The President of Malta

Search
Close this search box.

Il-President George Vella jħeġġeġ lill-Awtorità tal-Ippjanar u awtoritajiet regolatorji oħra biex ikunu aġenti tal-bidla

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President ta’ Malta George Vella nieda ktejjeb diġitali b’tagħrif dwar l-ilsien Malti u riżorsi utli għall-istudenti u l-ġenituri li jistgħu jgħinuhom fl-istudju. L-aċċess għal dan il-ktejjeb diġitali se jkun permezz ta’ kodiċi QR fuq werrejja li se jitqassmu lill-istudenti kollha tal-Primarja u s-Sekondarja f’Malta u f’Għawdex.

Fi tnedija fil-Kulleġġ San Injazju Skola Medja Ħandaq, il-President Vella spjega li din l-inizjattiva qed tagħti bidu għat-tieni parti tal-kampanja “L-Ilsien Malti għal Qalbi” favur l-użu tajjeb tal-lingwa Maltija. “Sa mill-bidu tal-Presidenza tiegħi insistejt b’mod qawwi u sħiħ dwar it-tħaddim xieraq tal-lingwa Maltija. Insistejt li dan l-impenn ma jridx jkun ġej biss mill-għaqdiet tal-Malti li flimkien ingħaqdu biex jaħdmu mal-Uffiċċju tiegħi għal dan il-għan,” qal il-President. Żied li dan l-impenn għandu jkun ta’ kull wieħed u waħda minna, iżda mhux l-inqas tal-istituzzjonijiet li għandhom id-dmir u d-dover li jixprunaw lill-poplu biex jagħmel dan.

Il-President ħabbar li x-xahar id-dieħel l-Uffiċċju tal-President u l-għaqdiet tal-Malti se jtellgħu konferenza, bl-isem “L-ilsien Malti għal Qalbi – Konferenza dwar l-użu ta’ lsienna fostna”, li se ġġib flimkien bosta minn dawk li għandhom poter deċiżjonali dwar kif u b’liema mod jintuża l-Malti. “Nittama li d-diskussjoni li se tixpruna din il-konferenza twassal biex jiġu identifikati l-modi kif nistgħu nħaddmu l-lingwa aħjar,” stqarr il-President Vella.

Justine Somerville, f’isem l-għaqdiet tal-Malti, spjegat lill-istudenti li l-għan tal-ktejjeb huwa li jkun punt ta’ referenza għal dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ilsien Malti għax fih isibu, fost oħrajn, tagħrif dwar karrieri li jistgħu jaqbdu jekk ikunu jafu jħaddmu l-Malti tajjeb, kurżitajiet fuq il-lingwa u kif żviluppa, struzzjonijiet biex iniżżlu l-ittri tal-Malti fuq il-mobile jew it-tablet, u links għal siti fuq l-internet marbuta mal-lingwa Maltija. Dwar il-konferenza, is-Sinjorina Somerville spjegat li din se tkun opportunità biex nirriflettu fuq it-tħaddim tal-Malti fil-pubbliku bis-sehem ta’ kelliema li se jittrattaw sitwazzjonijiet differenti li fihom jintuża l-Malti u kif il-lingwi jistgħu jagħmlu s-servizzi pubbliċi aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini, fost l-oħrajn.

Indirizzaw it-tnedija l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Justin Schembri, li stqarrew li inizjattivi bħal dawn huma importanti biex iżommu l-ilsien Malti ħaj b’mod partikolari fost l-istudenti.

Il-kampanja “L-Ilsien Malti għal Qalbi” qed tittella’ mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta b’kollaborazzjoni ma’ seba’ għaqdiet tal-Malti: il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta, l-Akkademja tal-Malti, l-Għaqda tal-Malti – Università, l-Għaqda tal-Għalliema tal-Malti, Inizjamed, u l-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti.

Skip to content