħaddiema kollha tal-Isptar Mater Dei lejn xogħolhom.

Il-President sema’ l-esperjenzi li għaddew minnhom, imsawra mill-emozzjonijiet ta’ biża’, qtigħ il-qalb u inċertezza li ħassew tul l-aħħar xhur.

Filwaqt li esprima gratitudni għal kull wieħed u waħda mill-frontliners preżenti, il-President qal li fil-ġimgħat li ġejjin ser ikunu qed isiru djalogi oħrajn ta’ din ix-xorta ma’ frontliners minn oqsma oħra li tul il-pandemija kienu minn ta’ quddiem biex tkun miġġielda l-Covid-19.

Skip to content