Il-Palazz Verdala

Fil-post fejn illum insibu l-Palazz Verdala kien hemm dwejra mibnija bejn l-1557 u l-1568 mill-Gran Mastru Jean de la Valette-Parisot għal meta kien imur għall-kaċċa. Il-Palazz li nsibu llum inbena mill-Gran Mastru Hughues Loubenx de Verdalle Verdalle fl-1586. Intgħażlu l-inħawi tal-‘Boschetto’ minħabba l-veġetazzjoni folta tal-post, ideali fejn l-annimali selvaġġi li ntelqu hemm mill-Ordni setgħu jimirħu. Il-miġra fil-wied ta’ taħt kienet għejun ta’ ilma kontinwu għal kważi s-sena kollha, b’hekk dil-miġra kienet tisqi u tgħin biex joktru l-flora u l-fawna. L-arkitett Gerolamo Cassar, l-arkitett Malti tal-Ordni, matul it-tmexxija tal-Gran Mastru Verdalle (1582-1595) fassal il-pjanti għal struttura fortifikata biex isservi bħala difiża bażika kontra l-attakki għall-għarrieda mit-Torok li kienu ikollna minn żmien għal żmien. L-aktar fattur prominenti fost l-elementi ta’ difiża li ddaħħlu fid-disinn kien il-foss li jdawwar il-Palazz. Il-ġebel żmarrat minn dal-foss intuża fil-bini tal-Palazz.

Il-Gran Mastri Jean de Lascaris-Castellar (1636-1657) u aktar ’il quddiem il-Gran Mastru Manoel de Vilhena (1722-1736)  ikkontribwixxa għat-tisbiħ ta’ dal-Palazz. Wara li l-Ordni tkeċċa minn Malta, il-Palazz Verdala ntuża bħala ħabs militari għas-suldati ta’ Napuljun li kienu ċedew għat-truppi Maltin u Ingliżi.  Għal xi żmien wara l-bini serva wkoll bħala fabbrika tal-ħarir u wara tħalla fi stat ta’ abbandun u spiċċa żdingat.  Il-Gvernatur Sir Frederick Ponsonby (1827-1836) kien l-ewwel wieħed li pprova jagħmel xi tiswijiet fil-bini, iżda kien fi żmien il-Gvernatur Sir William Reid (1851-1858) li l-bini ġie restawrat għall-ġmiel li kien igawdi qabel.

Il-Palazz Verdala wara serva bħala r-residenza tal-Gvernaturi li komplew jarmawh u jsebbħuh.  Fl-1939, mal-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, dal-Palazz serva bħala post fejn tqiegħdu x-xogħlijiet tal-arti tal-Mużew Nazzjonali.

Fl-1982, il-Palazz Verdala beda jilqa’ l-Kapijiet ta’ Stat li jżuru Malta. Ġiet stallata sistema ġdida tal-elettriku, tkaħħlu mill-ġdid il-ħitan minn barra u sar titjib fil-faċilitajiet.

Fl-1987, l-Aġent President Paul Xuereb beda juża l-Palazz Verdala bħala r-residenza uffiċjali tiegħu.

Il-Palazz laqa’ fih diversi personalitajiet distinti, bħar-Re George V u r-Reġina Mary fl-1912, il-Prinċep Albert fl-1913, u aktar tard f’April tal-1943 ir-Re George VI.  Żaruh ukoll ir-Re Dwardu VII u r-Reġina Alexandra, l-Imperatriċi Marie Feodorovna tar-Russja fl-1909 u fl-1919, il-Kaiser Wilhelm II, il-Kurunell Muammar al-Gaddhafi, mexxej tar-Revoluzzjoni tal-Ewwel ta’ Settembru tal-Kbira Ġemaħirija Għarbija Libjana, Popolari u Soċjalista, Josip Broz Tito, President ta’ l-ex Jugoslavja, Nicolae Andruta Ceausescu, li kien il-President tar-Romania u Giovanni Leone, dak li kien President tal-Italja.

Il-Palazz Verdala issa huwa r-residenza uffiċjali tas-sajf tal-President ta’ Malta.  Dan l-aħħar qed jiġu organizzati attivitajiet bħal kunċerti u l-August Moon Ball ta’ kull sena, biex jinġabru fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund.