“Nagħmlilkom appell sinċier biex dan it-tagħrif siewi jiġi utilizzat għall-benefiċċju tas-soċjetà, u mhux jispiċċa ġo xi kexxun bħala eżerċizzju akkademiku biss. Kif jgħid il-Malti ‘il-mazz f’idejkom’. Din l-għodda tajnihielkom biex tintuża.” Stqarr dan il-President ta’ Malta, George Vella, fit-tmiem tat-tielet edizzjoni tal-Konferenza ‘L-istat tan-nazzjon’.
Huwa fisser kif permezz tal-Konferenza ttieħed ‘ritratt’ tagħna nfusna u issa jmiss naraw x’ser insarrfu minnu, u kif ser ngħaddu mill-kliem għall-fatti.
Huwa dar fuq il-mexxejja, il-politiċi, l-awtoritajiet, l-akkademiċi, is-soċjetà ċivili, l-operaturi ekonomiċi u kull min iktar jista’ jagħti sehmu u fisser kif għandhom ir-responsabbiltà li ma jitilfux l-interess, l-għarfien u l-motivazzjoni li ħarġu b’mod prominenti permezz ta’ din l-inizjattiva.
Il-President appella wkoll lill-entitajiet u l-individwi kollha li jħossu li jistgħu jagħtu sehem, jagħmlu dan fi spirtu ta’ kooperazzjoni u mhux kompetizzjoni. “L-interess kollettiv tagħna, u ta’ dawk li ġejjin warajna, jiddependi minna kollha llum u mhux għada”, qal il-President.
Huwa żied iwiegħed kull appoġġ u sapport meħtieġ fejn u meta jinħass il-bżonn biex din l-inizjattiva tissokta.
Il-President temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni li qasmu l-ħsibijiet tagħhom.
Irringrazzja wkoll lill-Ex Prim Ministri Sant u Gonzi, il-kelliema kollha li ħadu sehem attiv f’din il-Konferenza, lill-membri tal-pubbliku li pparteċipaw fl-istħarriġ, u lil kull min ta s-sehem tiegħu biex għal darb’oħra sseħħ din il-Konferenza b’suċċess.



