Illum waranofsinhar, il-President George Vella laqa’ żjara ta’ korteżija minn Luca Beccari, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, il-Kooperazzjoni Ekonomika Internazzjonali u t-Telekomunikazzjonijiet tar-Repubblika ta’ San Marino, fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Qabel kollox, il-President Vella rrefera għar-relazzjonijiet eċċellenti u l-iskambji attivi bejn iż-żewġ pajjiżi. Huwa laqa’ l-interess kontinwu li wera San Marino fit-tisħiħ u t-titjib tar-relazzjonijiet ma’ Malta. Il-President semma l-Memorandum ta’ Qbil dwar Konsulenzi Politiċi li ġie ffirmat waqt iż-żjara li għaddejja tal-Ministru f’Malta. Ġew diskussi wkoll ir-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea fejn il-President Vella enfasizza l-appoġġ ta’ Malta għan-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika ta’ San Marino. Tali ftehim ikun ta’ benefiċċju kemm għall-UE kif ukoll għar-Repubblika ta’ San Marino f’diversi oqsma, b’mod speċjali dawk soċjali u ekonomiċi.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Beccari esprima sodisfazzjon għall-qafas legali sod ma’ Malta u żied jgħid li San Marino huwa interessat li jibda proġetti konġunti bħala l-pass li jmiss. Huwa ta spjega dettaljata tal-istat attwali tan-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u r-riformi li ġew implimentati f’dan ir-rigward. Wassal l-apprezzament għall-appoġġ ta’ Malta f’dan il-proċess ta’ relazzjonijiet aktar mill-qrib mal-UE u identifika l-amministrazzjoni pubblika u l-gvern elettroniku bħala oqsma possibbli ta’ kooperazzjoni tanġibbli u qsim ta’ għarfien espert mill-awtoritajiet Maltin.
Ġiet diskussa s-sitwazzjoni globali ġenerali, b’enfasi partikolari fuq il-gwerra fl-Ukrajna u l-konsegwenzi mifruxa tagħha.
Ritratti: OPR

