The President of Malta

Il-Maltin li jgħixu barra għandhom iċ-ċavetta għal relazzjonijiet bilaterali fit-tul li jibqgħu sodi f’kull żmien – il-President ta’ Malta

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Fl-aħħar impenn taż-żjara statali fl-Irlanda, il-President George Vella u s-Sinjura Miriam Vella, flimkien mal-President tal-Irlanda, Michael D. Higgins u s-Sinjura Sabina Higgins, iltaqgħu ma’ rappreżentanti tal-komunità Maltija fl-Irlanda. “Kull fejn inżur, inħoss li wieħed mill-aktar mumenti sinifikanti taż-żjara jkun dak li jlaqqagħni mal-komunitajiet ta’ Maltin ’il bogħod minn xtutna”, qal il-President.

Il-President Vella enfasizza l-importanza li jagħti lir-relazzjonijiet bejn il-popli. “Minbarra l-formalitajiet, il-ftehimiet u l-laqgħat uffiċjali, intom – il-familji tagħkom, l-imprendituri, il-professjonisti fl-oqsma differenti, l-istudenti – għandkom iċ-ċavetta għal relazzjonijiet bilaterali fit-tul li jibqgħu sodi f’kull żmien,” stqarr il-President. Fl-indirizz tiegħu lill-Maltin li jgħixu fl-Irlanda, il-President Vella faħħar il-kontribut tagħhom biex tkompli tissaħħaħ il-ħbiberija dejjiema bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-President indirizza lill-komunità Maltija bl-ilsien Malti u ħeġġiġhom biex kemm jista’ jkun possibbli, ma jinsewx l-ilsien Malti. “Naf li diffiċli li tipprattikawh kuljum hawnhekk, iżda komplu żommuh b’għożża u ħarsuh kemm tistgħu, speċjalment min fostkom forsi qed irabbi t-tfal u bena familja hawnhekk”, qal il-President, waqt li fakkar lill-Maltin li kull waħda u wieħed minnhom huma ambaxxaturi ta’ pajjiżna fl-Irlanda.

Din iż-żjara statali fl-Irlanda, qal il-President, “hija avveniment importanti li saħħaħ il-ħbiberija b’saħħitha ħafna li hemm fil-qalba tar-relazzjonijiet mill-qrib bejn iż-żewġ pajjiżi.”

Il-President Higgins irringrazzja lil madwar 200 Malti li jgħixu fl-Irlanda għall-kontribut importanti tagħhom lis-soċjetà, l-ekonomija u l-kultura tal-pajjiż permezz tat-talenti u l-ħidma tagħhom u l-esperjenza rikka tagħhom.

Fl-Irlanda, il-President ta’ Malta kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli.

Ritratti (DOI/OPR)

Skip to content