The President of Malta

“Il-Kamra tal-Kummerċ qisha mera li tirrifletti l-iżviluppi tajbin u inqas tajbin fis-soċjetà” – il-President George Vella

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President ta’ Malta George Vella qal li bl-istudji dettaljati, konsultazzjonijiet u stqarrijiet b’saħħithom li toħroġ, il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża, u l-Industrija qisha mera li tirrifletti l-iżviluppi tajbin u inqas tajbin li qed iseħħu fis-soċjetà Maltija.

Waqt li kien qed jindirizza attività fl-okkażjoni tal-175 anniversarju mit-twaqqif tal-Kamra tal-Kummerċ, il-President Vella esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħidma li l-Kamra qed twettaq biex Malta mhux biss issaħħaħ l-ekonomija u l-kummerċ, iżda tikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja b’sehem kostruttiv fit-tfassil ta’ politiki nazzjonali li jmorru lil hinn mill-oqsma kummerċjali.

Il-President Vella qal li jemmen li l-Kamra tal-Kummerċ qed taqdi rwol importanti biex is-settur kummerċjali jaħdem ma’ oqsma oħrajn għat-titjib kollettiv ta’ ħajjiet.

“Insemmi pereżempju l-importanza ta’ suġġetti bħall-ambjent, l-edukazzjoni, it-tisħiħ tas-soċjetà, il-multikulturaliżmu, l-istat tad-dritt u l-politika barranija meta wieħed ikun qed jiddiskuti t-tkabbir tal-ekonomija u l-profil kummerċjali tal-pajjiż,” qal il-President George Vella.

Waqt li tkellem fuq is-suq tax-xogħol, huwa qal li jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kamra tal-Kummerċ biex tkompli tinbidel il-mentalità li l-edukazzjoni mhix biss akkademika imma li għal riżultati pożittivi u fit-tul, trid tinkludi wkoll il-valuri tal-komunità, l-apprezzament tat-teknoloġija, il-ħsieb kritiku, it-tħaddim tajjeb tal-media u l-inklużjoni kulturali.

Il-President Vella rrefera għall-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema barranin u saħaq li “la l-pajjiż ġie bżonnhom, huwa fid-dover li jħares l-interessi u d-dinjità tagħhom.” Il-President appella lill-awtoritajiet u lill-membri tal-Kamra tal-Kummerċ biex jagħmlu l-almu tagħhom fit-tfassil ta’ politiki u iktar infurzar.

Dwar l-ambjent, il-President qal li japprezza li l-Kamra tagħraf li hemm bżonn jissemma aktar meta nindirizzaw il-kwalità tal-ħajja u biex il-membri tagħha jagħtu aktar importanza lis-sostenibbiltà u mhux lill-profitti biss.

Fil-kuntest tar-rwol storiku li l-Kamra tal-Kummerċ kellha tul dawn il-175 sena, il-President Vella qal li l-organizzazzjoni dejjem imxiet mal-iżviluppi kontemporanji taż-żmien fosthom bħala xprun strateġiku għall-kummerċ Ingliż fil-Mediterran u baqgħet miexja pari passu mat-tibdil li għaddiet minnu Malta.

Filwaqt li rringrazzja lis-Sinjura Marisa Xuereb, President tal-Kamra tal-Kummerċ għat-tmexxija eċċellenti li biha kompliet issaħħaħ ir-rispett li tgawdi l-Kamra, il-President George Vella ħeġġeġ lill-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija biex fis-snin li ġejjin tibqa’ żżomm is-sens ta’ indipendenza fil-kritika tagħha bbażata fuq il-fatti u mhux l-ispekulazzjoni.

Skip to content