The President of Malta

Search
Close this search box.

Il-Kummissarju Għoli tar-Repubblika Magħquda tat-Tanzanija Mahmoud Thabit Kombo jippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President ta’ Malta

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-Kummissarju Għoli tar-Repubblika Magħquda tat-Tanzanija Mahmoud Thabit Kombo ippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz tal-Gran Mastru, fil-Belt Valletta.

Il-President Vella laqa’ lill-Kummissarju Għoli għal Malta u esprima t-tama għal aktar kooperazzjoni mat-Tanzanija matul il-mandat tiegħu. Il-President irrefera għar-relazzjoni kostruttiva ħafna bejn it-Tanzanija u l-UE u l-isforzi li qegħdin isiru biex jitrawmu l-kummerċ u t-tkabbir. Fakkar ukoll li Malta nediet l-Istrateġija tagħha għall-Afrika f’Jannar tal-2020 li tirrifletti approċċ innovattiv għall-Afrika u li, flimkien mal-ftuħ tal-ewwel ambaxxati sub-Saħarjani tagħna fil-Ghana u l-Etjopja, tikkonsolida l-impenn ta’ Malta biex isservi ta’ pont bejn il-kontinenti. Il-kooperazzjoni multilaterali, qal il-President Vella, għadha qiegħda tiġi implimentata b’mod effettiv permezz tal-Commonwealth u l-proġetti tagħha mmirati lejn il-ġlieda kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima.

Il-Kummissarju Għoli Mahmoud Thabit Kombo esprima l-apprezzament ta’ pajjiżu għall-kontribut li qiegħda tagħti Malta għall-bini tal-kapaċità f’għadd ta’ setturi importanti bħad-diplomazija u l-istudji dwar il-liġi marittima. Diversi studenti għamlu l-istudji terzjarji ta’ speċjalizzazzjoni tagħhom f’Malta b’riżultati eċċellenti, u dan huwa ta’ benefiċċju kbir għall-awtoritajiet Tanzanin. Huwa ta ħarsa ġenerali lejn it-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż, l-aktar bis-saħħa tal-profil turistiku b’saħħtu ħafna fir-reġjun. Fir-rigward tas-sostenibbiltà, Malta hija mudell li t-Tanzanija qiegħda tqis dejjem aktar, b’mod partikolari għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-plastik u għar-riċiklaġġ fl-aktar sens wiesa’.

OPR Credentials Ceremony – High Commissioner of the United Republic of Tanzania
OPR Credentials Ceremony – High Commissioner of the United Republic of Tanzania
OPR Credentials Ceremony – High Commissioner of the United Republic of Tanzania
OPR Credentials Ceremony – High Commissioner of the United Republic of Tanzania
OPR Credentials Ceremony – High Commissioner of the United Republic of Tanzania
Skip to content